Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għala rridu nkunu qaddisin?

Għala rridu nkunu qaddisin?

“Tridu tkunu qaddisin.”—LEV. 11:45.

1. Il-ktieb tal-Levitiku kif jistaʼ jgħinna?

ĠEĦOVA jistenna li l-qaddejja kollha tiegħu jkunu qaddisin, jiġifieri nodfa f’sens spiritwali, morali, u fiżiku. Għalkemm il-qdusija tissemma matul il-Bibbja kollha, din il-kwalità tissemma l-iktar fil-ktieb tal-Levitiku. Se niġu megħjuna nkunu nafu kif nistgħu nkunu qaddisin jekk nifhmu u napprezzaw dan il-ktieb.

2. X’inhuma xi affarijiet li nsibu fil-ktieb tal-Levitiku?

2 Il-ktieb tal-Levitiku, li nkiteb mill-profeta Mosè, hu parti mill-“Iskrittura kollha” li “tiswa biex tgħallem.” (2 Tim. 3:16) Isem Ġeħova jidher bejn wieħed u ieħor 10 darbiet f’kull kapitlu tal-ktieb. Fehma aħjar tal-ktieb tal-Levitiku se ssaħħaħna biex ma nagħmlu xejn li jistaʼ jġib tmaqdir fuq l-isem t’Alla. (Lev. 22:32) F’dan il-ktieb, spiss insibu l-kliem “Jien Ġeħova,” u dan għandu jfakkarna biex nobdu lil Alla. F’dan l-artiklu u f’taʼ warajh se nsibu xi teżori prezzjużi li jinsabu fil-ktieb tal-Levitiku li se jgħinuna nkunu qaddisin fil-qima tagħna lil Alla.

ĠEĦOVA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN

3, 4. It-tindif taʼ Aron u taʼ wliedu xi rrappreżenta? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Aqra Levitiku 8:5, 6Ġeħova għażel lil Aron biex jaqdi  bħala l-qassis il-kbir t’Iżrael, u wliedu kellhom jaqdu bħala qassisin għall-ġens. Aron jagħti stampa taʼ Ġesù Kristu u wlied Aron jagħtu stampa tal-Kristjani midlukin. Allura x’kien ifisser il-fatt li Aron ġie maħsul? Kien ifisser li Ġesù kellu bżonn jiġi mnaddaf? Le, għax Ġesù ma kellux dnub u kien “bla tinġis,” u b’hekk ma kellux għalfejn jiġi mnaddaf, jew maħsul. (Ebr. 7:26; 9:14) Imma, wara li Aron ġie maħsul, hu ta stampa taʼ Ġesù, li hu nadif u ġust. Allura, it-tindif taʼ wlied Aron x’jirrappreżenta?

4 It-tindif taʼ wlied Aron jirrappreżenta t-tindif taʼ dawk li jintgħażlu biex ikunu qassisin fis-sema. Il-magħmudija tal-midlukin għandha x’taqsam mat-tindif taʼ wlied Aron? Le, il-magħmudija ma tnaddafhomx mid-dnub; minflok, tissimbolizza l-fatt li l-individwu jkun iddedika ruħu kompletament lil Alla Ġeħova. Il-midlukin jitnaddfu “permezz tal-kelma.” Dan ifisser li jridu japplikaw b’qalbhom kollha t-tagħlim taʼ Kristu f’ħajjithom. (Efes. 5:25-27) B’hekk, jiġu mqaddsin u mnaddfin.

5. Għala nistgħu ngħidu li n-nagħaġ oħrajn jitnaddfu permezz tal-Kelma t’Alla?

5 Xi ngħidu dwar in-“nagħaġ oħrajn”? (Ġw. 10:16) Ulied Aron ma kinux jirrappreżentaw il-“folla kbira” magħmula min-nagħaġ oħrajn taʼ Ġesù. (Riv. 7:9) Imma dawn l-uħud mgħammdin ukoll jitqaddsu u jitnaddfu permezz tal-Kelma t’Alla. Meta dawk li għandhom it-tama għall-art ipoġġu l-fidi f’dak li tgħid il-Bibbja dwar il-qawwa tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma jitqanqlu biex iqimu lil Ġeħova “lejl u nhar.” (Riv. 7:13-15) It-tindif tal-midlukin u tan-nagħaġ oħrajn hu xi ħaġa kontinwa. Għalhekk, ‘iżommu kondotta tajba.’ (1 Pt. 2:12) Min jaf kemm jieħu pjaċir Ġeħova meta jara l-indafa u l-unità tal-midlukin u tan-nagħaġ oħrajn, li jagħtu widen lir-Ragħaj tagħhom Ġesù u li b’lealtà jimxu warajh!

6. Għala għandna nagħmlu eżami tagħna nfusna fuq bażi regulari?

6 Il-fatt li l-qassisin t’Iżrael kellhom ikunu nodfa fiżikament, xi jfisser għalina llum? L-istudenti tal-Bibbja tagħna spiss jinnotaw kemm huma nodfa l-postijiet fejn inqimu. Ukoll, jinnotaw kemm aħna nodfa u kemm nilbsu pulit. Imma minbarra dan, kull min irid iqim lil Ġeħova jrid ikollu “qalbu nadifa.” (Aqra Salm 24:3, 4; Is. 2:2, 3.) Għalhekk, minbarra li rridu nkunu nodfa fiżikament, irridu wkoll naqdu lil Ġeħova b’moħħ u b’qalb nadifa. Dan jitlob minna li nagħmlu eżami tagħna nfusna fuq bażi regulari. Kultant, jistaʼ jagħti l-każ li jkollna bżonn nagħmlu bidliet kbar f’ħajjitna ħalli nkunu qaddisin. (2 Kor. 13:5) Pereżempju, xi ħadd mgħammed li apposta jara l-pornografija għandu jsaqsi lilu nnifsu, ‘Qed nuri li jien qaddis?’ Imbagħad għandu jikseb l-għajnuna biex itemm dan il-vizzju mill-agħar.—Ġak. 5:14.

URU LI INTOM QADDISIN BILLI TKUNU UBBIDJENTI

7. Fi qbil maʼ Levitiku 8:22-24, Ġesù x’eżempju ħalla?

7 Meta ġie stabbilit is-saċerdozju t’Iżrael, tpoġġa d-demm taʼ muntun fuq il-widna l-leminija, is-subaʼ l-kbir tal-id il-leminija, u s-subaʼ l-kbir tas-sieq il-leminija tal-Qassis il-Kbir Aron u taʼ wliedu. (Aqra Levitiku 8:22-24.) Dan l-użu tad-demm wera li l-qassisin b’ubbidjenza kienu se jagħmlu l-almu tagħhom biex iwettqu dmirijiethom.  B’mod simili, il-Qassis il-Kbir Ġesù ħalla eżempju perfett għall-midlukin u għan-nagħaġ oħrajn. Hu ta widen għall-gwida t’Alla, uża jdejh biex iwettaq ir-rieda taʼ Ġeħova, u saqajh qatt ma żvijaw mit-triq qaddisa tal-ħajja.—Ġw. 4:31-34.

8. L-aduraturi kollha taʼ Ġeħova, x’għandhom jagħmlu?

8 Il-Kristjani midlukin u n-nagħaġ oħrajn għandhom isegwu l-eżempju tal-Qassis il-Kbir Ġesù li żamm l-integrità tiegħu lejn Alla. L-aduraturi kollha taʼ Ġeħova għandhom jobdu l-gwida t’Alla li tinsab fil-Bibbja, u b’hekk jevitaw li jnikktu l-ispirtu tiegħu. (Efes. 4:30) Iridu ‘jiddrittaw il-mogħdijiet għal saqajhom.’—Ebr. 12:13.

9. Tliet aħwa li ħadmu mill-qrib maʼ membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, kif esprimew ruħhom, u dak li qalu kif jistaʼ jgħinek tibqaʼ qaddis?

9 Ikkunsidra kif esprimew ruħhom mill-qalb tliet aħwa rġiel li għandhom it-tama għall-art. Dawn l-irġiel ilhom għaxriet taʼ snin jaħdmu mill-qrib maʼ membri tal-Ġemgħa li Tiggverna. Wieħed minnhom qal: “Filwaqt li kien privileġġ uniku taʼ servizz, din is-sħubija mill-qrib minn żmien għal żmien kixfet li, minkejja l-fatt li dawn l-aħwa huma midlukin bl-ispirtu, xorta waħda huma imperfetti. Iżda, waħda mill-miri tiegħi tul is-snin kienet li nobdi lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija.” It-tieni ħu qal: “Skritturi bħal dik tat-2 Korintin 10:5, dwar ‘ubbidjenza lejn il-Kristu,’ għenuni nkun ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija u nikkoopera magħhom. L-ubbidjenza dejjem tiġi mill-qalb.” It-tielet ħu qal: “Il-fatt li tħobb dak li jħobb Ġeħova u tobgħod dak li jobgħod hu, kif ukoll li l-ħin kollu tfittex il-gwida tiegħu u tagħmel dak li jogħġbu, ifisser li tkun ubbidjenti lejn l-organizzazzjoni tiegħu u lejn dawk li qed juża biex javvanza l-iskop tiegħu fuq l-art.” Dan il-ħu kien sar jaf li Nathan Knorr, li sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, mill-ewwel aċċetta dak li ntqal fl-artiklu “Twelid tal-ġens” li deher fit-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1925, avolja xi wħud iddubitaw dak li kien hemm miktub. Din l-ubbidjenza tassew impressjonat lill-ħu. Billi timmedita fuq dak li qalu dawn it-tliet aħwa, tistaʼ tiġi megħjun tkun ubbidjenti lejn Alla u tibqaʼ qaddis.

UBBIDJENZA SĦIĦA GĦAL-LIĠI T’ALLA DWAR ID-DEMM

10. Kemm hu importanti li nobdu l-liġi t’Alla dwar id-demm?

10 Aqra Levitiku 17:10. Ġeħova kkmanda lill-Iżraelin biex ma jieklu l-ebda “tip taʼ demm.” Il-Kristjani wkoll huma kmandati biex jitbiegħdu mid-demm tal-bnedmin u tal-annimali. (Atti 15:28, 29) Anki s-sempliċi ħsieb li Alla ‘jdawwar wiċċu kontrina’ u jaqtagħna minn fost il-kongregazzjoni tiegħu jqabbadna l-bard. Aħna nħobbuh u rridu nobduh. Anke meta tkun kwistjoni taʼ ħajja jew mewt, aħna determinati li ma nċedux għal dak li jgħidulna wħud li ma jafux lil Ġeħova u li ma jridux jobduh. Iva, aħna nistennew li niġu mwaqqgħin għaċ-ċajt talli ma niħdux demm, imma xorta nagħżlu li nobdu lil Alla. (Ġuda 17, 18) X’se jgħinna nkunu ‘deċiżi b’mod sod’ li ma niklux demm u ma naċċettawx trasfużjoni tad-demm?—Dt. 12:23.

11. Għala nistgħu ngħidu li Jum it-Tpattija kien iktar minn sempliċi ritwal?

11 F’Jum it-Tpattija, li kien isir kull sena, il-qassis il-kbir t’Iżrael tal-qedem  kien juża d-demm tal-annimali. Dan jgħinna nifhmu l-ħarsa t’Alla lejn id-demm. Id-demm kien jintuża biss għal skop speċjali. Kien jintuża biex ipatti għad-dnubiet taʼ dawk li jfittxu l-maħfra taʼ Ġeħova. Il-qassis il-kbir kien iroxx id-demm tal-barri u l-gidi quddiem l-għatu tal-arka tal-patt. (Lev. 16:14, 15, 19) Din l-azzjoni wittiet it-triq biex Ġeħova jaħfer id-dnubiet tal-Iżraelin. Minbarra dan, Ġeħova ddikjara li jekk raġel kien joqtol annimal għall-ikel, kellu jferraʼ d-demm tiegħu u jgħattih bit-trab, “għax ir-ruħ [jew il-ħajja] taʼ kull tip taʼ laħam hi demmu.” (Lev. 17:11-14) Kien dan kollu ritwal mhux importanti? Le. L-użu tad-demm f’Jum it-Tpattija, u l-kmand li jixxerred id-demm mal-art, hu fi qbil mal-kmand li Ġeħova qabel kien ta lil Noè u d-dixxendenti tiegħu dwar id-demm. (Ġen. 9:3-6) Alla Ġeħova kien ikkmanda li ħadd ma setaʼ jieħu d-demm biex isostni ħajtu. Dan xi jfisser għall-Kristjani?

12. L-ittra taʼ Pawlu lill-Kristjani Ebrajċi, x’rabta tagħmel bejn id-demm u l-maħfra?

12 L-appostlu Pawlu spjega li d-demm kellu l-qawwa jnaddaf meta kiteb: “Kważi kollox jitnaddaf bid-demm skond il-Liġi, u jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” (Ebr. 9:22) Iżda, il-valur tas-sagrifiċċji tal-annimali kien temporanju. Pawlu semma li dawn is-sagrifiċċji kienu jfakkru lill-Iżraelin li huma kienu midinbin u li kellhom bżonn sagrifiċċju akbar biex ineħħi d-dnubiet tagħhom għalkollox. Iva, il-Liġi kienet “dell taʼ l-affarijiet tajbin li għandhom jiġu, imma mhux ir-realtà tagħhom.” (Ebr. 10:1-4) Allura, il-maħfra tad-dnub kif kienet se ssir possibbli?

13. Il-fatt li Ġesù ppreżenta l-valur tad-demm tiegħu lil Ġeħova, xi jfisser għalik?

13 Aqra Efesin 1:7. Ġesù miet bħala sagrifiċċju għall-bnedmin kollha, u dan għandu sinifikat kbir għal dawk li jħobbu lilu u lil Missieru. (Gal. 2:20) Minkejja dan, dak li Ġesù għamel wara  l-mewt u l-irxoxt tiegħu kien dak li verament ħelisna, u b’hekk għamilha possibbli li jinħafrulna dnubietna. Dan jidher minn dak li ġara f’Jum it-Tpattija. Dakinhar, il-qassis il-kbir kien jieħu ftit mid-demm tal-annimali sagrifikati fl-Iktar Qaddis u kien jippreżentah quddiem Alla, bħallikieku fil-preżenza tiegħu. (Lev. 16:11-15) B’mod simili, Ġesù daħal fis-smewwiet bil-valur tad-demm uman tiegħu u ppreżentah lil Ġeħova. (Ebr. 9:6, 7, 11-14, 24-28) Kemm aħna grati li dnubietna jiġu maħfurin u l-kuxjenza tagħna mnaddfa għax neżerċitaw il-fidi fid-demm taʼ Ġesù!

14, 15. Għala hu importanti li nifhmu u nobdu l-liġi t’Alla dwar id-demm?

14 Forsi issa tifhem aħjar għala Ġeħova jikkmandana biex ma nieklu l-ebda “tip taʼ demm.” (Lev. 17:10) Qed tifhem int għala Alla jqis id-demm bħala xi ħaġa sagra? Għax id-demm jirrappreżenta l-ħajja. (Ġen. 9:4) Ma taqbilx li għandna naċċettaw il-ħarsa t’Alla lejn id-demm u nobdu l-kmand tiegħu biex nitbiegħdu minnu? L-uniku mod kif jistaʼ jkollna paċi m’Alla hu billi jkollna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u billi nifhmu li d-demm hu prezzjuż ħafna għall-Ħallieq tagħna.—Kol. 1:19, 20.

15 Kull wieħed minna jistaʼ ħabta u sabta jsib ruħu f’sitwazzjoni li jkollu jiddeċiedi jekk jaċċettax trasfużjoni tad-demm, frazzjonijiet tad-demm, jew xi proċeduri mediċi li jinvolvu d-demm. Għalhekk, hu importanti ħafna li titlob lil Ġeħova, tagħmel riċerka, u tieħu deċiżjoni soda qabel ma tinqalaʼ xi emerġenza. Dan se jgħinek tkun sod f’li tirrifjuta d-demm. Żgur li qatt ma rridu nweġġgħu lil Ġeħova billi naċċettaw xi ħaġa li jikkundanna! Illum, ħafna tobba u oħrajn iħeġġuna nagħtu d-demm bit-tama li jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies. Però, il-poplu qaddis taʼ Ġeħova jagħraf il-fatt li l-Ħallieq għandu d-dritt jgħidilna kif għandu jintuża d-demm. Għalih “kwalunkwe tip taʼ demm” hu sagru. Irridu nkunu determinati li nobdu l-liġi tiegħu dwar id-demm. Bil-kondotta qaddisa tagħna, nuruh biċ-ċar li tassew napprezzaw id-demm taʼ Ġesù li permezz tiegħu ġejna salvati. Dan hu l-uniku demm li jagħmel possibbli l-maħfra tad-dnub u l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16.

Determinat int li tobdi l-liġi taʼ Ġeħova dwar id-demm? (Ara paragrafi 14, 15)

ĠEĦOVA GĦALA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN?

16. In-nies taʼ Ġeħova għala jridu jkunu qaddisin?

16 Meta Alla kien qed jeħles lill-Iżraelin mill-jasar fl-Eġittu, intqalilhom: “Jien Ġeħova li qed intellagħkom mill-art taʼ l-Eġittu biex nurikom li jien Alla; u intom tridu tkunu qaddisin, għaliex jien qaddis.” (Lev. 11:45) Ġeħova stenna li l-Iżraelin ikunu qaddisin għax hu qaddis. U Ġeħova għadu jistenna l-istess ħaġa minna llum. Il-ktieb tal-Levitiku juri dan b’mod ċar.

17. Kif tħossok issa dwar il-ktieb Bibliku tal-Levitiku?

17 Żgur li bbenefikajt minn din id-diskussjoni taʼ xi punti mill-ktieb tal-Levitiku. X’aktarx li issa tapprezza dan il-ktieb tal-Bibbja ħafna iktar u tifhem aħjar ir-raġunijiet għala rridu nkunu qaddisin. Imma, hemm xi ħaġa oħra li nistgħu nitgħallmu mill-ktieb tal-Levitiku? Dan il-ktieb Bibliku kif jistaʼ jgħinna nqimu lil Alla b’mod nadif? Se niddiskutu dan fl-artiklu li jmiss.