Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Intom “issa l-poplu t’Alla”

Intom “issa l-poplu t’Alla”

“Darba ma kontux poplu, imma issa [sirtu] l-poplu t’Alla.”—1 PT. 2:10.

1, 2. (a) X’bidla saret f’Pentekoste tas-sena 33 EK? (b) Min kienu l-ewwel membri tal-ġens il-ġdid taʼ Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

F’PENTEKOSTE tas-sena 33 EK, Ġeħova għamel bidla kbira fl-istorja. Hu għamel ġens ġdid li jissejjaħ “l-Israel t’Alla,” jew Iżrael spiritwali. (Gal. 6:16) Ġeħova uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħżel il-membri individwali għal dan il-ġens. Għall-ewwel darba, il-poplu t’Alla ma kellux bżonn jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni bl-istess mod kif kienu jagħmlu fi żmien Abraham. Minflok, rigward kull membru taʼ dan il-ġens il-ġdid, Pawlu kiteb: “Iċ-ċirkonċiżjoni tiegħu hi dik fil-qalb bl-ispirtu.”—Rum. 2:29.

2 L-ewwel membri tal-ġens il-ġdid t’Alla kienu l-appostli u iktar minn 100 dixxiplu ieħor taʼ Kristu li kienu ltaqgħu flimkien f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:12-15) Alla ferraʼ l-ispirtu qaddis fuqhom, u saru wlied Alla. (Rum. 8:15, 16; 2 Kor. 1:21) Dan ta prova li Ġeħova kien aċċetta s-sagrifiċċju taʼ Kristu u biddel il-patt tal-Liġi maʼ patt ġdid. (Lq. 22:20; aqra Ebrej 9:15.) B’hekk, dawn id-dixxipli saru membri tal-ġens il-ġdid taʼ Ġeħova, il-poplu l-ġdid tiegħu. L-ispirtu qaddis tahom l-abbiltà li jitkellmu u jifhmu ħafna lingwi u li jgħallmu “l-affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 2:1-11.

 IL-POPLU L-ĠDID T’ALLA

3-5. (a) Pietru x’qal lil-Lhud f’Pentekoste? (b) Il-ġens il-ġdid kif kiber fil-bidu tal-ewwel seklu?

3 Ġeħova uża l-appostlu Pietru biex jistieden lil-Lhud u l-proseliti ħalli jsiru membri tal-ġens il-ġdid Tiegħu, il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. F’Pentekoste, Pietru b’kuraġġ qal lil-Lhud li huma għandhom jaċċettaw lil Ġesù, ir-raġel li kienu ‘sammru maʼ zokk,’ għax “Alla għamlu kemm Mulej u kemm Kristu.” Meta l-folla saqsiet x’għandha tagħmel, Pietru wieġeb: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet, u tirċievu l-ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.” (Atti 2:22, 23, 36-38) Dakinhar, madwar 3,000 persuna żdiedu mal-ġens il-ġdid taʼ Iżrael spiritwali. (Atti 2:41) Imbagħad, l-appostli komplew jippritkaw b’żelu, u aktar nies aċċettaw il-verità. (Atti 6:7) Il-ġens il-ġdid kien qed jikber.

4 Iktar tard, id-dixxipli taʼ Ġesù bdew jippritkaw b’suċċess lis-Samaritani. Ħafna tgħammdu mill-evanġelizzatur Filippu, imma ma rċivewx l-ispirtu qaddis mill-ewwel. Il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm bagħtet żewġ appostli, Pietru u Ġwanni, għand dawn l-aħwa rġiel u nisa ġodda Samaritani, u “qiegħdu idejhom fuqhom, u bdew jirċievu l-ispirtu qaddis.” (Atti 8:5, 6, 14-17) Għaldaqstant, dawn is-Samaritani wkoll saru membri midlukin bl-ispirtu taʼ Iżrael spiritwali.

Pietru pprietka lil Kornelju u lil qraba u ħbieb tiegħu (Ara paragrafu 5)

5 Fis-sena 36 EK, Alla uża lil Pietru biex jistieden lil grupp ieħor fil-ġens il-ġdid taʼ Iżrael spiritwali. Dan ġara meta Pietru pprietka lil Kornelju, fizzjal Ruman tal-armata, u lil qraba u ħbieb tiegħu. (Atti 10:22, 24, 34, 35) Il-Bibbja tgħid li waqt li Pietru kien għadu qed jitkellem, “niżel l-ispirtu qaddis fuq dawk kollha [mhux Lhud] li kienu qed jisimgħu l-kelma. U stagħġbu l-irġiel leali li kienu ġew maʼ Pietru u li kienu miċ-ċirkonċiżi, għax l-ispirtu qaddis, l-għotja b’xejn, kien qed jitferraʼ wkoll fuq in-nies tal-ġnus.” (Atti 10:44, 45) Minn dakinhar ’il quddiem, dawk li ma kinux Lhud ċirkonċiżi kienu mistiedna biex ikunu parti minn Iżrael spiritwali.

“POPLU GĦAL ISMU”

6, 7. Il-membri tal-ġens il-ġdid x’għamlu bħala ‘poplu għal isem Ġeħova’?

6 F’laqgħa tal-ġemgħa li tiggverna tal-Kristjani tal-ewwel seklu li saret fis-sena 49 EK, id-dixxiplu Ġakbu qal: “Simgħon [Pietru] irrakkonta bir-reqqa kif għall-ewwel darba Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Dan il-‘poplu l-ġdid għal ismu’ kien magħmul minn Kristjani Lhud u Kristjani mhux Lhud li Alla għamilhom f’ġens wieħed. (Rum. 11:25, 26a) Imbagħad, Pietru kiteb: “Darba ma kontux poplu, imma issa [sirtu]  l-poplu t’Alla.” Pietru spjega l-iskop taʼ dan il-ġens il-ġdid billi qal: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pt. 2:9, 10) Kellhom ikunu xhieda kuraġġużi għal Ġeħova u jfaħħruh fil-pubbliku bħala s-Sovran Universali.

7 Ġeħova issa kien qed juża lill-ġens il-ġdid taʼ Iżrael spiritwali u setaʼ jsejħilhom “il-poplu li sawwart għalija, sabiex jirrakkonta dwari affarijiet li jistħoqqilhom tifħir.” (Is. 43:21) B’kuraġġ qalu lin-nies li Ġeħova hu l-uniku Alla veru u li l-allat l-oħra kollha huma foloz. (1 Tess. 1:9) Kienu xhieda taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù “f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.”—Atti 1:8; Kol. 1:23.

8. L-appostlu Pawlu liema twissija ta lill-poplu t’Alla tal-ewwel seklu?

8 Pawlu kien xhud kuraġġuż għal Ġeħova u ddefendieh bħala li hu l-uniku Alla veru, anki meta tkellem maʼ filosfi pagani. Pawlu rraġuna li Ġeħova “għamel id-dinja u kulma fiha, peress li Hu l-Mulej tas-sema u l-art.” (Atti 17:18, 23-25) Lejn l-aħħar tat-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu wissa lill-poplu t’Alla: “Jien naf li wara t-tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Sat-tmiem tal-ewwel seklu, diġà kien hemm ħafna apostati.—1 Ġw. 2:18, 19.

9. Il-poplu t’Alla xi ġralu wara li l-appostli mietu?

9 Wara li mietu l-appostli, l-apostasija tferrxet mal-kongregazzjonijiet, u fformaw il-knejjes tal-Kristjaneżmu. Minflok ma jkunu poplu għal isem Ġeħova, dawn il-Kristjani foloz neħħew isem Alla minn ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja. Barra minn hekk, huma ddiżonoraw ’l Alla b’ħafna modi oħra. Segwew ritwali pagani u għallmu duttrini li mhumiex mill-Bibbja. Iġġieldu “gwerer qaddisin” u sostnew li qed jiġġieldu f’isem Alla. Kienu korrotti u immorali sesswalment. Għal mijiet taʼ snin, wara li bdiet l-apostasija, kien hemm biss ftit aduraturi taʼ Ġeħova leali fuq l-art u ma kien hemm ebda grupp organizzat li kien “poplu għal ismu.”

TWELID MILL-ĠDID TAL-POPLU T’ALLA

10, 11. (a) Ġesù x’bassar dwar “il-qamħ” u “s-sikrana”? (b) Il-parabbola taʼ Ġesù kif twettqet wara l-1914, u x’kien ir-riżultat?

10 Ġesù uża l-parabbola tal-qamħ u s-sikrana biex jgħid bil-quddiem li l-apostasija kienet se tagħmilha diffiċli ħafna biex dak li jkun jagħraf ir-reliġjon vera. Hu qal li ‘waqt li n-nies ikunu reqdin,’ ix-Xitan kien se jiżraʼ s-sikrana fl-għelieqi fejn Bin il-bniedem kien żeraʼ ż-żerriegħa tal-qamħ. Il-qamħ u s-sikrana kienu se jikbru flimkien sal-“konklużjoni tas-sistema.” Ġesù spjega li “ż-żerriegħa t-tajba” tirrappreżenta lil “ulied is-saltna” u li “s-sikrana” tirrappreżenta lil “ulied il-Ħażin.” Matul l-aħħar żminijiet, Bin il-bniedem kien se jibgħat lill-“ħassada,” jiġifieri l-anġli, biex jisseparaw il-qamħ mis-sikrana. Ulied is-Saltna kienu se jinġabru. (Mt. 13:24-30, 36-43) Dan kif kellu jiġri? Dan kif għamilha possibbli għal Alla  biex jerġaʼ jkollu grupp organizzat t’aduraturi fuq l-art?

11 “Il-konklużjoni tas-sistema” bdiet fl-1914. Matul il-gwerra li faqqgħet f’dik is-sena, il-ftit eluf taʼ Kristjani midlukin, jiġifieri “wlied is-saltna,” kienu lsiera f’sens spiritwali f’Babilonja l-Kbira. Fl-1919, Ġeħova ħelishom u għamel ċar id-differenza li hemm bejnhom u bejn “is-sikrana,” jiġifieri l-Kristjani foloz. Hu ġabar lil “ulied is-saltna” f’poplu organizzat, eżatt bħalma pprofetizza Isaija: “Sejra art tinġieb bl-uġigħ tal-ħlas f’jum wieħed? Jew sejjer ġens jitwieled f’darba waħda? Għax lil Sijon bdielha l-uġigħ tal-ħlas kif ukoll wildet lil uliedha.” (Is. 66:8) F’dan il-kuntest, Sijon hi l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova magħmula mill-anġli. Sijon “wildet” meta nħalaq il-ġens taʼ wlied midluka fuq l-art.

12. Il-midlukin kif urew li huma ‘poplu għal isem Ġeħova’?

12 Eżatt bħall-Kristjani tal-bidu, “ulied is-saltna” midlukin kellhom ikunu xhieda taʼ Ġeħova. (Aqra Isaija 43:1, 10, 11.) Huma kellhom jispikkaw bħala nies differenti minħabba l-kondotta Kristjana tajba tagħhom u minħabba li jippritkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna . . . bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mt. 24:14; Flp. 2:15) B’dan il-mod, għenu lil miljuni jiżviluppaw relazzjoni personali mill-qrib maʼ Ġeħova.—Aqra Danjel 12:3.

“AĦNA SE NIĠU MAGĦKOM”

13, 14. (a) Dawk li mhumiex midlukin, kif jistgħu jqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli? (b) Dan kif kien imbassar fil-profeziji tal-Bibbja?

13 L-artiklu taʼ qabel wera li f’Iżrael tal-qedem, Ġeħova aċċetta l-qima taʼ dawk li ma kinux Iżraelin meta kienu jqimu mal-poplu tiegħu. (1 Slat. 8:41-43) Illum, dawk li mhumiex midlukin għandhom iqimu lil Ġeħova max-Xhieda midlukin tiegħu.

14 Ħafna żmien ilu, xi profeti qalu  bil-quddiem li ħafna kienu se jqimu lil Ġeħova mal-poplu tiegħu f’dan iż-żmien tal-aħħar. Isaija bassar: “Ħafna popli jmorru u jgħidu: ‘Ejjew, ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Ġeħova, lejn id-dar taʼ l-Alla taʼ Ġakobb; u hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.’ Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, u l-kelma taʼ Ġeħova minn Ġerusalemm.” (Is. 2:2, 3) Bl-istess mod, il-profeta Żakkarija bassar li “ħafna popli u ġnus setgħanin se jiġu biex ifittxu lil Ġeħova taʼ l-armati f’Ġerusalemm u biex ifittxu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.” Żakkarija ddeskriviehom bħala “għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus” li, f’sens simboliku, kienu se jaqbdu tarf il-libsa taʼ Iżrael spiritwali. Dawn l-għaxart irġiel jgħidu: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”—Żak. 8:20-23.

15. Xi jfisser li n-“nagħaġ oħrajn” ‘se jmorru’ mal-Iżraelin spiritwali?

15 In-“nagħaġ oħrajn” ‘se jmorru’ mal-Iżraelin spiritwali billi jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mk. 13:10) Huma jsiru parti mill-poplu t’Alla. Huma u l-midlukin huma “merħla waħda” mmexxijin mir-“ragħaj mill-aħjar,” jiġifieri Kristu Ġesù.—Aqra Ġwanni 10:14-16.

KUN PROTETT MAL-POPLU TAʼ ĠEĦOVA

16. Ġeħova x’se jagħmel biex jagħti bidu għal Armageddon?

16 Wara li Babilonja l-Kbira tiġi meqruda, se jkun hemm attakk sfrenat fuq il-poplu t’Alla. Se jkollna bżonn il-protezzjoni taʼ Ġeħova biex nibqgħu ħajjin. Fiż-żmien magħżul minnu, Ġeħova se jidderieġi l-affarijiet fuq l-art, u dan se jwassal għal attakk fuq il-poplu tiegħu. Dan se jagħti bidu għall-aħħar parti tat-‘tribulazzjoni l-kbira,’ jiġifieri Armageddon. (Mt. 24:21; Eżek. 38:2-4) F’dak iż-żmien, Gog se jattakka “poplu miġbur [mill-ġdid] mill-ġnus,” jiġifieri l-poplu taʼ Ġeħova. (Eżek. 38:10-12) Meta jiġri dan, Ġeħova mill-ewwel se jsalva lill-poplu tiegħu u jagħmel gwerra kontra Gog u l-armata tiegħu. Ġeħova se jigglorifika s-sovranità tiegħu u jqaddes lil ismu. Hu jgħid: “Ċertament li se . . . ngħarraf min jien quddiem għajnejn ħafna ġnus; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”—Eżek. 38:18-23.

Matul ‘it-tribulazzjoni l-kbira,’ se jkollna bżonn nassoċjaw mill-qrib mal-kongregazzjoni lokali tagħna (Ara paragrafi 16-18)

17, 18. (a) Meta Gog jattakka l-poplu taʼ Ġeħova, liema istruzzjonijiet se jirċievi l-poplu? (b) Jekk irridu l-protezzjoni taʼ Ġeħova, x’għandna bżonn nagħmlu?

17 Meta Gog jibda l-attakk, Ġeħova se jgħid lill-qaddejja tiegħu: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” (Is. 26:20) F’dak il-ħin importanti, Ġeħova se jagħtina istruzzjonijiet li se jsalvawna, u “l-kmamar taʼ ġewwa” jistgħu jkunu konnessi mal-kongregazzjonijiet lokali tagħna.

18 Għaldaqstant, jekk nixtiequ nibbenefikaw mill-protezzjoni taʼ Ġeħova matul it-tribulazzjoni l-kbira, jeħtieġ li nagħrfu li Ġeħova għandu poplu fuq l-art, organizzat f’kongregazzjonijiet. Hemm bżonn li nuru li aħna man-naħa tal-poplu taʼ Ġeħova u nibqgħu nassoċjaw mill-qrib mal-kongregazzjoni lokali. B’qalbna kollha, jalla ningħaqdu mas-salmista f’li nxandru: “Is-salvazzjoni hi taʼ Ġeħova. Il-barka tiegħek qiegħda fuq il-poplu tiegħek.”—Salm 3:8.