Fl-1947, xi qassisin Kattoliċi f’Santa Ana, El Salvador, ipprovaw jaqilgħu l-inkwiet lix-Xhieda. Waqt li l-aħwa kienu qed jagħmlu l-Istudju tat-Torri tal-Għassa taʼ kull ġimgħa, xi subien waddbu ġebel kbir minn ġol-bieb li kien miftuħ tad-dar missjunarja. Imbagħad il-qassisin ġew ħdejn id-dar missjunarja u magħhom ġabu marmalja rrabjata. Xi wħud fil-marmalja kellhom torċi tan-nar f’idhom, waqt li oħrajn kienu qed iġorru l-idoli. Għal sagħtejn sħaħ, dawn waddbu ġebel lejn il-bini u għajtu: “Għomor twil lill-Verġni!” u, “Jalla Ġeħova jmut!” Huma riedu jbeżżgħu lill-missjunarji ħalli jitilqu. Dan nafu għax jien kont waħda mill-missjunarji f’dik il-laqgħa 67 sena ilu. *

SENTEJN qabel ma seħħet din il-ġrajja msemmija hawn fuq, jien u Evelyn Trabert iggradwajna mir-rabaʼ klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead), li dak iż-żmien kienet issir viċin Ithaca, New York. Aħna ġejna inkarigati biex naqdu bħala missjunarji f’El Salvador, u jien qdejt hemmhekk għal kważi 29 sena. Imma qabel ma nirrakkonta l-ħajja tiegħi bħala missjunarja, ħalli nispjega għala ddeċidejt li nidħol f’dan ix-xogħol.

IL-WIRT SPIRITWALI TIEGĦI

Fl-1923, is-sena meta twilidt jien, il-ġenituri tiegħi, John u Eva Olson, kienu qed joqogħdu Spokane, Washington, l-Istati Uniti tal-Amerika. Huma kienu Luterani imma m’aċċettawx it-tagħlim tal-knisja dwar in-nar tal-infern, ladarba ma setgħux jemmnu kif Alla li jħobb setaʼ jittortura lin-nies. (1 Ġw. 4:8) Missieri kien jaħdem f’forn, u lejla minnhom wieħed li kien jaħdem miegħu serraħlu moħħu li l-Bibbja ma tgħallimx li l-infern hu post taʼ turment. Il-ġenituri tiegħi ma damux ma bdew jistudjaw max-Xhieda taʼ Ġeħova u saru jafu x’tgħallem verament il-Bibbja dwar il-ħajja wara l-mewt.

Dak iż-żmien kelli biss disaʼ snin, imma għadni niftakar kemm kienu eċċitati l-ġenituri tiegħi b’dak li kienu qed jitgħallmu. L-entużjażmu tagħhom kiber saħansitra iktar meta tgħallmu x’jismu l-Alla  l-veru, Ġeħova, u ġew meħlusin mid-duttrina tat-Trinità. Jien bħal sponża bdejt nixrob dan it-tagħlim Skritturali meraviljuż—‘verità li teħles’ lil dak li jkun. (Ġw. 8:32) Għaldaqstant, qatt ma qist l-istudju tal-Bibbja bħala xi ħaġa taʼ dwejjaq, imma dejjem ħadt pjaċir neżamina l-Kelma t’Alla. Għalkemm kont nistħi, kont noħroġ mal-ġenituri tiegħi fix-xogħol tal-ippritkar. Huma tgħammdu fl-1934. Fl-1939, meta kelli 16-il sena, jien ingħaqadt magħhom bħala qaddejja mgħammda taʼ Ġeħova.

M’ommi u missieri fl-assemblea tal-1941 f’St. Louis, Missouri

Fis-sajf tal-1940, il-ġenituri tiegħi biegħu d-dar tagħhom, u t-tlieta li aħna dħalna fil-ministeru full-time bħala pijunieri f’Coeur d’Alene, Idaho. Konna ngħixu f’appartament mikri fuq garaxx taʼ mekkanik. Id-dar tagħna kienet tintuża wkoll għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Dak iż-żmien, ma tantx kien hemm kongregazzjonijiet li kellhom Swali tas-Saltna, allura kienu jiltaqgħu fi djar privati jew f’postijiet mikrijin.

Fl-1941, jien u l-ġenituri tiegħi attendejna l-assemblea f’St. Louis, Missouri. L-aħħar ġurnata taʼ din l-assemblea kien jisimha “Il-Ġurnata tat-Tfal,” u dawk li kellhom bejn 5 snin u 18-il sena qagħdu bilqiegħda eżatt quddiem il-palk. Lejn l-aħħar tat-taħdita tiegħu, Ħuna Joseph F. Rutherford kellem lilna t-tfal: ‘Intom it-tfal kollha li qbiltu li tobdu lil Alla u s-Sultan tiegħu, jekk jogħġobkom qumu bilwieqfa!’ Ilkoll kemm aħna qomna bilwieqfa. Imbagħad, Ħuna Rutherford qal: “Araw, iktar minn 15,000 Xhud ġdid tas-Saltna!” Kien proprju f’dak il-mument li jien iddeċidejt li ridt inkun pijuniera għall-kumplament taʼ ħajti.

L-INKARIGI TAL-FAMILJA TAGĦNA

Ftit xhur wara l-assemblea f’St. Louis, bħala familja morna noqogħdu fin-Nofsinhar taʼ Kalifornja. Hemmhekk, fil-belt taʼ Oxnard, l-inkarigu tagħna kien li nifformaw kongregazzjoni. Konna noqogħdu f’karavan żgħir b’sodda waħda. Is-“sodda” tiegħi kelli nagħmilha kull filgħaxija fuq il-mejda tal-ikel—bidla kbira minn meta kelli l-kamra tas-sodda tiegħi!

Eżatt qabel ma morna Kalifornja, il-Ġappun attakka lil Pearl Harbor fil-Ħawajj, fis-7 taʼ Diċembru 1941. L-għada, l-Istati Uniti daħlu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Dak iż-żmien, kien hemm sottomarini Ġappuniżi fil-baħar fil-viċin, allura l-awtoritajiet ordnaw lil dawk kollha li kienu jgħixu viċin il-kosta biex jitfu d-dwal tagħhom billejl. Id-dlam ċappa għamilha diffiċli għas-sottomarini biex jimmiraw il-bombi tagħhom fuq l-art.

Xi xhur wara, f’Settembru tal-1942, attendejna l-Assemblea Teokratika tad-Dinja l-Ġdida fi Cleveland, Ohio. Hemmhekk tajna widen hekk kif Ħuna Nathan H. Knorr għamel it-taħdita “Il-Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?” Hu ddiskuta Rivelazzjoni kapitlu 17, li jiddeskrivi “bhima salvaġġa” li “kienet, imma m’hijiex, u madankollu waslet biex titlaʼ mill-abbiss.” (Riv. 17:8, 11) Ħuna Knorr spjega li “l-bhima salvaġġa” kienet il-Lega tan-Nazzjonijiet li waqfet l-attivitajiet tagħha fl-1939. Il-Bibbja bassret li organizzazzjoni oħra kienet se tieħu post il-Lega, u li dan kien se jġib żmien iktar paċifiku. Dan hu preċiż dak li ġara wara li spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Ġnus Magħquda ħadet post il-Lega tan-Nazzjonijiet. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova mbagħad firxu x-xogħol tal-ippritkar tagħhom madwar id-dinja, u x’żieda kbira kien hemm minn dakinhar ’il quddiem!

Id-diploma tiegħi minn Gilegħad

Din il-profezija għenitni nifhem li kien hemm ħafna xogħol xi jsir. Meta tħabbar li s-sena taʼ wara  kienet se tibda l-Iskola taʼ Gilegħad, tnisslet fija x-xewqa li nsir missjunarja. Fl-1943, ġejt inkarigata bħala pijuniera f’Portland, Oregon. Dak iż-żmien, konna nużaw fonografu biex lill-inkwilini nsemmgħulhom taħditiet fuq l-għatba tal-bieb, u mbagħad konna noffrulhom letteratura Biblika dwar is-Saltna t’Alla. Għamilt dik is-sena kollha naħseb dwar is-servizz missjunarju.

Fl-1944, tgħidx kemm fraħt meta rċivejt stedina għall-Iskola taʼ Gilegħad flimkien mal-ħabiba għażiża tiegħi Evelyn Trabert. Għal ħames xhur, l-għalliema tagħna wrewna kif niksbu l-ferħ mill-istudju tagħna tal-Bibbja. L-umiltà tagħhom ħalliet impressjoni kbira fuqna. Kultant, waqt li konna nkunu qed nieklu, dawn l-aħwa kienu jaqdu bħala wejters. Aħna ggradwajna fit-22 taʼ Jannar 1945.

L-INKARIGU MISSJUNARJU TIEGĦI

Jien u Evelyn, flimkien maʼ Leo u Esther Mahan, wasalna fl-inkarigu tagħna f’El Salvador f’Ġunju tal-1946. L-għalqa hemmhekk kienet ‘bajda għall-ħsad.’ (Ġw. 4:35) Ftit xhur wara li wasalna, kellna l-ewwel assemblea tas-circuit tagħna f’Santa Ana. Stidinna lin-nies biex jattendu u fraħna ħafna meta ġew kważi 500 ruħ. L-ippritkar tagħna tgħidx kemm irrabja lill-kleru, u ġimgħa wara ppjanaw l-attakk mill-marmalja msemmi fil-bidu taʼ dan ir-rakkont. Huma pprovaw ibeżżgħuna u riduna nitilqu. Imma dan għamilna saħansitra iktar determinati biex nibqgħu u ngħinu lin-nies. Avolja l-kleru kien wissa lin-nies biex ma jaqrawx il-Bibbja, u ftit biss setgħu jixtru kopja persunali, ħafna kienu għatxana għall-verità. Huma apprezzaw l-isforzi tagħna biex nitgħallmu l-Ispanjol ħalli nkunu nistgħu ngħallmuhom dwar l-Alla l-veru, Ġeħova, u dwar il-wegħda prezzjuża tiegħu biex jagħmel l-art ġenna.

Ħamsa mill-klassi tiegħi f’Gilegħad li ġejna mibgħutin El Salvador. Mix-xellug għal-lemin: Evelyn Trabert, Millie Brashier, Esther Mahan, jien, u Leo Mahan

Rosa Ascencio kienet waħda mill-ewwel studenti tiegħi. Wara li bdiet tistudja l-Bibbja, hi sseparat minn mar-raġel li kienet qed tgħix miegħu. Imbagħad anki hu beda jistudja l-Bibbja. Huma żżewġu, imbagħad tgħammdu, u saru Xhieda żelużi taʼ Ġeħova. Rosa kienet l-ewwel pijuniera regulari minn Santa Ana. *

Rosa kellha ħanut żgħir tal-growser. Meta kienet toħroġ fil-ministeru, hi kienet tagħlaq il-ħanut b’fiduċja li Ġeħova kien se jipprovdi l-bżonnijiet tagħha. Meta kienet terġaʼ tiftaħ il-ħanut wara ftit sigħat, dejjem kien ikollha biżżejjed nies biex jixtru mingħandha. Hi esperjenzat personalment kemm hu minnu l-kliem f’Mattew 6:33 u baqgħet leali sal-mewt.

Sitta minna l-missjunarji konna nikru dar mingħand negozjant magħruf sew. Darba minnhom, wieħed qassis żar lir-raġel u wissieh li jekk kien se jkompli jikrilna d-dar, hu u martu kienu se jiġu skomunikati. Ir-raġel ma beżax mill-qassis u qallu li ma kienx jimpurtah jekk jitkeċċa mill-knisja. Hu diġà kien diżgustat minħabba ftit mill-affarijiet li kienu għamlu l-kleru. Hu aċċertana li stajna nibqgħu fid-dar kemm ridna.

 ĊITTADIN RISPETTAT ISIR XHUD

L-uffiċċju tal-fergħa li nbena fl-1955

Fil-belt kapitali, San Salvador, missjunarja oħra kienet qed tistudja l-Bibbja mal-mara taʼ inġinier jismu Baltasar Perla. Dan ir-raġel qalbu tajba kien tilef il-fidi tiegħu f’Alla wara li ra l-ipokrisija tal-mexxejja reliġjużi. Meta wasal il-waqt biex jinbena uffiċċju tal-fergħa, Baltasar, għalkemm kien għadu ma sarx Xhud, offra li jiddisinja l-uffiċċju u jgħin fil-bini tiegħu mingħajr ħlas.

Matul il-kostruzzjoni tal-uffiċċju tal-fergħa, Baltasar ħadem maʼ ħafna Xhieda u sar konvint li kien sab ir-reliġjon vera. Hu tgħammed fit-22 taʼ Lulju 1955, u martu, Paulina, tgħammdet ftit wara. Iż-żewġt itfal tagħhom qed jaqdu lil Ġeħova lealment. Binhom, li wkoll jismu Baltasar, ilu jaqdi fil-Betel taʼ New York dawn l-aħħar 49 sena. Hemmhekk jappoġġa x-xogħol tal-ippritkar mad-dinja kollha u hu membru tal-Kumitat tal-Fergħa tal-Istati Uniti. *

Meta bdejna nżommu l-konvenzjonijiet fʼSan Salvador, Ħuna Perla għenna nġibu l-permess biex nużaw ġinnasju kbir. Għall-ewwel li konna niltaqgħu hemmhekk ftit konna nużaw siġġijiet. Imma kull sena n-nies żdiedu u ma domniex ma mlejnieh il-ġinnasju, tant li ma kellniex biżżejjed siġġijiet! Stajna naraw li Ġeħova kien qed ibierek l-isforzi tagħna. F’dawk l-okkażjonijiet taʼ ferħ, stajt nara lil dawk li kont studjajt il-Bibbja magħhom. Immaġina kemm ħassejtni ferħana meta l-istudenti li kelli qabel introduċewni man-“neputijiet” tiegħi—uħud mgħammdin ġodda li huma kienu studjaw magħhom!

Ħuna F. W. Franz jindirizza lill-missjunarji f’konvenzjoni

F’assemblea minnhom, wieħed ħu ġie fuqi u qalli li ried jiskuża ruħu. Jien m’għaraftux u kont kurjuża x’ħa jgħid. Hu qal, “Jien kont wieħed mis-subien li waddbulkom il-ġebel f’Santa Ana.” Issa kien qed jaqdi lil Ġeħova miegħi! Qalbi kienet se tfur bil-ferħ. Din il-konversazzjoni kkonfermatli li l-ministeru full-time hu l-iktar karriera premjanti li xi ħadd jistaʼ jagħżel.

L-ewwel assemblea tas-circuit li attendejna f’El Salvador

GĦAMILT GĦAŻLIET SODISFAĊENTI

Għal kważi 29 sena, jien komplejt fix-xogħol missjunarju f’El Salvador, l-ewwel fil-belt taʼ Santa  Ana, imbagħad f’Sonsonate, wara f’Santa Tecla, u fl-aħħar f’San Salvador. Fl-1975, wara ħafna talb, iddeċidejt li nitlaq l-inkarigu missjunarju tiegħi u mmur lura Spokane. Il-ġenituri leali tiegħi kienu qed jikbru fl-età u kellhom bżonn l-għajnuna tiegħi.

Missieri miet fl-1979, u jien dort b’ommi għal tmien snin oħra. Peress li kienet dgħajfa ħafna, hi ma tantx setgħet tagħmel wisq mingħajr l-għajnuna tiegħi. Hi mietet taʼ 94 sena. Dan kien żmien diffiċli ħafna għalija. L-istress u l-emozzjonijiet li ħassejt ħallewni eżawrita. Imradt bil-ħruq taʼ SantʼAntnin li kien taʼ wġigħ kbir. Imma ħassejt l-appoġġ tad-dirgħajn kollhom imħabba taʼ Ġeħova madwari. Hu wieġeb it-talb tiegħi u għenni nissaporti dan iż-żmien diffiċli. Ġeħova żamm il-wegħda tiegħu li jġorrni anki fi xjuħiti.—Is. 46:4.

Fl-1990, mort noqgħod Omak, Washington. Hemmhekk erġajt ħassejtni utli fit-territorju tal-lingwa Spanjola, u diversi studenti tal-Bibbja tiegħi tgħammdu. Minn Novembru tal-2007, ma stajtx nibqaʼ nieħu ħsieb id-dar tiegħi f’Omak, u allura mort noqgħod f’appartament fil-belt viċin taʼ Chelan, Washington. Il-kongregazzjoni tal-Ispanjol hawnhekk ilha tieħu ħsiebi b’mod tajjeb minn dak iż-żmien ’il quddiem, u għal dan jien grata ħafna. Ladarba jien l-unika Xhud avanzata fl-età hawnhekk, l-aħwa b’qalb tajba “adottawni” bħala “nannithom.”

Għalkemm għażilt li ma niżżewwiġx u ma jkollix familja ħalli nkun nistaʼ naqdi iktar bis-sħiħ fil-ministeru “mingħajr distrazzjoni,” għandi ħafna tfal spiritwali. Irraġunajt li f’din il-ħajja, ma jistax ikolli kollox. (1 Kor. 7:34, 35) Għalhekk, iddeċidejt li niffoka fuq dak li hu l-iktar importanti, jiġifieri, li naqdi lil Ġeħova b’qalbi kollha. U fid-dinja l-ġdida se jkolli ħafna ħin biex nagħmel kulma nixtieq nagħmel. L-iskrittura favorita tiegħi hi dik taʼ Salm 145:16, din tassigurana li Ġeħova se ‘jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’

Is-servizz taʼ pijunier jgħinni nibqaʼ attiva u jagħtini skop fil-ħajja

Issa għandi 91 sena u s-saħħa tiegħi mhix ħażina, allura għadni naqdi bħala pijuniera. Is-servizz taʼ pijunier jgħinni nibqaʼ attiva u jagħtini skop fil-ħajja. Meta l-ewwel wasalt f’El Salvador, ix-xogħol tal-ippritkar kien għadu qed jibda. Minkejja l-oppożizzjoni kontinwa taʼ Satana, issa hemm iktar minn 39,000 pubblikatur f’dan il-pajjiż. Dan verament saħħaħ il-fidi tiegħi. Jidher ċar li m’hemm ebda dubju li l-ispirtu qaddis t’Alla qed jappoġġa l-isforzi tal-poplu tiegħu!

^ par. 4 Ara n-1981 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 45-46.

^ par. 19 1981 Yearbook, paġni 41-42.

^ par. 24 1981 Yearbook, paġni 66-67, 74-75.