Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

L-anzjani u l-qaddejja ministerjali kif jinħatru f’kull kongregazzjoni?

Fl-ewwel seklu EK, l-appostlu Pawlu qal hekk lill-anzjani li kienu jaqdu fil-kongregazzjoni t’Efesu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha li minnha l-ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-kongregazzjoni t’Alla, li xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.” (Atti 20:28) Illum, l-ispirtu qaddis kif inhu involut f’li jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali?

L-ewwel, l-ispirtu qaddis qanqal il-kittieba tal-Bibbja biex iniżżlu bil-miktub il-kwalifiki għall-anzjani u l-qaddejja ministerjali. Fl-1 Timotju 3:1-7 nsibu 16-il kwalifika differenti għall-anzjani. Insibu iktar kwalifiki fi skritturi bħal dawk taʼ Titu 1:5-9 u Ġakbu 3:17, 18. Il-kwalifiki għall-qaddejja ministerjali jissemmew fl-1 Timotju 3:8-10, 12, 13. It-tieni, dawk li jirrakkomandaw, jew jissuġġerixxu, lil xi ħu u li jagħmlu dawn il-ħatriet jitolbu speċifikament għall-ispirtu taʼ Ġeħova. Jagħmlu dan biex l-ispirtu t’Alla jidderiġihom hekk kif jirrivedu jekk il-ħu b’mod raġunevoli jilħaqx il-ħtiġijiet Skritturali. It-tielet, l-individwu li jkun qed jirsisti għal din ir-responsabbiltà jrid ikun qed juri l-frott tal-ispirtu qaddis t’Alla f’ħajtu stess. (Gal. 5:22, 23) Allura, l-ispirtu t’Alla hu involut f’kull aspett tal-proċess.

Imma min fil-fatt jaħtar lil dawn l-irġiel? Fil-passat, ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar li jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kienu jintbagħtu lill-uffiċċju tal-fergħa lokali. Hemmhekk, aħwa rġiel maħturin mill-Ġemgħa li Tiggverna kienu inkarigati biex jirrivedu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u biex jaħtru lil min hu xieraq. Imbagħad, l-uffiċċju tal-fergħa kien jinforma lill-ġemgħa tal-anzjani. L-anzjani, min-naħa tagħhom, kienu jgħidu lill-irġiel li kienu għadhom kemm ġew maħturin bil-ħatra tagħhom u jistaqsuhom jekk kinux lesti u kwalifikati biex jaċċettaw l-inkarigu. Fl-aħħar, kien isir avviż fil-kongregazzjoni.

Fl-ewwel seklu, kultant, l-appostli għamlu ħatriet speċifiċi, bħal meta ħatru sebat irġiel biex jieħdu ħsieb it-tqassim tal-ikel lir-romol li kien isir kuljum. (Atti 6:1-6) Imma dan l-eżempju ma jurix li anki l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kienu maħturin mill-appostli għax jistaʼ jkun li dawn l-irġiel diġà kienu qed jaqdu bħala anzjani, jiġifieri, qabel ma ngħataw dan l-inkarigu ġdid. Allura kif kienu jsiru l-ħatriet tal-anzjani u l-qaddejja ministerjali fl-ewwel seklu?

Għalkemm l-Iskrittura ma tispjegax fid-dettall  kif saret kull ħatra f’dak iż-żmien, xorta nistgħu naraw xi ħjiel taʼ kif il-ħatriet kienu jsiru. Jintqalilna li meta Pawlu u Barnaba kienu fi triqithom lura d-dar mill-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, ‘ħatru anzjani f’kull kongregazzjoni u, wara li talbu u samu, irħewhom f’idejn Ġeħova li kienu saru jemmnu fih.’ (Atti 14:23) Snin wara, Pawlu kiteb lil Titu, li kien jivvjaġġa miegħu, u qallu: “Ħallejtek fi Kreta, biex tkun tistaʼ tikkoreġi l-affarijiet difettużi u tkun tistaʼ taħtar anzjani f’belt wara l-oħra, bħalma ordnajtlek.” (Titu 1:5) Bl-istess mod, jidher li Timotju, li vvjaġġa f’ħafna postijiet mal-appostlu Pawlu, ingħata awtorità simili. (1 Tim. 5:22) Għalhekk, jidher ċar li dawn il-ħatriet saru minn indokraturi li jivvjaġġaw, u mhux mill-appostli jew l-anzjani f’Ġerusalemm.

B’dan l-eżempju Bibliku f’moħħha, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova aġġustat il-mod kif jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali. B’seħħ mill-1 taʼ Settembru 2014, il-ħatriet bdew isiru b’dan il-mod: Kull indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jirrivedi bir-reqqa r-rakkomandazzjonijiet li hemm fil-kongregazzjonijiet li jżur hu. Meta jżur il-kongregazzjonijiet, se jipprova jsir jaf lil dawk li huma rakkomandati u jaħdem magħhom fil-ministeru, jekk dan ikun possibbli. Wara li jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet mal-ġemgħa tal-anzjani lokali, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għandu r-responsabbiltà li jaħtar l-anzjani u l-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet li jżur hu. B’dan il-mod, l-arranġament hu iktar fi qbil maʼ dak li kien jiġri fl-ewwel seklu.

Anzjani li qed jiddiskutu l-kwalifiki Skritturali taʼ ħu mal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet (Il-Malawi)

Min jieħu ħsieb ix-xogħol involut f’dan il-proċess? Bħal kull soltu, “l-ilsir leali u għaqli” għandu r-responsabbiltà primarja li jitmaʼ lill-qaddejja taʼ dar Kristu. (Mt. 24:45-47) Dan jinkludi li jfittex fl-Iskrittura, bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis, sabiex jagħti gwida dwar l-applikar prattiku taʼ prinċipji Bibliċi li huma konnessi mal-mod kif inhuma organizzati l-kongregazzjonijiet madwar id-dinja. Ukoll, l-ilsir leali jaħtar lil kull indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kif ukoll lil kull membru tal-Kumitat tal-Fergħa. Meta l-uffiċċju tal-fergħa jirċievi xi direzzjoni ġdida mill-ilsir, l-uffiċċju jagħti għajnuna prattika biex din id-direzzjoni tiġi applikata. Kull ġemgħa tal-anzjani għandha d-dmir serju li tirrivedi bir-reqqa l-kwalifiki Skritturali tal-aħwa rġiel li tirrakkomanda biex jinħatru fil-kongregazzjoni t’Alla. Kull indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għandu r-responsabbiltà serja li bir-reqqa u bit-talb jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu l-anzjani u mbagħad jaħtar l-irġiel li jikkwalifikaw.

Meta nifhmu kif isiru l-ħatriet, iktar napprezzaw is-sehem li għandu l-ispirtu qaddis f’dan il-proċess. Imbagħad ikollna iktar fiduċja f’dawk li nħatru fil-kongregazzjoni Kristjana u nirrispettawhom iżjed.—Ebr. 13:7, 17.

 Min huma ż-żewġ xhieda li jissemmew f’Rivelazzjoni kapitlu 11?

Rivelazzjoni 11:3 jitkellem dwar żewġ xhieda li kienu se jipprofetizzaw għal 1,260 jum. Imbagħad ir-rakkont jgħid li l-bhima salvaġġa kienet se “tirbħilhom u toqtolhom.” Imma wara “tlett ijiem u nofs,” dawn iż-żewġ xhieda kellhom jerġgħu jingħataw il-ħajja, u dawk kollha li rawhom kienu se jibqgħu mistagħġba.—Riv. 11:7, 11.

Min huma dawn iż-żewġ xhieda? Id-dettalji tar-rakkont jgħinuna nwieġbu din il-mistoqsija. L-ewwel, jintqalilna li “huma simbolizzati miż-żewġ siġriet taż-żebbuġ u ż-żewġ gandlieri.” (Riv. 11:4) Dan ifakkarna fil-gandlier u ż-żewġ siġriet taż-żebbuġ deskritti fil-profezija taʼ Żakkarija. Ir-rakkont qal li dawn is-siġriet taż-żebbuġ taw stampa taż-“żewġ midlukin,” jiġifieri, tal-Gvernatur Żerubbabel u l-Qassis il-Kbir Ġożwè, “li qegħdin bil-wieqfa maġenb il-Mulej taʼ l-art kollha.” (Żak. 4:1-3, 14) It-tieni, iż-żewġ xhieda huma deskritti bħala li jwettqu sinjali simili għal dawk li wettqu Mosè u Elija.—Qabbel Rivelazzjoni 11:5, 6 maʼ Numri 16:1-7, 28-35 u l-1 Slaten 17:1; 18:41-45.

Dawn iż-żewġ referenzi, jiġifieri dik tar-Rivelazzjoni u dik taʼ Żakkarija, x’għandhom komuni bejniethom? F’kull każ, ir-rakkont jirreferi għall-midlukin t’Alla li ggwidaw lill-poplu t’Alla matul żmien diffiċli taʼ prova jew irfinar. Għalhekk, fit-twettiq taʼ Rivelazzjoni kapitlu 11, l-aħwa midlukin li ggwidaw lill-poplu t’Alla fiż-żmien li ġiet stabbilita s-Saltna t’Alla fis-sema fl-1914 ippritkaw għal tliet snin u nofs waqt li kienu “lebsin l-ixkora.”

Wara li spiċċaw jippritkaw lebsin l-ixkora, dawn il-midlukin inqatlu b’mod simboliku meta ġew mitfugħin il-ħabs għal tlett ijiem u nofs simboliċi. Dan kien perijodu qasir meta mqabbel maʼ kemm damu jippritkaw. F’għajnejn l-għedewwa tal-poplu t’Alla, xogħolhom kien ġie fit-tmiem, u dan ferraħ ħafna lil dawn l-opponenti.—Riv. 11:8-10.

Imma, fi qbil mal-kliem tal-profezija, wara li għaddew it-tlett ijiem u nofs, iż-żewġ xhieda reġgħu ngħataw il-ħajja. Dawn il-midlukin mhux talli nħelsu mill-ħabs imma talli dawk li baqgħu leali rċivew kariga speċjali mingħand Alla permezz tal-Mulej tagħhom, Ġesù Kristu. Fl-1919, dawn kienu fost dawk li nħatru biex jaqdu bħala “lsir leali u għaqli” ħalli jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-poplu t’Alla matul l-aħħar jiem.—Mt. 24:45-47; Riv. 11:11, 12.

Taʼ interess, Rivelazzjoni 11:1, 2 jorbot dawn il-ġrajjiet maż-żmien meta t-tempju spiritwali kien se jiġi mkejjel, jew spezzjonat. Malakija kapitlu 3 jsemmi spezzjoni simili tat-tempju spiritwali u żmien taʼ tindif li kien se jseħħ wara l-ispezzjoni. (Mal. 3:1-4) L-ispezzjoni u x-xogħol taʼ tindif, kemm damu għaddejjin? Bdew fl-1914 u baqgħu għaddejjin sal-bidu tal-1919. Dan il-perijodu taʼ żmien jinkludi kemm l-1,260 jum (42 xahar) kif ukoll it-tlett ijiem u nofs simboliċi li jissemmew f’Rivelazzjoni kapitlu 11.

Kemm aħna ferħanin li Ġeħova rranġa għal dan ix-xogħol taʼ rfinar spiritwali ħalli jnaddaf poplu speċjali għal għemejjel tajbin! (Titu 2:14) Barra minn hekk, napprezzaw l-eżempju li ħallew il-midlukin leali li ggwidaw lill-poplu t’Alla matul dak iż-żmien taʼ rfinar, u b’hekk qdew bħala ż-żewġ xhieda simboliċi. *

^ par. 18 Jidher li l-ilbies tal-ixkora li libsu ż-żewġ xhieda jagħti stampa tas-sabar u l-umiltà li wrew waqt li ħabbru l-ġudizzji taʼ Ġeħova. Kienu xhieda li qed ixandru l-jum tal-vendetta t’Alla—jum li kien se jġib ħafna niket lin-nies.

Għal iktar informazzjoni, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2013, paġna 22, paragrafu 12.