Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Żommu moħħkom fiss fuq l-affarijiet ta’ fuq”

“Żommu moħħkom fiss fuq l-affarijiet ta’ fuq”

“Żommu moħħkom fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq, mhux fuq dawk taʼ l-art.”—KOL. 3:2.

1, 2. (a) Il-kongregazzjoni f’Kolossi għala kienet fil-periklu? (b) Liema parir għen lill-aħwa f’Kolossi biex jibqgħu magħqudin?

L-UNITÀ tal-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu f’Kolossi kienet fil-periklu! Xi aħwa kienu qed jgħidu li kulħadd għandu jobdi l-Liġi Mosajka. Oħrajn kienu qed jgħidu li hu ħażin li tgawdi l-pjaċiri tal-ħajja. Sabiex jiġġieled dan it-tagħlim falz, l-appostlu Pawlu kiteb ittra taʼ inkuraġġiment, billi wissa lill-Kolossin: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.”—Kol. 2:8.

2 Li kieku dawk il-Kristjani midlukin iffokaw moħħhom fuq “l-affarijiet elementari tad-dinja,” huma kienu jkunu qed jiċħdu l-privileġġ li jkunu wlied Alla. (Kol. 2:20-23) Sabiex jgħinhom jipproteġu r-relazzjoni prezzjuża tagħhom m’Alla, Pawlu qalilhom: “Żommu moħħkom fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq, mhux fuq dawk taʼ l-art.” (Kol. 3:2) Iva, ħut Kristu kellhom iżommu f’moħħhom it-tama tagħhom li jirċievu l-wirt li ma jitħassarx li kien ‘merfugħ għalihom fis-smewwiet.’—Kol. 1:4, 5.

3. (a) Il-Kristjani midlukin liema tama jżommu f’moħħhom? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

 3 Illum, il-Kristjani midlukin bl-istess mod iżommu moħħhom fiss fuq is-Saltna t’Alla u fuq it-tama tagħhom li jkunu “werrieta bi sħab maʼ Kristu” fis-sema. (Rum. 8:14-17) Imma xi ngħidu għal dawk li t-tama tagħhom hi għall-art? Il-kliem taʼ Pawlu kif japplika għalihom? B’liema mod in-“nagħaġ oħrajn” jistgħu jżommu f’moħħhom “l-affarijiet taʼ fuq”? (Ġw. 10:16) U lkoll kemm aħna kif nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw l-eżempji taʼ rġiel leali tal-passat bħal Abraham u Mosè, li minkejja tbatijiet persunali żammew moħħhom fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq?

XI JFISSER LI NŻOMMU MOĦĦNA FISS FUQ L-AFFARIJIET TAʼ FUQ

4. In-nagħaġ l-oħrajn kif jistgħu jżommu moħħhom fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq?

4 Għalkemm it-tama tan-nagħaġ oħrajn mhijiex għas-sema, anki huma jistgħu jżommu f’moħħhom l-affarijiet taʼ fuq. Kif? Billi jpoġġu lil Alla Ġeħova u l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom. (Lq. 10:25-27) Kristu hekk għamel, u hekk neħtieġu nagħmlu aħna wkoll. (1 Pt. 2:21) Bħal ħutna tal-ewwel seklu, aħna nħabbtu wiċċna maʼ raġunar falz, filosofiji dinjin, u attitudnijiet materjalistiċi f’din is-sistema taʼ Satana. (Aqra t-2 Korintin 10:5.) Jeħtieġ li nimitaw lil Ġesù u ngħassu kontra kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tħassar ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.

5. X’nistgħu nistaqsu lilna nfusna dwar il-ħarsa tagħna lejn il-flus u l-affarijiet materjali?

5 Ħallejna aħna l-ħarsa tad-dinja lejn il-flus u l-affarijiet materjali teffettwalna ħajjitna? Normalment, il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna jikxfu xi nħobbu verament. Ġesù qal: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll.” (Mt. 6:21) Biex inkunu nafu x’hemm f’qalbna, ikun tajjeb li minn żmien għal żmien neżaminaw lilna nfusna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Inqattaʼ ħafna ħin ninkwieta dwar il-flus, naħseb dwar li nsib impjieg aħjar, jew f’li nipprova ngħix ħajja iktar komda? Jew qed nipprova ngħix ħajja sempliċi, u niffoka fuq ir-relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova? (Mt. 6:22) Ġesù qal li jekk niffokaw fuq li ‘naħżnu teżori fuq l-art,’ nistgħu nitilfu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.—Mt. 6:19, 20, 24.

6. Kif nistgħu nirbħu l-ġlieda kontra t-tendenzi imperfetti tagħna?

6 Aħna imperfetti, allura huwa faċli li nagħmlu affarijiet li huma ħżiena. (Aqra Rumani 7:21-25.) Jekk ma nistriħux fuq l-ispirtu qaddis t’Alla ma jkollna l-ebda rispett għal-liġijiet t’Alla u nistgħu ninvolvu ruħna “f’xalar u sokor,” f’immoralità, jew saħansitra f’“kondotta laxka.” (Rum. 13:12, 13) Aħna l-ħin kollu niġġieldu t-tendenzi imperfetti tagħna. Din il-ġlieda nistgħu nirbħuha biss jekk inżommu moħħna fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq. Dan jeħtieġ sforz, u huwa għalhekk li Pawlu qal: “Insawwat lil ġismi u njassru.” (1 Kor. 9:27) Anki aħna neħtieġu nkunu stretti magħna nfusna. Ejja niddiskutu l-eżempju taʼ żewġt irġiel leali.—Ebr. 11:6.

ABRAHAM “POĠĠA L-FIDI F’ĠEĦOVA”

7, 8. (a) Abraham u Sara liema problemi ffaċċjaw? (b) Abraham x’żamm f’moħħu?

7 Meta Ġeħova qal lil Abraham biex flimkien maʼ familtu jmur fl-art taʼ Kangħan, Abraham obda mill-qalb. Minħabba l-fidi u l-ubbidjenza t’Abraham, Ġeħova għamel patt miegħu, billi qallu:  “Nagħmel ġens kbir minnek u nbierkek.” (Ġen. 12:2) Madankollu, snin wara, Abraham u martu Sara kienu għadhom bla tfal. Kien Ġeħova nesa dak li kien wiegħed lil Abraham? Iktar minn hekk, il-ħajja f’Kangħan ma kinitx kollha ward u żahar. Abraham u familtu kienu ħallew warajhom ħajja komda fil-belt sinjura taʼ Ur u kienu vvjaġġaw iktar minn 1,600 kilometru biex imorru fl-art taʼ Kangħan. Huma għexu fit-tined, mhux dejjem kellhom biżżejjed x’jieklu, u kultant kienu fil-periklu minn ħallelin. (Ġen. 12:5, 10; 13:18; 14:10-16) Minkejja dan, Abraham u l-familja tiegħu ma ridux imorru lura għall-kumditajiet taʼ Ur!—Aqra Ebrej 11:8-12, 15.

8 Minflok ma ffoka fuq ‘l-affarijiet taʼ l-art,’ Abraham “poġġa l-fidi f’Ġeħova.” (Ġen. 15:6) Iva, hu żamm moħħu fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq billi kkonċentra fuq il-wegħdi t’Alla. Minħabba f’hekk, il-fidi t’Abraham ġiet premjata meta l-Alla l-Iktar Għoli deherlu u qallu: “‘Jekk jogħġbok, ħares ’il fuq lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek il-ħila tgħoddhom.’ U ssokta jgħidlu: ‘Hekk għad ikun nislek.’” (Ġen. 15:5) Min jaf kemm dan serraħlu moħħu! Kull darba li Abraham kien iħares lejn is-sema mimlija kwiekeb, hu kien jiftakar fil-wegħda li għamillu Ġeħova li jkollu ħafna dixxendenti. U fiż-żmien stabbilit t’Alla, Abraham kellu nisel, sewwasew bħalma ġie mwiegħed.—Ġen. 21:1, 2.

9. Kif nistgħu nimitaw lil Abraham?

9 Bħal Abraham, anki aħna qed nistennew it-twettiq tal-wegħdi t’Alla. (2 Pt. 3:13) Jekk ma nżommux moħħna fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq, it-twettiq taʼ dawn il-wegħdi jistaʼ jidher li qed jittardja u għandna mnejn innaqqsu l-pass fl-attivitajiet spiritwali tagħna. Pereżempju, għamilt int sagrifiċċji fil-passat sabiex taqdi bħala pijunier jew f’xi servizz speċjali ieħor? Jekk għamilt hekk, taʼ min ifaħħrek. Imma xi ngħidu għal issa? Ftakar, Abraham żamm f’moħħu “l-belt li għandha sisien taʼ veru.” (Ebr. 11:10) Hu “eżerċita l-fidi f’Ġeħova, u dan ngħaddlu bħala ġustizzja.”—Rum. 4:3.

MOSÈ RA “LIL DAK LI HU INVIŻIBBLI”

10. Mosè kif trabba?

10 Mosè kien raġel ieħor li żamm moħħu fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq. Hu trabba bħala parti mill-familja rjali Eġizzjana meta l-Eġittu kien l-iktar ġens qawwi fid-dinja. Il-Bibbja tgħid li hu “kien istruwit fl-għerf kollu taʼ l-Eġizzjani.” Mhux taʼ b’xejn li b’din l-edukazzjoni avvanzata, Mosè sar “setgħan fi kliemu u f’għemilu.” (Atti 7:22) Minħabba t-trobbija tiegħu, Mosè kellu ħafna opportunitajiet biex ikun raġel importanti fl-Eġittu. Imma kien hemm edukazzjoni oħra li għal Mosè kienet iktar importanti.

11, 12. Liema edukazzjoni kienet l-iktar importanti għal Mosè, u kif nafu dan?

11 Meta Mosè kien għadu żgħir, ommu, Ġokebed, għallmitu dwar l-Alla tal-Ebrej. Għal Mosè, dan l-għarfien dwar Ġeħova kien iktar importanti minn kull ħaġa oħra. Mosè minn qalbu ċeda l-opportunità li kellu għal rikkezzi u qawwa biex jagħmel ir-rieda t’Alla. (Aqra Ebrej 11:24-27.) It-taħriġ li Mosè kellu meta kien żgħir u l-fidi tiegħu f’Ġeħova għenuh iżomm moħħu fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq.

 12 Mosè ngħata l-aqwa edukazzjoni sekulari li kien hemm disponibbli fi żmienu, imma użaha hu biex javvanza l-karriera tiegħu fl-Eġittu, jagħmel isem għalih innifsu, jew jikseb affarijiet materjali? Le. Kieku għamel hekk, ma kienx jirrifjuta li ‘jissejjaħ bin bint il-Fargħun u jagħżel li jkun trattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok ma jkollu t-tgawdija temporanja tad-dnub.’ B’mod ċar, Mosè uża l-edukazzjoni spiritwali tiegħu biex javvanza l-iskop taʼ Ġeħova.

13, 14. (a) X’għen lil Mosè biex jikkwalifika għall-inkarigu li kien se jagħtih Ġeħova? (b) Bħal Mosè, x’għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu?

13 Mosè kien iħobb ħafna lil Ġeħova u l-poplu Tiegħu. Meta kellu 40 sena, Mosè ħaseb li kien lest biex jgħin lill-poplu t’Alla jinħeles mill-jasar tal-Eġizzjani. (Atti 7:23-25) Però, qabel ma Ġeħova setaʼ jagħtih dan l-inkarigu, Mosè kellu bżonn xi ħaġa oħra. Hu kellu bżonn jikkultiva kwalitajiet bħall-umiltà, il-paċenzja, il-ħlewwa, u r-rażan. (Prov. 15:33) Mosè kellu bżonn taħriġ li kien se jħejjih biex jissaporti l-provi u t-tbatijiet li kien se jiffaċċja. L-40 sena li Mosè qattaʼ bħala ragħaj għenuh jiżviluppa dawn il-kwalitajiet.

14 Tgħallem Mosè mit-taħriġ prattiku li rċieva bħala ragħaj? U żgur li tgħallem! Il-Kelma t’Alla tgħid li Mosè sar “bil-wisq l-iktar ġwejjed mill-bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-art.” (Num. 12:3) Hu kien ikkultiva l-umiltà, li għenitu jkun paċenzjuż maʼ ħafna nies differenti u mal-problemi diffiċli tagħhom. (Eżo. 18:26) Bl-istess mod, aħna għandu mnejn li jkollna bżonn nikkultivaw kwalitajiet spiritwali li se jgħinuna ngħaddu “mit-tribulazzjoni l-kbira” għal ġod-dinja ġdida ġusta t’Alla. (Riv. 7:14) Ningwalawha aħna man-nies, inkluż maʼ dawk li aħna nikkunsidrawhom li jbatu bil-burdati jew li jieħdu għalihom malajr? Nagħmlu tajjeb li nagħtu kas il-kliem tal-appostlu Pietru, li ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin, ħobbu l-fratellanza kollha.”—1 Pt. 2:17.

INŻOMMU MOĦĦNA FISS FUQ L-AFFARIJIET TAʼ FUQ

15, 16. (a) Għala hu vitali li nżommu moħħna fiss fuq affarijiet xierqa? (b) Għala hu importanti li l-Kristjani jżommu kondotta tajba?

15 Qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1) Għalhekk, sabiex nibqgħu mqajmin spiritwalment, għandna nżommu moħħna fiss fuq affarijiet xierqa. (1 Tess. 5:6-9) Ejja naraw tliet modi kif nistgħu nagħmlu dan.

16 Il-kondotta tagħna: Pietru għaraf l-importanza taʼ kondotta tajba. Hu qal: “Żommu kondotta tajba fost il-ġnus, sabiex, . . . minħabba l-għemejjel tajbin tagħkom li jaraw b’għajnejhom stess jigglorifikaw lil Alla.” (1 Pt. 2:12) Kemm jekk qegħdin id-dar, ix-xogħol, l-iskola, f’rikreazzjoni, jew fil-ministeru, nagħmlu kull sforz biex nigglorifikaw lil Ġeħova permezz tal-kondotta tajba tagħna. Veru, bħala bnedmin imperfetti, ilkoll niżbaljaw. (Rum. 3:23) Imma m’għandniex naqtgħu qalbna. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu ‘niġġieldu l-ġlieda t-tajba tal-fidi.’—1 Tim. 6:12.

17. Kif nistgħu nimitaw l-attitudni mentali taʼ Ġesù? (Ara l-ewwel stampa.)

17 L-attitudni tagħna: Biex inżommu kondotta tajba, jeħtieġ li jkollna attitudni xierqa. L-appostlu Pawlu qal: “Żommu din l-attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù.” (Flp. 2:5) Liema tip t’attitudni kellu Ġesù? Hu kien umli. L-umiltà qanqlitu  biex jagħmel sagrifiċċji persunali fil-ministeru tiegħu. Hu dejjem żamm f’moħħu l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mk. 1:38; 13:10) Ġesù qies il-Kelma t’Alla bħala l-ogħla awtorità. (Ġw. 7:16; 8:28) Hu studja l-Iskrittura Mqaddsa bir-reqqa ħalli jkun jistaʼ jikkwota minnha, jiddefendiha, u jispjegaha. Jekk naħsbu bħal Kristu, anki aħna se nkunu umli u żelużi fil-ministeru tagħna u fl-istudju persunali tagħna tal-Bibbja.

Ġesù dejjem żamm f’moħħu l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla (Ara paragrafu 17)

18. B’liema mod importanti nistgħu nappoġġaw ix-xogħol taʼ Ġeħova?

18 L-appoġġ tagħna: L-iskop taʼ Ġeħova hu li “f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, [u] fuq l-art.” (Flp. 2:9-11) Minkejja li Ġesù għandu pożizzjoni importanti ħafna, hu b’umiltà jissottometti ruħu lejn Missieru. U hekk għandna nagħmlu aħna. (1 Kor. 15:28) Kif? Billi nappoġġaw b’qalbna kollha x-xogħol li ġejna mgħallmin nagħmlu, jiġifieri li ‘nagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’ (Mt. 28:19) Aħna wkoll “nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd” meta nagħmlu affarijiet tajbin għall-proxxmu tagħna u għal ħutna.—Gal. 6:10.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Kemm aħna grati li Ġeħova jfakkarna biex inżommu moħħna fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq! Għaldaqstant, neħtieġu li “niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.” (Ebr. 12:1) Jalla lkoll kemm aħna naħdmu ‘b’ruħna kollha qisu għal Ġeħova,’ u Missierna tas-sema se jippremja l-isforzi ħerqana tagħna.—Kol. 3:23, 24.