“Issiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.”—EŻO.19:6.

1, 2. In-nisel tal-mara għala kellu bżonn il-protezzjoni?

L-EWWEL profezija fil-Bibbja hi vitali biex nifhmu kif l-iskop t’Alla se jirnexxi. Meta għamel il-wegħda fl-Għeden, l-Alla l-veru ddikjara: “Inqanqal għadwa bejnek [Satana] u bejn il-mara u bejn nislek u nisilha.” Kemm kienet se tkun ħarxa din l-għadwa? “Hu [in-nisel tal-mara] jisħaqlek rasek [taʼ Satana] u int tisħaqlu għarqubu,” qal Ġeħova. (Ġen. 3:15) L-għadwa bejn is-serp u l-mara tant kienet se tkun ħarxa li Satana kien se jagħmel minn kollox biex jeqred in-nisel tagħha.

2 Mhux taʼ b’xejn li s-salmista talab hekk dwar il-poplu t’Alla: “Ara, l-għedewwa tiegħek qamu f’rewwixta; u dawk mimlijin mibegħda għalik refgħu rashom. B’makakkerija huma jkomplu jgħidu diskors kunfidenzjali kontra l-poplu tiegħek; u jikkonfoffaw kontra dawk li int ħbejt. Qalu: ‘Ejjew ħa nqaċċtuhom darba għal dejjem u ma jibqgħux ġens iżjed.’” (Salm 83:2-4) Il-mira taʼ Satana kienet li jeqred u jikkorrompi l-linja taʼ dixxendenza tan-nisel. Biex jipproteġi lin-nisel u jiggarantixxi li s-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija taʼ  Kristu tkun taʼ suċċess, Ġeħova għamel arranġamenti legali oħrajn.

PATT LI JIPPROTEĠI LIN-NISEL

3, 4. (a) Il-patt tal-Liġi meta sar validu, u l-ġens t’Iżrael x’qabel li jagħmel? (b) Il-patt tal-Liġi għala ġie disinjat?

3 Hekk kif id-dixxendenti t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb saru jgħoddu bil-miljuni, Ġeħova għamel ġens minnhom—il-ġens t’Iżrael tal-qedem. Permezz taʼ Mosè, Alla għamel patt uniku maʼ dan il-ġens. Ġeħova tahom il-Liġi, u l-Iżraelin qablu li jobduha. Il-Bibbja tgħid: “[Mosè] ħa l-ktieb tal-patt u qrah biex jisimgħuh in-nies. Imbagħad huma qalu: ‘Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u nobduh.’ Għalhekk, Mosè ħa d-demm [tal-barrin bħala sagrifiċċji] u raxxu fuq in-nies u qal: ‘Dan hu d-demm tal-patt li Ġeħova għamel magħkom skond dan il-kliem kollu li għadkom kemm smajtu.’”—Eżo. 24:3-8.

4 Il-patt tal-Liġi sar validu ħdejn il-Muntanja Sinaj fis-sena 1513 QEK. Permezz taʼ dan il-patt, Ġeħova għażel lill-ġens t’Iżrael tal-qedem għal skop speċjali. Ġeħova issa sar ‘l-Imħallef tagħhom, Dak li jagħtihom l-istatuti, u s-Sultan tagħhom.’ (Is. 33:22) L-istorja t’Iżrael turi x’jiġri meta n-nies jew jobdu jew jinjoraw il-livelli ġusti t’Alla. Ubbidjenza għal-Liġi t’Alla kienet tfisser li l-Iżraelin ma setgħux jiżżewġu nies pagani jew iqimu allat oħrajn. Il-Liġi kienet disinjata biex tipproteġi lin-nisel t’Abraham mill-korruzzjoni.—Eżo. 20:4-6; 34:12-16.

5. (a) Il-patt tal-Liġi ta liema opportunità lill-Iżraelin? (b) Alla għala ċaħad lill-Iżraelin?

5 Il-patt tal-Liġi pprovda wkoll arranġament għal saċerdozju, u dan ta lemħa t’arranġament akbar fil-futur. (Ebr. 7:11; 10:1) Infatti, permezz taʼ dan il-patt, l-Iżraelin kellhom l-opportunità u l-privileġġ uniku li jsiru “saltna taʼ qassisin,” dment li jobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova. (Aqra Eżodu 19:5, 6.) Madankollu, huma m’obdewx. L-Iżraelin m’aċċettawx lill-Messija, il-parti primarja tan-nisel t’Abraham. Minflok, huma ċaħdu lil Ġesù u Alla ċaħad lilhom.

Id-diżubbidjenza t’Iżrael ma kinitx tfisser li l-patt tal-Liġi kien falla (Ara paragrafi 3-6)

6. X’kien l-iskop tal-Liġi?

6 Peress li ma baqgħux leali lejn Alla, il-ġens t’Iżrael ma sarx saltna taʼ qassisin. Imma dan ma jfissirx li l-Liġi kienet falliet. Il-Liġi pproteġiet lin-nisel u għenet lin-nies jidentifikaw lill-Messija. Meta Ġesù ġie fuq l-art u ġie identifikat, il-Liġi kienet irnexxiet. Il-Bibbja tgħid: “Kristu hu t-tmiem tal-Liġi.” (Rum. 10:4) Allura liema grupp kien se jkollu l-opportunità li jsir saltna taʼ qassisin?  Ġeħova għamel kuntratt legali ieħor biex jifforma ġens ġdid.

JIĠI FFORMAT ĠENS ĠDID

7. Ġeħova x’bassar permezz taʼ Ġeremija dwar patt ġdid?

7 Ħafna qabel ma ġie kanċellat il-patt tal-Liġi, Ġeħova bassar permezz tal-profeta Ġeremija li Hu kien sa jagħmel “patt ġdid” mal-ġens t’Iżrael. (Aqra Ġeremija 31:31-33.) Dan il-patt kien se jkun differenti mill-patt tal-Liġi fis-sens li kien se jagħmilha possibbli li d-dnubiet jinħafru mingħajr il-bżonn li jsiru sagrifiċċji tal-annimali. Kif kien se jagħmel dan?

8, 9. (a) Id-demm imxerred taʼ Ġesù xi jwettaq? (b) Liema opportunità kellhom dawk fil-patt il-ġdid? (Ara l-ewwel stampa.)

8 Sekli wara, Ġesù stabbilixxa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej fl-14 taʼ Nisan fis-sena 33 EK. Rigward il-kies bl-inbid, hu qal lill-11-il appostlu leali tiegħu: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.” (Lq. 22:20) Skont ir-rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi tal-patt,’ li se jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.”—Mt. 26:27, 28.

9 Id-demm imxerred taʼ Ġesù jagħmel il-patt il-ġdid validu. Permezz taʼ dan id-demm hu possibbli wkoll li d-dnubiet jinħafru darba għal dejjem. Ġesù mhuwiex parti mill-patt il-ġdid. Peress li hu bla dnub, m’għandux bżonn il-maħfra. Imma Alla jistaʼ juża l-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-benefiċċju tal-bnedmin. Setaʼ wkoll jadotta lil ċerti bnedmin leali “bħala wlied” billi jidlikhom bl-ispirtu qaddis. (Aqra Rumani 8:14-17.) Ġeħova jistaʼ jqishom bħal Ibnu, Ġesù, li hu bla dnub. Dawn il-midlukin kienu se jsiru “werrieta bi sħab maʼ Kristu” u jkollhom l-opportunità li jsiru “saltna taʼ qassisin.” Dan kien privileġġ li setaʼ kellu l-ġens t’Iżrael taħt il-Liġi. Rigward il-“werrieta bi sħab maʼ Kristu,” l-appostlu Pietru qal: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pt. 2:9) Kemm hu vitali l-patt il-ġdid! Dan jippermetti lid-dixxipli taʼ Ġesù jsiru l-parti sekondarja tan-nisel t’Abraham.

IL-PATT IL-ĠDID ISIR VALIDU

10. Il-patt il-ġdid meta sar validu, u għala ma sarx validu qabel?

10 Il-patt il-ġdid meta sar validu? Dan ma kienx meta Ġesù rrefera għalih fl-aħħar lejl tiegħu fuq l-art. Biex dan jibda jopera, id-demm taʼ Ġesù kellu jixxerred u l-valur tiegħu kellu jiġi preżentat lil Ġeħova fis-sema. Barra minn hekk, l-ispirtu qaddis kellu jitferraʼ fuq dawk li kienu se jkunu “werrieta bi sħab maʼ Kristu.” Għaldaqstant, il-patt il-ġdid sar validu f’Pentekoste tas-sena 33 EK meta d-dixxipli leali taʼ Ġesù ġew midlukin bl-ispirtu qaddis.

11. Il-patt il-ġdid kif għamilha possibbli biex kemm il-Lhud kif ukoll il-Ġentili jsiru parti minn Iżrael spiritwali, u kemm kien se jkun hemm fil-patt il-ġdid?

11 Meta Ġeħova ħabbar permezz taʼ Ġeremija li kien se jagħmel patt ġdid maʼ Iżrael, dan indika li l-patt tal-Liġi eventwalment ma kienx se jkun meħtieġ. Il-Liġi spiċċat meta sar validu l-patt il-ġdid. (Ebr. 8:13) Meta seħħ  dan, Alla setaʼ jqis kemm lil-Lhud kif ukoll lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi bl-istess mod, ladarba “ċ-ċirkonċiżjoni [tagħhom] hi dik fil-qalb bl-ispirtu, u mhux b’xi liġi miktuba.” (Rum. 2:29) Billi għamel il-patt il-ġdid magħhom, Alla kien se jqiegħed il-liġijiet tiegħu “f’moħħhom, u [jiktibhom] fi qlubhom.” (Ebr. 8:10) Il-patt il-ġdid jinkludi 144,000 midluk. Dawn jifformaw ġens ġdid li jissejjaħ “l-Israel t’Alla,” jew Iżrael spiritwali.—Gal. 6:16; Riv. 14:1, 4.

12. Liema xebh hemm bejn il-patt tal-Liġi u l-patt il-ġdid?

12 X’xebh hemm bejn il-patt tal-Liġi u l-patt il-ġdid? Il-patt tal-Liġi kien bejn Ġeħova u l-ġens t’Iżrael; il-patt il-ġdid hu bejn Ġeħova u Iżrael spiritwali. Mosè kien il-medjatur tal-patt tal-Liġi; Ġesù hu l-Medjatur tal-patt il-ġdid. Il-patt tal-Liġi sar validu permezz tad-demm t’annimal; il-patt il-ġdid sar validu permezz tad-demm imxerred taʼ Ġesù. Mosè kien il-mexxej tal-ġens t’Iżrael fil-patt tal-Liġi; Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni, hu l-Mexxej taʼ dawk fil-patt il-ġdid.—Efes. 1:22.

13, 14. (a) Il-patt il-ġdid kif inhu konness mas-Saltna? (b) X’inhu neċessarju biex Iżrael spiritwali jkun jistaʼ jsaltan maʼ Kristu fis-sema?

13 Il-patt il-ġdid hu konness mas-Saltna fis-sens li jipproduċi ġens qaddis li l-membri tiegħu għandhom il-privileġġ li jsiru slaten u qassisin f’din is-Saltna tas-sema. Dan il-ġens jifforma l-parti sekondarja tan-nisel t’Abraham. (Gal. 3:29) B’hekk, il-patt il-ġdid isaħħaħ il-patt Abrahamiku.

14 Il-patt il-ġdid jipproduċi lil Iżrael spiritwali u hu l-bażi legali biex il-midlukin isiru “werrieta bi sħab maʼ Kristu.” Imma l-midlukin kif jistgħu jsaltnu maʼ Ġesù bħala slaten u qassisin fis-sema? Ftehim legali ieħor jagħmel dan possibbli.

PATT LI JIPPERMETTI LIL OĦRAJN ISALTNU MAʼ KRISTU

15. Ġesù liema patt persunali għamel mal-appostli leali tiegħu?

15 Wara li stabbilixxa l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, Ġesù għamel patt mal-appostli leali tiegħu, li spiss jissejjaħ il-patt tas-Saltna. (Aqra Luqa 22:28-30.) Kuntrarju għall-pattijiet l-oħrajn, Ġeħova mhuwiex inkluż f’dan il-patt. Minflok, dan hu patt persunali bejn Ġesù u l-midlukin. Meta qal, “bħalma Missieri għamel [patt] miegħi,” Ġesù milli jidher kien qed jirreferi għall-patt li Ġeħova kien għamel miegħu biex ikun “qassis għal dejjem bl-istess mod taʼ Melkisedek.”—Ebr. 5:5, 6.

16. Xi jsir possibbli għall-Kristjani midlukin permezz tal-patt tas-Saltna?

16 Il-11-il appostlu leali kienu ‘baqgħu maʼ Ġesù fil-provi tiegħu.’ Il-patt tas-Saltna assigurahom li huma kienu se jkunu miegħu fis-sema u joqogħdu fuq tronijiet biex isaltnu bħala slaten u jaqdu bħala qassisin. Madankollu, dawk il-11 ma kinux se jkunu l-uniċi wħud li jgawdu dan il-privileġġ. Ġesù glorifikat deher lill-appostlu Ġwanni f’viżjoni u qal: “Lil min jirbaħ nagħtih li joqgħod bil-qiegħda miegħi fuq it-tron tiegħi, bħalma jien irbaħt u qgħadt bil-qiegħda maʼ Missieri fuq it-tron tiegħu.” (Riv. 3:21) B’hekk, il-patt tas-Saltna jsir mal-144,000 Kristjan midluk. (Riv. 5:9, 10; 7:4) Dan hu l-patt li jifforma bażi legali biex huma jkunu jistgħu jsaltnu maʼ Ġesù fis-sema.  Dan hu simili għal għarusa li tintgħażel biex tiżżewweġ sultan. Meta huma jiżżewġu, ikun possibbli li anki l-għarusa tirrenja mas-sultan. Infatti, l-Iskrittura tirreferi għall-Kristjani midlukin bħala “l-għarusa” taʼ Kristu, “verġni safja” mwiegħda fiż-żwieġ lill-Kristu.—Riv. 19:7, 8; 21:9; 2 Kor. 11:2.

GĦANDEK FIDI LI MA TITĦARRIKX FIS-SALTNA T’ALLA?

17, 18. (a) Irrivedi sitt pattijiet li kkunsidrajna u li huma konnessi mas-Saltna. (b) Għala jistaʼ jkollna fidi li ma titħarrikx fis-Saltna?

17 Il-pattijiet kollha li kkunsidrajna f’dawn iż-żewġ artikli huma kollha konnessi m’aspett vitali wieħed jew iktar tas-Saltna. (Ara ċ-ċart “Kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu” fl-artiklu taʼ qabel.) Dan il-fatt jenfasizza li l-arranġament tas-Saltna hu bbażat b’mod sod fuq ftehim legali. Aħna nistgħu nkunu konvinti għal kollox li Alla se juża s-Saltna tiegħu taħt it-tmexxija taʼ Kristu biex iwettaq l-iskop Tiegħu għall-bnedmin u għall-art.—Riv. 11:15.

Permezz tas-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija taʼ Kristu, Ġeħova se jwettaq l-iskop tiegħu għall-art (Ara paragrafi 15-18)

18 M’hemm ebda dubju li s-Saltna hi l-unika soluzzjoni għall-problemi tal-umanità. Aħna fiduċjużi għall-aħħar li se ġġib benefiċċji dejjiema għall-bnedmin kollha. Mela jalla ngħidu lil oħrajn bil-ħeġġa kollha dwar din il-verità meraviljuża!—Mt. 24:14.