Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-irxoxt ta’ Ġesù—Xi jfisser għalina?

L-irxoxt ta’ Ġesù—Xi jfisser għalina?

“Ġie mqajjem.”—MT. 28:6.

1, 2. (a) Xi mexxejja reliġjużi x’riedu jkunu jafu, u Pietru kif wiġibhom? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Pietru għala setaʼ jitkellem bil-kuraġġ?

FTIT ġimgħat wara l-mewt taʼ Ġesù, l-appostlu Pietru ffaċċja grupp taʼ mexxejja reliġjużi Lhud, li ħafna nies kienu jibżgħu minnhom. Dawn kienu l-istess irġiel li kienu ppjanaw minn taħt biex joqtlu lil Ġesù. Issa kienu ħaduha qatta bla ħabel kontra Pietru għax kien fejjaq lil raġel zopp. Riedu jkunu jafu b’liema qawwa jew f’isem min kien għamel dan. L-appostlu b’kuraġġ wieġeb: “F’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, li intom sammartuh maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-imwiet, permezz tiegħu dan il-bniedem jinsab hawn f’saħħtu quddiemkom.”—Atti 4:5-10.

2 Ftit ġimgħat qabel, Pietru tant kien beżaʼ li ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. (Mk. 14:66-72) Imma issa, mhux talli ma kienx beżgħan, imma talli wera kuraġġ quddiem il-mexxejja reliġjużi. Għala? Minbarra li kellu l-għajnuna tal-ispirtu qaddis, Pietru ma kellu l-ebda dubju li Ġesù kien ħaj. L-appostlu għala kien tant ċert? U għala nistgħu nkunu ċerti bħalu?

3, 4. (a) Liema każijiet taʼ rxoxt seħħew qabel ma twieldu l-appostli taʼ Ġesù? (b) Ġesù lil min irxoxta?

 3 L-appostli taʼ Ġesù kienu jafu li l-mejtin setgħu jerġgħu jgħixu. Qabel ma twieldu, diġà kienu seħħew xi każijiet taʼ rxoxt. Kienu jafu li Alla kien ta l-qawwa lill-profeti Elija u Eliżew biex dawn jirxoxtaw lill-mejtin. (1 Slat. 17:17-24; 2 Slat. 4:32-37) Darba minnhom, ċertu raġel saħansitra reġaʼ ngħata l-ħajja meta ġismu ġie mitfugħ ġo qabar u mess mal-għadam t’Eliżew. (2 Slat. 13:20, 21) Il-Kristjani tal-bidu emmnu dawn ir-rakkonti Skritturali, l-istess bħalma aħna nemmnu li l-Kelma t’Alla hi vera.

4 Wisq probabbli, ilkoll kemm aħna ntmessitilna qalbna hekk kif qrajna dwar meta Ġesù rxoxta lin-nies. Meta qajjem mill-mewt lill-uniku iben taʼ armla, min jaf kemm baqgħet imbellha! (Lq. 7:11-15) Jew aħseb dwar meta Ġesù rxoxta tifla taʼ 12-il sena. In-niket kbir tal-ġenituri tagħha malajr inbidel f’ferħ u fi stagħġib meta reġgħu raw lil binthom ħajja! (Lq. 8:49-56) U immaġina kemm baqgħu skantati n-nies hekk kif raw lil Lazzru ħiereġ mill-qabar qawwi u sħiħ!—Ġw. 11:38-44.

L-IRXOXT TAʼ ĠESÙ GĦALA KIEN UNIKU?

5. L-irxoxt taʼ Ġesù kif kien differenti mill-irxoxt taʼ dawk li għexu qablu?

5 L-appostli kienu jafu li l-irxoxt taʼ Ġesù kien differenti mill-każijiet taʼ rxoxt taʼ dawk li għexu qablu. In-nies li ġew irxoxtati qabel Ġesù ngħataw iġsma umani, u maż-żmien reġgħu mietu. Ġesù ngħata ġisem spirtu li qatt ma jistaʼ jinqered. (Aqra Atti 13:34.) Pietru kiteb li Ġesù “ngħata l-mewt fil-laħam, imma ngħata l-ħajja fl-ispirtu.” Minbarra dan, “hu qiegħed fuq il-leminija t’Alla, għax mar fis-sema; u l-anġli u l-awtoritajiet u l-qawwiet intgħamlu sottomessi lejh.” (1 Pt. 3:18-22) Il-każijiet tal-irxoxt li seħħew qabel dak taʼ Ġesù kienu mirakli meraviljużi, imma l-irxoxt taʼ Ġesù jibqaʼ l-aqwa miraklu li qatt kien hawn.

6. L-irxoxt taʼ Ġesù kif effettwa lid-dixxipli tiegħu?

6 L-irxoxt taʼ Ġesù effettwa bil-kbir lid-dixxipli tiegħu. Ma kienx għadu mejjet, kif ħasbu l-għedewwa tiegħu. Minflok, Ġesù kien ħaj bħala spirtu setgħan li l-ebda bniedem ma setaʼ jweġġgħu. L-irxoxt tiegħu wera biċ-ċar li kien l-Iben t’Alla. Peress li kienu jafu dan, id-dixxipli ma baqgħux imnikktin jew imbeżżgħin. Anzi kienu mimlijin entużjażmu u kuraġġ. L-irxoxt taʼ Ġesù kien importanti ħafna kemm għall-iskop taʼ Ġeħova kif ukoll għall-aħbar tajba li d-dixxipli xandru bil-kuraġġ mal-erbat irjieħ tad-dinja.

7. (a) Ġesù x’qed jagħmel illum il-ġurnata? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?

7 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nafu li Ġesù kien ħafna iktar minn sempliċement raġel importanti. Hu ħaj illum il-ġurnata u qed jieħu ħsieb xogħol li jinvolvi lil kulħadd fuq l-art. Bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema, Ġesù Kristu dalwaqt se jneħħi l-ħażen mid-dinja u jagħmel l-art ġenna fejn in-nies se jgħixu għal dejjem. (Lq. 23:43) Dan kollu ma jkunx jistaʼ jseħħ li kieku Ġesù ma ġiex irxoxtat. Allura, liema raġunijiet għandna biex nemmnu li ġie mqajjem mill-mewt? U l-irxoxt tiegħu xi jfisser għalina?

 ĠEĦOVA JURI L-QAWWA TIEGĦU FUQ IL-MEWT

8, 9. (a) Il-mexxejja reliġjużi Lhud għala talbu biex ikun hemm l-għassiesa mal-qabar taʼ Ġesù? (b) X’ġara meta ż-żewġ nisa marru jaraw il-qabar?

8 Wara li Ġesù ġie maqtul, il-mexxejja reliġjużi Lhud ġew għand Pilatu, u qalu: “Sinjur, ftakarna li dak l-impustur, meta kien għadu ħaj, qal, ‘Wara tlett ijiem niġi mqajjem.’ Għalhekk, ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli jisirquh u jgħidu lin-nies, ‘Ġie mqajjem mill-imwiet!’ u dan l-ingann taʼ l-aħħar ikun agħar minn taʼ l-ewwel.” Qalilhom Pilatu: “Għandkom l-għassa. Morru u ħarsuh tajjeb kif tafu intom.” U għamlu preċiż hekk.—Mt. 27:62-66.

9 Il-ġisem taʼ Ġesù kien tqiegħed ġo qabar imħaffer ġol-blat li kien issiġillat b’ġebla kbira. Il-mexxejja reliġjużi Lhud riedu li Ġesù jibqaʼ hemm—bla ħajja ġol-qabar. Imma kien hemm baħar jaqsam bejn il-ħsieb tagħhom u l-ħsieb taʼ Ġeħova. Meta Marija l-Maddalena u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar fit-tielet jum, sabu li l-ġebla kienet ġiet imgerba u kien hemm anġlu bilqiegħda fuqha. L-anġlu ħeġġeġ lin-nisa biex jittawlu ġewwa ħalli jaraw li l-qabar kien vojt. L-anġlu qal: “Mhux qiegħed hawnhekk għax ġie mqajjem.” (Mt. 28:1-6) Ġesù kien ħaj!

10. Pawlu kif wera biċ-ċar li Ġesù kien ġie rxoxtat?

10 Dak li ġara fl-40 jum taʼ wara kien ta prova ċara daqs il-kristall li Ġesù ġie rxoxtat. L-appostlu Pawlu ġabar fil-qosor l-evidenza u kiteb hekk lill-Korintin: “Fost l-ewwel affarijiet, għaddejtilkom dak li rċivejt jien ukoll, li Kristu miet għal dnubietna skond l-Iskrittura; u li ndifen, iva, li ġie mqajjem fit-tielet jum skond l-Iskrittura; u li deher lil Kefa, imbagħad lit-tnax. Wara deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa, li l-biċċa l-kbira minnhom għadhom ħajjin sa llum, imma xi wħud raqdu fil-mewt. Wara deher lil Ġakbu, imbagħad lill-appostli kollha; u fl-aħħarnett deher lili wkoll bħallikieku kont wieħed li twieled qabel iż-żmien.”—1 Kor. 15:3-8.

ERBAʼ RAĠUNIJIET GĦALA NAFU LI ĠESÙ ĠIE RXOXTAT

11. L-irxoxt taʼ Ġesù kif seħħ “skond l-Iskrittura”?

11 1. L-irxoxt taʼ Ġesù seħħ “skond l-Iskrittura.” Il-Kelma t’Alla bassret dan l-irxoxt. Pereżempju, David kiteb li “l-leali” t’Alla ma kienx se jitħalla fil-Qabar. (Aqra Salm 16:10.) F’Pentekoste tas-sena 33 EK, l-appostlu Pietru spjega li “l-leali” kien Ġesù meta qal: “[David] ra minn qabel u tkellem dwar l-irxoxt tal-Kristu, li la kien abbandunat fil-Qabar u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.”—Atti 2:23-27, 31.

12. Min ra lil Ġesù wara li ġie rxoxtat?

12 2. Ħafna nies raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat. Matul perijodu t’40 jum, Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu fil-ġnien fejn kien hemm il-qabar, fit-triq lejn Għemmaws, u f’postijiet oħra. (Lq. 24:13-15) Hu tkellem maʼ individwi differenti, fosthom Pietru, kif ukoll maʼ gruppi taʼ nies. Biss biss, darba minnhom Ġesù deher lil folla taʼ iktar minn 500 ruħ! Ma nistgħux ninjoraw il-fatt li kien hemm tant uħud li raw b’għajnejhom stess lil Ġesù wara li ġie rxoxtat.

13. Iż-żelu tad-dixxipli kif wera li kienu konvinti li Ġesù kien ġie rxoxtat?

 13 3. Id-dixxipli ppritkaw b’żelu dwar l-irxoxt taʼ Ġesù. Kienu ppersegwitati, batew, u xi wħud minnhom inqatlu minħabba l-ippritkar tagħhom. Aħseb ftit: Li kieku Ġesù ma kienx ġie mqajjem mill-mewt, kien Pietru se jissogra ħajtu biex jipprietka dwar l-irxoxt taʼ Kristu lill-istess nies li kienu jobogħdu lil Ġesù u li kienu ppjanaw il-mewt tiegħu? Pietru u d-dixxipli l-oħra kienu ċerti mija fil-mija li Ġesù kien ħaj u li kien qed jieħu ħsieb l-ippritkar. Ukoll, l-irxoxt taʼ Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu t-tama soda li huma wkoll kienu se jiġu rxoxtati. Pereżempju, Stiefnu miet konvint għalkollox li kien se jiġi rxoxtat.—Atti 7:55-60.

14. Int għala temmen li Ġesù hu ħaj?

14 4. Għandna prova li Ġesù issa qed imexxi bħala Sultan u li hu l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. Għalhekk, il-Kristjanità vera qed tkompli tikber. Taħseb li kien jiġri dan li kieku Ġesù ma ġiex imqajjem mill-mewt? Infatti, li kieku ma kienx ġie rxoxtat probabbli lanqas biss konna nkunu nafu bih. Imma għandna kull raġun biex nemmnu li Ġesù hu ħaj u li bħalissa qed jiggwidana u jidderiġina hekk kif inxandru l-aħbar tajba maʼ kullimkien.

L-IRXOXT TAʼ ĠESÙ XI JFISSER GĦALINA?

15. L-irxoxt taʼ Ġesù għala jagħtina l-kuraġġ biex nippritkaw?

15 L-irxoxt taʼ Kristu jagħtina l-kuraġġ biex nippritkaw. Għal 2,000 sena, l-għedewwa t’Alla użaw minn kollox biex iwaqqfuna milli nippritkaw—apostasija, twaqqigħ għaċ-ċajt, vjolenza, projbizzjonijiet, tortura, u anke qtil. Imma l-Bibbja bassret: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.” (Is. 54:17) Aħna ma nibżgħux minn dawk li juża Satana biex jagħmlilna l-bsaten fir-roti. Ġesù qed jgħinna, eżatt bħalma wiegħed. (Mt. 28:20) M’għandniex għalfejn nibżgħu, għax jagħmlu x’jagħmlu l-għedewwa tagħna, qatt ma se jwaqqfuna!

L-irxoxt taʼ Kristu jagħtina l-kuraġġ biex nippritkaw (Ara paragrafu 15)

16, 17. (a) L-irxoxt taʼ Ġesù kif jikkonferma dak li għallem Ġesù? (b) Skont Ġwanni 11:25, Alla liema qawwa ta lil Ġesù?

16 L-irxoxt ta’ Ġesù jikkonferma dak kollu li għallem. Pawlu kiteb illi li kieku Kristu ma kienx ġie mqajjem mill-mewt, il-fidi Kristjana u l-ippritkar kienu jkunu kollha għalxejn. Studjuż tal-Bibbja kiteb illi li ‘kieku Kristu ma kienx ġie rxoxtat, mela l-Kristjani huma nies boloh li jibilgħu gidba.’ Mingħajr l-irxoxt ta’ Ġesù, ir-rakkonti tal-Evanġelji ma kienu jkunu xejn ħlief storja ta’ niket dwar raġel twajjeb u għaref li nqatel mill-għedewwa tiegħu. Imma Kristu veru ġie mqajjem, u dan jikkonferma kemm hu minnu dak kollu li għallem, inkluż dak li qal dwar il-futur.—Aqra 1 Korintin 15:14, 15, 20.

17 Ġesù qal: “Jien l-irxoxt u l-ħajja. Min jeżerċita l-fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-ħajja.” (Ġw. 11:25) Din l-istqarrija sabiħa se sseħħ—żgur u mhux forsi. Ġeħova ta lil Ġesù l-qawwa biex jirxoxta lil dawk li se jsaltnu mis-sema kif ukoll lill-biljuni taʼ nies li se jirxoxtaw bit-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Is-sagrifiċċju u l-irxoxt taʼ Ġesù huma garanzija li l-mewt se tispiċċa darba għal dejjem. Ma jsaħħekx dan l-għarfien biex tissaporti kwalunkwe prova li tħabbat wiċċek magħha kif ukoll biex tiffaċċja l-mewt bil-kuraġġ?

18. L-irxoxt taʼ Ġesù kif iserrħilna moħħna?

18 L-irxoxt taʼ Ġesù jserrħilna moħħna  li l-abitanti tal-art se jiġu ġġudikati skont il-livelli kollhom imħabba taʼ Ġeħova. Pawlu qal lil grupp taʼ rġiel u nisa f’Ateni li Alla se “jiġġudika l-art abitata fis-sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-bnedmin kollha billi rxoxtah mill-imwiet.” (Atti 17:31) Alla ħatar lil Ġesù biex ikun l-Imħallef tagħna, u nistgħu nkunu ċerti li se jiġġudikana b’mod ġust u bi mħabba.—Aqra Isaija 11:2-4.

19. It-twemmin fl-irxoxt taʼ Kristu kif jeffettwana?

19 It-twemmin fl-irxoxt taʼ Ġesù jqanqalna biex nagħmlu r-rieda t’Alla. Li kieku Ġesù ma tax ħajtu għalina u ma ġiex irxoxtat, kieku għadna taħt il-kundanna tad-dnub u l-mewt. (Rum. 5:12; 6:23) Konna nkunu bla tama u ngħidu: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Kor. 15:32) Imma aħna ma noqogħdux niġru wara l-pjaċiri tal-ħajja. Minflok, ngħożżu t-tama tal-irxoxt u dejjem inkunu ħerqanin biex nobdu lil Ġeħova.

20. L-irxoxt taʼ Ġesù kif juri biċ-ċar kemm hu kbir Ġeħova?

20 L-irxoxt taʼ Ġesù juri biċ-ċar kemm hu kbir Ġeħova, il-wieħed “li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebr. 11:6) Kemm wera qawwa u għerf Ġeħova meta qajjem lil Ġesù għal ħajja immortali fis-sema! Iktar minn hekk, billi għamel dan, Alla wera l-abbiltà li jwettaq il-wegħdi kollha Tiegħu. Dan jinkludi l-wegħda profetika t’Alla dwar ‘nisel’ speċjali. Dan in-nisel kien se jkollu sehem importanti f’li juri ċar u tond li Alla għandu kull dritt li jkun is-Sovran tal-univers. Ġesù kellu jmut u jerġaʼ jingħata l-ħajja sabiex titwettaq din il-wegħda.—Ġen. 3:15.

21. It-tama tal-irxoxt xi tfisser għalik?

21 Ma tħossokx grat lejn Ġeħova, li tana t-tama ċerta tal-irxoxt? Il-Bibbja twiegħed: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” Din il-wegħda mill-isbaħ ingħatat lill-appostlu leali Ġwanni, li ntqallu: “Ikteb, għax dan il-kliem hu żgur u veru.” Ġwanni mingħand min irċieva din ir-rivelazzjoni mnebbħa? Mingħand Ġesù Kristu li kien ġie rxoxtat.Riv. 1:1; 21:3-5.