Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MILL-ARKIVJI TAGĦNA

Il-verità tasal fil-Ġappun

Il-verità tasal fil-Ġappun

F’Tokyo ntużaw inviti għal taħdita pubblika, u f’Osaka l-inviti ġew imxerrdin mill-ajruplani

FIS-6 taʼ Settembru 1926, Ġappuniż li kellu l-kariga taʼ pellegrin (indokratur li jivvjaġġa) fl-Istati Uniti mar lura l-Ġappun bħala missjunarju. Jistennieh biex jilqgħu kien hemm l-uniku wieħed li abbona għat-Torri tal-Għassa, li kien beda studju tal-Bibbja maʼ grupp fil-belt taʼ Kobe. F’din il-belt, l-Istudenti tal-Bibbja kellhom l-ewwel assemblea fit-2 taʼ Jannar 1927. Attendew 36 u tgħammdu 8. Kien bidu tajjeb, imma dan il-grupp żgħir, kif setaʼ jilħaq lis-60 miljun ruħ li kienu jgħixu l-Ġappun li kellhom bżonn jaraw il-verità tal-Bibbja?

F’Mejju 1927, Studenti tal-Bibbja mimlijin entużjażmu bdew kampanja taʼ ppritkar f’postijiet pubbliċi biex jirreklamaw serje taʼ taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja. Għall-ewwel taħdita, li kellha ssir f’Osaka, l-aħwa poġġew tabelli fuq il-bankini u għamlu billboards kbar mal-belt kollha u bagħtu 3,000 stedina lil nies prominenti. Ħallew 150,000 invit u rreklamaw it-taħdita fil-gazzetti prinċipali taʼ Osaka u fuq 400,000 biljett tal-ferrovija. Dakinhar tat-taħdita, żewġ ajruplani ttajru mal-belt u xerrdu 100,000 invit. Xi 2,300 ruħ imlew l-Osaka Asahi Hall biex jisimgħu t-taħdita “Is-Saltna t’Alla hi fil-qrib.” Xi elf ieħor baqgħu ma semgħu xejn għax ma kellhomx fejn joqogħdu. Wara t-taħdita, minn dawk li attendew kien hemm iktar minn 600 li baqgħu għas-sessjoni taʼ mistoqsijiet u tweġibiet. Matul ix-xhur taʼ wara, taħditiet pubbliċi bbażati fuq il-Bibbja ngħataw fil-belt taʼ Kyoto u bliet oħra fin-naħa tal-Punent tal-Ġappun.

F’Ottubru 1927, l-Istudenti tal-Bibbja rranġaw biex ikun hemm taħditiet f’Tokyo. Għal darb’oħra, ingħataw inviti lil nies prominenti—fosthom il-prim ministru, membri parlamentari, u mexxejja reliġjużi u militari. Intużaw posters, reklami fil-gazzetti, u 710,000 invit. Għat-tliet taħditiet fil-belt kapitali tal-Ġappun attendew 4,800 ruħ.

PIJUNIERI ŻELUŻI

Katsuo u Hagino Miura

Il-pijunieri (li dak iż-żmien kienu jissejħu colporteurs) kellhom sehem importanti f’li jxandru l-messaġġ tas-Saltna lil kull dar. Matsue Ishii, li kienet waħda mill-ewwel pijunieri fil-Ġappun, u żewġha Jizo, koprew tliet kwarti tal-pajjiż, minn Sapporo li qiegħda fit-Tramuntana sa Sendai, Tokyo, Yokohama, Nagoya, Osaka, Kyoto, Okayama, u Tokushima. Oħtna Ishii u oħt akbar minnha, Sakiko Tanaka, libsu kimoni formali biex iżuru lil uffiċjali tal-gvern imlaħħqin. Wieħed minnhom talab għal 300 ktieb taʼ The Harp of God u 300 ktieb taʼ Deliverance biex jitpoġġew fil-libreriji tal-ħabs.

Katsuo u Hagino Miura aċċettaw il-kotba minn Oħtna Ishii u mill-ewwel għarfu li kienet il-verità.  Tgħammdu fl-1931 u saru pijunieri. Haruichi u Tane Yamada, u ħafna mill-qraba tagħhom, aċċettaw il-messaġġ tas-Saltna f’xi żmien qabel l-1930. Il-koppja Yamada saru pijunieri, u binthom Yukiko, marret taqdi fil-Betel taʼ Tokyo.

“ĠEĦU”—KBIR U ŻGĦIR

Ġeħu kbir li ġo fih setgħu jorqdu sitt pijunieri

F’dak iż-żmien, il-karozzi kienu jiswew ħafna u t-toroq kienu diżastru. Għaldaqstant, Kazumi Minoura u pijunieri żgħażagħ oħra użaw karavani mingħajr magni. Dan it-tip taʼ karavan laqqmuh Ġeħu, għall-Iżraeli li kien isuq il-karru bl-addoċċ u li sar wieħed mis-slaten t’Iżrael. (2 Slat. 10:15-16) Kull Ġeħu kbir kien twil 2.2 metri, wiesaʼ 1.9 metru, u għoli 1.9 metru u ġo fih setgħu jorqdu sitt pijunieri. Apparti minn hekk, il-Betel tal-Ġappun għamlet 11-il Ġeħu żgħir. Ġo fihom setgħu jorqdu żewġt irġiel u setgħu jmexxuhom bir-rota. Kiichi Iwasaki, li għen biex jipproduċi dawn il-karavani, jiftakar, “Kull Ġeħu kellu tinda flimkien maʼ batterija taʼ karozza biex tipprovdi d-dawl.” Il-pijunieri kienu qed iwasslu l-verità mal-Ġappun kollu billi jiġbdu u jimbottaw dawn il-karavani fit-tlajjaʼ u l-inżul tal-muntanji u jaqsmu l-widien minn Hokkaido fit-Tramuntana sa Kyushu fin-Nofsinhar.

Ġeħu żgħir li ġo fih setgħu jorqdu żewġ pijunieri

Il-pijunier Ikumatsu Ota qal: “Meta konna naslu fil-belt, konna narmaw il-Ġeħu tagħna f’xatt ix-xmara jew f’għalqa. L-ewwel konna nżuru nies prominenti bħas-sindku, u mbagħad konna nżuru d-djar biex nintroduċu l-letteratura tagħna. Wara li konna nkopru t-territorju, konna mmorru l-belt li jkun imiss.”

Kien hemm biss grupp taʼ 36 Student tal-Bibbja f’Kobe għall-ewwel assemblea. (Żak. 4:10) Ħames snin biss wara—fl-1932—103 pijunieri u pubblikaturi fil-Ġappun kienu qed jitfgħu r-rapport tas-servizz. Dawn ħallew iktar minn 14,000 ktieb. Illum, fil-bliet kbar tal-Ġappun qed isir ippritkar organizzat sew f’postijiet pubbliċi. U kważi 220,000 pubblikatur qed jippritkaw mal-Ġappun kollu.—Mill-arkivji tagħna fil-Ġappun.

Sketches minn Kiichi Iwasaki, li bena l-karavani fil-Betel tal-Ġappun