Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Irridu nkunu qaddisin fil-kondotta kollha tagħna

Irridu nkunu qaddisin fil-kondotta kollha tagħna

“Kunu intom ukoll qaddisin fil-kondotta kollha tagħkom.”—1 PT. 1:15.

1, 2. (a) X’inhu mistenni mill-poplu t’Alla fejn għandha x’taqsam il-kondotta? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?

ĠEĦOVA nebbaħ lill-appostlu Pietru biex jagħmel rabta bejn il-qdusija li hi enfasizzata fil-ktieb tal-Levitiku u bejn il-bżonn li nkunu qaddisin fil-kondotta tagħna bħala Kristjani. (Aqra l-1 Pietru 1:14-16.) “Il-Qaddis,” Ġeħova, jistenna li l-midlukin u n-“nagħaġ oħrajn” jistinkaw biex ikunu qaddisin fil-kondotta kollha tagħhom, u mhux biss fi ftit mill-kondotta tagħhom.—Ġw. 10:16.

2 Jekk inkomplu neżaminaw ftit mit-teżori spiritwali li nsibu fil-ktieb tal-Levitiku, żgur li se nibbenefikaw bil-kbir. Ukoll, se niġu megħjunin nuru li aħna qaddisin fil-kondotta kollha tagħna jekk napplikaw dak li nitgħallmu. Se nikkunsidraw mistoqsijiet bħal: Kif għandna nqisu l-kompromessi? Il-ktieb tal-Levitiku x’jgħallimna dwar li nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova? X’nistgħu nitgħallmu mis-sagrifiċċji li kienu joffru l-Iżraelin?

OQGĦOD ATTENT LI MA TAGĦMILX KOMPROMESS

3, 4. (a) Il-Kristjani għala m’għandhomx jagħmlu kompromess fejn jidħlu l-liġijiet u l-prinċipji tal-Bibbja? (b) Għala m’għandniex nivvendikaw ruħna jew inżommu f’qalbna?

3 Jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova, irridu nobdu l-liġijiet u  l-prinċipji tiegħu. Ukoll, qatt m’għandna nadottaw attitudni mhix qaddisa, jew mhix xierqa, lejhom jew naħsbu li nistgħu nagħmlu kompromess. Illum, m’għadniex taħt il-Liġi li Alla ta lil Mosè, imma dik il-Liġi tgħinna nifhmu x’inhu aċċettabbli u x’mhuwiex aċċettabbli għal Ġeħova. Pereżempju, l-Iżraelin ingħataw il-kmand: “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-poplu tiegħek; u ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Jien Ġeħova.”—Lev. 19:18.

4 Ġeħova ma jridniex nivvendikaw ruħna jew inżommu f’qalbna. (Rum. 12:19) Li kieku kellna ninjoraw il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla, inkunu qed inpaxxu lix-Xitan u nġibu tmaqdir fuq Ġeħova. Anke jekk xi ħadd ikun weġġagħna apposta, m’għandniex nimtlew b’riżentiment, jiġifieri, nibqgħu nżommu fil-komma. Alla tana l-privileġġ li nkunu “reċipjenti tal-fuħħar” li fihom it-teżor tal-ministeru. (2 Kor. 4:1, 7) Ma rridux nitfgħu r-riżentiment, li hu bħal aċtu, fl-istess reċipjent fejn hemm teżor prezzjuż.

5. X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont t’Aron u l-mewt taʼ wliedu? (Ara l-ewwel stampa.)

5 F’Levitiku 10:1-11 naqraw dwar sitwazzjoni li kkaġunat ħafna wġigħ għall-familja t’Aron. Ġeħova bagħat in-nar mis-sema biex jeqred lil ulied Aron, Nadab u Abiħu. Imbagħad Alla qal lil Aron u familtu li bl-ebda mod ma kellhom juru n-niket tagħhom! Żgur li dan kien prova kbira tal-fidi tagħhom. Qed turi li int qaddis billi ma tassoċjax maʼ membri tal-familja jew oħrajn li huma maqtugħin mis-sħubija?—Aqra l-1 Korintin 5:11.

6, 7. (a) Fuqiex għandna naħsbu meta niġu biex niddeċiedu jekk hux se nieħdu sehem f’tieġ li se jsir fi knisja? (Ara n-nota taʼ taħt.) (b) Kif nistgħu nispjegaw għala m’aħniex se nieħdu sehem f’tieġ li se jsir fi knisja?

6 Jistaʼ jkun li ma niffaċċjawx prova iebsa daqskemm kienet dik t’Aron u familtu. Imma xi ngħidu jekk niġu mistidnin nattendu tieġ taʼ qarib li mhux Xhud li jkun se jsir fi knisja u nintalbu nipparteċipaw fiċ-ċerimonja? M’hemm l-ebda kmand fil-Bibbja li jgħidilna li ma nistgħux nattendu, imma hemm prinċipji li għandhom jeffettwaw id-deċiżjoni tagħna. *

7 Id-deċiżjoni tagħna biex nogħġbu lil Ġeħova u nibqgħu qaddisin tistaʼ tħawwad lil qrabatna. (1 Pt. 4:3, 4) Ovvjament, ma rridux li jieħdu għalihom, imma ġeneralment ikun aħjar jekk inkellmuhom b’qalb tajba imma mingħajr ma noqogħdu nduru mal-lewża. Forsi nistgħu nagħmlu dan ħafna qabel il-ġurnata tat-tieġ. Nistgħu nirringrazzjawhom u ngħidulhom li napprezzaw il-fatt li stidnuna nieħdu sehem fiċ-ċerimonja. Imbagħad nistgħu ngħidu li rriduhom ikunu ferħanin f’din il-ġurnata speċjali u li ma rridux li huma jew il-mistidnin tagħhom iħossuhom imbarazzati għax ma niħdux sehem fiċ-ċerimonja reliġjuża. Dan hu mod wieħed kif nistgħu nevitaw li nagħmlu kompromess mit-twemmin u l-fidi tagħna.

APPOĠĠA S-SOVRANITÀ TAʼ ĠEĦOVA

8. Il-ktieb tal-Levitiku kif jenfasizza s-sovranità taʼ Ġeħova?

8 Il-ktieb tal-Levitiku jenfasizza s-sovranità taʼ Ġeħova, jiġifieri d-dritt li Ġeħova jmexxi u jagħmel liġijiet għall-bnedmin. Iktar minn 30 darba naqraw li l-liġijiet fil-ktieb tal-Levitiku ġejjin mingħand Alla. Mosè rrikonoxxa dan u għamel dak li Ġeħova kkmandah jagħmel. (Lev. 8:4, 5) Bl-istess mod, aħna dejjem għandna nagħmlu dak li jridna nagħmlu s-Sovran tagħna, Ġeħova. F’dan ir-rigward, għandna l-appoġġ tal-organizzazzjoni t’Alla. Imma kultant nistgħu nħabbtu wiċċna maʼ prova tal-fidi meta nkunu waħedna, bħalma ġara lil  Ġesù meta ġie ttantat fl-art xagħrija. (Lq. 4:1-13) Jekk nafdaw f’Ġeħova u nappoġġaw is-sovranità tiegħu, ħadd ma jistaʼ jġegħelna nagħmlu kompromess u mhux se nċedu għall-biżaʼ.—Prov. 29:25.

9. In-nies t’Alla għala huma mibgħudin madwar id-dinja?

9 Bħala segwaċi taʼ Kristu u Xhieda taʼ Ġeħova, aħna persegwitati madwar id-dinja. Dan nistennewh għax Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “[In-nies] jagħtukom f’idejn min iġegħelkom issofru u joqtlukom, u tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Għalkemm aħna mibgħudin, inkomplu nippritkaw u nibqgħu qaddisin fil-kondotta kollha tagħna. Aħna onesti u nodfa fiżikament u moralment. Ukoll, aħna ċittadini tajbin. Allura xi nies għala jobogħduna? (Rum. 13:1-7) Għax nobdu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħna u lil ħadd iktar! Nagħtu servizz sagru “lilu biss” u qatt ma se nagħmlu kompromess fejn jidħlu l-liġijiet u l-prinċipji ġusti tiegħu.—Mt. 4:10.

10. X’ġara darba minnhom meta ħu għamel kompromess fin-newtralità tiegħu?

10 Minbarra dan, ‘m’aħniex parti mid-dinja.’ Għalhekk, aħna newtrali fejn għandhom x’jaqsmu l-gwerer u l-kwistjonijiet politiċi tad-dinja. (Aqra Ġwanni 15:18-21; Isaija 2:4.) Xi wħud li ddedikaw ruħhom lil Alla għamlu kompromess fin-newtralità tagħhom. Ħafna minn dawn l-uħud nidmu u reġgħu bnew ir-relazzjoni tagħhom maʼ Missierna tas-sema li tant iħenn. (Salm 51:17) Imma xi wħud ma nidmux. Pereżempju, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna aħwa rġiel b’mod inġust ġew mitfugħin f’ħabsijiet fl-Ungerija. L-uffiċjali ġabru 160 minn dawn l-aħwa, li kellhom taħt il-45 sena, ġo raħal wieħed u ordnawlhom jingħaqdu mal-armata. L-aħwa leali baqgħu sodi u rrifjutaw, imma disgħa minnhom ċedew u daħlu fl-armata. Sentejn wara, wieħed minn dawk li kienu ċedew ġie inkarigat joqtol lix-Xhieda leali. Fost dawn kien hemm ħuh stess! Kif żvolġew l-affarijiet, dawn l-esekuzzjonijiet spiċċaw ma seħħewx.

AGĦTI L-AĦJAR TIEGĦEK LIL ĠEĦOVA

11, 12. X’nistgħu nitgħallmu mis-sagrifiċċji li kienu joffru l-Iżraelin tal-qedem?

11 Skont il-Liġi li Alla ta lil Mosè, l-Iżraelin kellhom joffru sagrifiċċji speċifiċi. (Lev. 9:1-4, 15-21) Is-sagrifiċċji kellhom ikunu bla difett għax taw stampa bil-quddiem tas-sagrifiċċju perfett taʼ Ġesù. Ukoll, l-Iżraelin kellhom isegwu proċedura speċifika għal kull tip taʼ sagrifiċċju. Pereżempju, ikkunsidra dak li kien mitlub minn omm li jkun għadu kif kellha tarbija. Levitiku 12:6 jgħid: “Meta jgħaddu l-jiem tal-purifikazzjoni tagħha għal iben jew għal bint iġġib għand il-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa muntun żgħir fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta tal-ħruq u beċċun jew gamiema bħala offerta għad-dnub.” Għalkemm Alla kien speċifiku f’dak li stenna, il-Liġi għamlitha ċara li hu kollu mħabba u hu raġunevoli. Jekk l-omm ma setgħetx taffordja muntun, setgħet toffri żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen. (Lev. 12:8) Avolja kienet fqira, Ġeħova kien iħobbha u japprezzaha daqskemm kien iħobb u japprezza lil dawk li taw offerta li tiswa iktar flus. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?

12 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Alla. (Ebr. 13:15) Noffru sagrifiċċju taʼ tifħir meta nkellmu lil oħrajn dwar l-isem qaddis taʼ Ġeħova. Aħwa neqsin mis-smigħ jużaw il-lingwa tas-sinjali biex ifaħħru lil Alla. Kristjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar ifaħħruh billi jagħtu xhieda permezz taʼ ittri jew telefown jew billi jippritkaw lil dawk li  jżuruhom. Is-saħħa u l-abbiltà tagħna se jeffettwaw kemm nistgħu nagħmlu biex infaħħru lil Ġeħova, imma l-importanti hu li dejjem nagħtu l-aħjar tagħna!—Rum. 12:1; 2 Tim. 2:15.

13. Għala għandna nimlew ir-rapport tas-servizz?

13 Is-sagrifiċċji tagħna taʼ tifħir huma sagrifiċċji personali li minn qalbna noffru lil Alla għax inħobbuh. (Mt. 22:37, 38) Imma ġejna mitlubin nimlew rapport li fih inniżżlu s-sigħat li nqattgħu fil-ministeru kull xahar. Allura, x’attitudni għandu jkollna lejn dan l-arranġament? Meta nagħtu dan ir-rapport, inkunu qed nuru d-devozzjoni tagħna lejn Alla. (2 Pt. 1:7) Naturalment, ħadd minna m’għandu jħossu mġiegħel iqattaʼ ħafna sigħat fil-ministeru sempliċement biex ikun jistaʼ jniżżel ħafna sigħat fir-rapport tas-servizz tiegħu. Infatti, jekk pubblikatur ma jkunx jistaʼ jqattaʼ ħafna sigħat fil-ministeru minħabba l-età jew is-saħħa tiegħu, xorta jistaʼ jniżżel sa 15-il minuta. Ġeħova jkun ferħan b’dan il-pubblikatur għax ikun ta l-aħjar tiegħu. Ukoll, Ġeħova jaf li dawn l-aħwa jħobbuh u verament jixtiequ jkunu x-Xhieda tiegħu. L-istess bħalma l-Iżraelin tal-qedem li kienu foqra xorta setgħu jagħtu offerta lil Ġeħova, hekk ukoll illum, il-qaddejja prezzjużi taʼ Ġeħova li għandhom ċerti limitazzjonijiet xorta jistgħu jitfgħu rapport. U r-rapporti individwali tagħna jsiru parti mir-rapport totali tad-dinja, li jgħin lill-organizzazzjoni tippjana minn qabel għall-attività tal-ippritkar tas-Saltna. Din hi r-raġuni għala nimlew ir-rapport tas-servizz.

ID-DRAWWIET TAʼ STUDJU U S-SAGRIFIĊĊJI TAʼ TIFĦIR TAGĦNA

14. Spjega għala għandna neżaminaw id-drawwiet taʼ studju tagħna.

14 Wara li kkunsidrajna ftit teżori spiritwali mill-ktieb tal-Levitiku, forsi qed taħseb, ‘Issa iktar qed nifhem għala dan il-ktieb hu parti mill-Kelma mnebbħa t’Alla.’ (2 Tim. 3:16) Abbli issa iktar determinat li turi li int qaddis, mhux biss għax Ġeħova jistenna dan minna, imma wkoll għax jistħoqqlu li nagħmlu l-almu tagħna biex nogħġbuh. Forsi dak li tgħallimt dwar il-ktieb tal-Levitiku f’dawn iż-żewġ artikli kabbar ix-xewqa tiegħek li tħaffer iktar fil-fond fil-kumplament tal-Iskrittura. (Aqra Proverbji 2:1-5.) Eżamina d-drawwiet tal-istudju tiegħek u itlob dwarhom. Staqsi lilek innifsek: ‘Qed nagħti lil Ġeħova l-aħjar tiegħi? Jew inkella qed inħalli programmi tat-televixin, logħob tal-kompjuter, sports, jew passatempi jżommuni milli nagħmel progress fil-verità?’ Jekk inhu hekk, għandek mnejn tibbenefika bil-kbir jekk timmedita fuq ċerti stqarrijiet tal-appostlu Pawlu li tniżżlu fil-ktieb tal-Ebrej.

Qed tagħti prijorità f’ħajtek lill-istudju tal-Bibbja u l-Qima Bħala Familja? (Ara paragrafu 14)

15, 16. Pawlu għala kien tant dirett meta kiteb lill-Kristjani Ebrajċi?

15 Pawlu ma qagħadx jomgħodha meta kiteb lill-Kristjani sħabu Ebrajċi. (Aqra Ebrej 5:7, 11-14.) Kliem l-appostlu kien bla kantunieri! Hu qalilhom li kienu ‘saru tqal’ biex jisimgħu. Pawlu għala kien tant dirett? Bħal Ġeħova, kien  iħobbhom u kien inkwetat dwar dawn il-Kristjani għax kienu qed jipprovaw jgħixu bil-ħalib spiritwali biss. Veru, hu importanti ħafna li nkunu nafu t-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Imma, hemm bżonn ukoll “l-ikel solidu,” jiġifieri t-tagħlim iktar profond tal-Bibbja, jekk irridu nagħmlu progress fil-verità.

16 Minflok ma kienu qed jagħmlu progress sal-punt li setgħu jgħallmu lil oħrajn, l-Ebrej kellhom bżonn lil xi ħadd biex jgħallem lilhom. Għala? Għax evitaw “l-ikel solidu.” Staqsi lilek innifsek: ‘Għandi attitudni tajba lejn it-tagħlim tal-Bibbja iktar profond? Ħerqan jien biex nistudjah? Jew inkella nżomm lura milli nitlob u nistudja dwar dawn l-affarijiet profondi? Jekk iva, jistaʼ jkun li d-drawwiet taʼ studju tiegħi huma parti mill-problema?’ Aħna m’għandniex biss nippritkaw lin-nies, imma għandna wkoll ngħallmuhom u nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20.

17, 18. (a) Għala għandna nieħdu ikel solidu spiritwali fuq bażi regulari? (b) X’għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn li nixorbu l-alkoħol qabel il-laqgħat?

17 Jistaʼ jkun li ħafna minna ma jsibuhiex faċli li jistudjaw il-Bibbja. Ovvjament, Ġeħova ma jridx iġiegħel lin-nies tiegħu jistudjaw il-Bibbja. Imma, ilna kemm ilna fil-verità, għandna nkomplu nieħdu ikel solidu spiritwali. Dan hu essenzjali jekk irridu nibqgħu qaddisin.

18 Sabiex inkunu qaddisin, irridu neżaminaw l-Iskrittura bir-reqqa u nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova. Ftakar f’ulied Aron, Nadab u Abiħu, li nqatlu talli offrew “nar projbit,” forsi meta kienu taħt l-influwenza tal-alkoħol. (Lev. 10:1, 2) Innota dak li Alla mbagħad qal lil Aron. (Aqra Levitiku 10:8-11.) Tfisser din is-silta li ma nistgħu nixorbu xejn alkoħol qabel ma mmorru laqgħa Kristjana? Aħseb dwar dawn il-punti: M’aħniex taħt il-Liġi. (Rum. 10:4) F’xi pajjiżi, sħabna fit-twemmin jixorbu l-alkoħol b’mod bilanċjat meta jieklu qabel ma jattendu l-laqgħat. Fil-Qbiż intużaw erbaʼ tazzi nbid. Meta waqqaf it-Tifkira, Ġesù qal lill-appostli biex jixorbu mill-inbid li kien jirrappreżenta d-demm tiegħu. (Mt. 26:27) Il-Bibbja tikkundanna li wieħed jixrob iżżejjed jew jisker. (1 Kor. 6:10; 1 Tim. 3:8) U minħabba l-kuxjenza tagħhom, ħafna Kristjani jippreferu ma jixorbu xejn alkoħol qabel ma jieħdu sehem fi kwalunkwe tip taʼ servizz sagru. Però, iċ-ċirkustanzi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u l-importanti hu li l-Kristjani jagħmlu “distinzjoni bejn dak li hu qaddis u dak li hu profan,” jew mhux qaddis, ħalli jkunu jistgħu jibqgħu qaddisin u jogħġbu lil Ġeħova.

19. (a) X’nistgħu nagħmlu biex il-qima bħala familja u l-istudju persunali tagħna jkunu iktar interessanti? (b) Kif tistaʼ turi li int determinat li tibqaʼ qaddis?

19 Hemm ħafna teżori spiritwali li tistaʼ ssib jekk tħaffer għalihom fil-Kelma t’Alla. Uża l-għodod tar-riċerka li huma disponibbli għalik ħalli l-qima bħala familja u l-istudju persunali tiegħek ikunu iktar interessanti. Sir af lil Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu aħjar. Ersaq dejjem eqreb lejh. (Ġak. 4:8) Itlob lil Alla bħalma għamel is-salmista li kanta: “Ikxifli għajnejja, biex inkun nistaʼ nara l-affarijiet taʼ l-għaġeb fil-liġi tiegħek.” (Salm 119:18) Qatt tagħmel kompromess fejn jidħlu l-liġijiet u l-prinċipji tal-Bibbja. Minn qalbek obdi l-liġi tal-“Qaddis,” Ġeħova, u b’żelu ħu sehem fix-“xogħol qaddis taʼ l-aħbar tajba t’Alla.” (1 Pt. 1:15; Rum. 15:16) Għandna bżonn nibqgħu qaddisin f’dawn l-aħħar jiem mill-agħar. Jalla kull wieħed u waħda minna jkun qaddis fil-kondotta tiegħu, u b’hekk jappoġġa s-sovranità tal-Alla l-qaddis tagħna, Ġeħova.

^ par. 6 Ara l-Mistoqsijiet mill-qarrejja” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2002.