Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għożż il-privileġġ tiegħek li taħdem ma’ Ġeħova!

Għożż il-privileġġ tiegħek li taħdem ma’ Ġeħova!

“Aħna ħaddiema sħab m’Alla.”—1 KOR. 3:9.

1. Ġeħova kif iħossu dwar ix-xogħol, u dan xi jqanqlu jagħmel?

ĠEĦOVA hu ħaddiem li jieħu pjaċir b’dak li jagħmel. (Salm 135:6; Ġw. 5:17) Hu jrid li anki l-anġli u l-bnedmin jieħdu pjaċir bix-xogħol tagħhom, u b’hekk jagħtihom xogħol li hu pjaċevoli u sodisfaċenti. Pereżempju, hu involva lill-ewwel Iben imwieled tiegħu fix-xogħol tal-ħolqien Tiegħu. (Aqra Kolossin 1:15, 16.) Il-Bibbja tgħidilna li qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, hu kien maġenb Alla fis-sema “bħala ħaddiem tas-sengħa.”—Prov. 8:30.

2. Kif nafu li l-anġli dejjem kellhom xogħol importanti u sodisfaċenti?

2 Mill-bidu sal-aħħar, il-Bibbja fiha eżempji li juru li Ġeħova dejjem tahom inkarigi lill-anġli. Wara li Adam u Eva dinbu u ġew imkeċċijin mill-Ġenna tal-art, “fil-lvant tal-ġnien taʼ l-Għeden [Alla] qiegħed il-kerubini u x-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex tgħasses it-triq lejn is-siġra tal-ħajja.” (Ġen. 3:24) U Rivelazzjoni 22:6 juri li Ġeħova “bagħat lill-anġlu tiegħu biex juri lill-ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt,” jew biex jirrivela l-futur.

 XI NGĦIDU GĦALL-BNEDMIN?

3. Waqt li kien fuq l-art, Ġesù kif segwa l-eżempju taʼ Missieru?

3 Waqt li kien fuq l-art bħala bniedem perfett, Ġesù wettaq bil-ferħ ix-xogħol li Ġeħova tah biex jagħmel. Billi segwa l-eżempju taʼ Missieru, Ġesù inkariga lid-dixxipli tiegħu b’xogħol importanti. Biex huma jkunu ħerqanin għal dak li setgħu jwettqu, hu qalilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jeżerċita l-fidi fija, dan ukoll se jagħmel l-għemejjel li nagħmel jien; u se jagħmel għemejjel akbar minn dawn, għax jien sejjer għand il-Missier.” (Ġw. 14:12) Biex jenfasizza l-urġenza taʼ dawn l-għemejjel, Ġesù spjega: “Irridu nwettqu l-għemejjel taʼ dak li bagħatni waqt li hu bi nhar; ġej il-lejl meta ebda bniedem ma jkun jistaʼ jaħdem.”—Ġw. 9:4.

4-6. (a) Għala aħna grati li Noè u Mosè għamlu dak li Ġeħova qalilhom biex jagħmlu? (b) Liema żewġ affarijiet dejjem jagħmlu l-inkarigi li Alla jagħti lill-bnedmin?

4 Saħansitra qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, il-bnedmin ingħataw xogħol sodisfaċenti x’jagħmlu. Minkejja li Adam u Eva naqsu milli jwettqu l-inkarigu li ngħatalhom, oħrajn għamlu dak li Alla qalilhom. (Ġen. 1:28) Ġeħova ta lil Noè istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif jibni arka sabiex hu u l-familja tiegħu jsalvaw mid-Dulluvju. Noè għamel preċiż dak li qallu Ġeħova. Aħna llum ħajjin għax hu segwa bir-reqqa l-istruzzjonijiet li tah Ġeħova.—Ġen. 6:14-16, 22; 2 Pt. 2:5.

5 Ġeħova ta lil Mosè istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif jibni t-tabernaklu u dwar kif jorganizza s-saċerdozju. Mosè għamel preċiż dak li Ġeħova qallu biex jagħmel. (Eżo. 39:32; 40:12-16) X’nitgħallmu llum mix-xogħol iebes u mill-ubbidjenza taʼ Mosè? Bħalma spjega l-appostlu Pawlu, it-tabernaklu u s-saċerdozju ssimbolizzaw ‘affarijiet tajbin li kellhom jiġu’ fil-futur.—Ebr. 9:1-5, 9; 10:1.

6 Hekk kif l-iskop t’Alla jiżvolġi, il-qaddejja tiegħu jingħataw inkarigi differenti. Imma minkejja li l-inkarigi jistgħu jinbidlu, dawn dejjem jigglorifikaw lil Ġeħova u huma taʼ benefiċċju għall-bnedmin. Dan żgur li japplika għal dak li Ġesù għamel kemm qabel ma ġie fuq l-art u kemm waqt li kien fuq l-art. (Ġw. 4:34; 17:4) Illum, meta nagħmlu dak li Ġeħova jinkarigana biex nagħmlu, ix-xogħol tagħna jigglorifikah. (Mt. 5:16; aqra l-1 Korintin 15:58.) Għala nistgħu ngħidu hekk?

ŻOMM ĦARSA POŻITTIVA LEJN L-INKARIGI TAʼ XOGĦOL

7, 8. (a) Iddeskrivi x-xogħol li l-Kristjani llum għandhom il-privileġġ li jagħmlu. (b) Kif għandna nwieġbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova?

7 Żgur li taqbel li hi xi ħaġa tal-għaġeb li Ġeħova jistieden lill-bnedmin imperfetti biex ikollhom l-unur li jaqdu bħala ħaddiema sħabu. (1 Kor. 3:9) Xi Kristjani għandhom il-privileġġ li jieħdu sehem f’xogħol taʼ bini, bħalma għamlu Noè u Mosè. Xi wħud forsi jgħinu fil-bini taʼ Swali tal-Assembleat, Swali tas-Saltna, u uffiċċji tal-fergħa. Kemm jekk qed tieħu sehem f’li tirranġa Sala tas-Saltna lokali jew qed tibni l-kwartieri ġenerali f’Warwick, New York, għożż il-privileġġ tiegħek! (Ara l-ewwel stampa biex tara kif se jkunu l-kwartieri ġenerali.) Dan hu servizz sagru. Filwaqt li ftit uħud biss jistgħu jieħdu sehem f’xogħol taʼ bini bħal dan, il-Kristjani kollha jieħdu sehem f’xogħol taʼ bini spiritwali. Dan hu x-xogħol tal-ippritkar, li jigglorifika lil Ġeħova u hu taʼ benefiċċju għall-bnedmin. (Atti 13:47-49) L-organizzazzjoni t’Alla tidderieġi x-xogħol tal-ippritkar.  Xi kultant dan ifisser li ningħataw inkarigu ġdid.

8 Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova dejjem kienu ħerqanin biex jissottomettu ruħhom għad-direzzjoni li hu jagħtihom. (Aqra Ebrej 13:7, 17.) Għall-ewwel jaf ma nifhmux bis-sħiħ għala qed inwettqu x-xogħol tagħna b’ċertu mod, imma aħna nikkooperaw għax nafu li l-bidliet huma mingħand Ġeħova u li se jkollhom riżultati tajbin.

9. Liema eżempju rigward ix-xogħol iħallu l-anzjani għall-kongregazzjonijiet?

9 L-anzjani juru li għandhom xewqa qawwija biex iwettqu r-rieda taʼ Ġeħova mill-mod kif jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. (2 Kor. 1:24; 1 Tess. 5:12, 13) Dawn juru li huma lesti biex jaħdmu iebes u jsegwu d-direzzjoni. Huma ħerqanin li jitgħallmu metodi ġodda taʼ kif għandu jsir ix-xogħol tagħna tal-ippritkar. Għalkemm xi wħud forsi għall-ewwel bdew iżommu lura milli jorganizzaw għoti taʼ xhieda bit-telefown, xhieda fil-portijiet, jew ippritkar f’postijiet pubbliċi, huma ma damux ma raw riżultati tajbin. Pereżempju, erbaʼ pijunieri fil-Ġermanja ddeċidew li jaħdmu territorju taʼ negozju li kien ġie traskurat. Michael jgħid: “Konna ilna diversi snin ma nieħdu sehem f’dan it-tip taʼ servizz, allura bdejna nħossu tferfir fl-istonku bl-eċċitament. Ġeħova żgur li kien jaf dan, għax tana għodwa pjaċevoli fis-servizz li ma ninsewhiex. Kemm konna ferħanin li segwejna d-direzzjoni li kien hemm fil-Ministeru tas-Saltna u li striħajna fuq Ġeħova għall-appoġġ!” Ħerqan int biex tipprova metodi ġodda taʼ ppritkar fit-territorju tiegħek?

10. Liema aġġustamenti saru fl-organizzazzjoni fi snin reċenti?

10 Xi kultant isiru bidliet f’Betel. Pereżempju, fi snin reċenti, ingħalqu xi uffiċċji tal-fergħa żgħar u x-xogħol li kien isir hemmhekk issa qed isir f’uffiċċji tal-fergħa akbar. Dan effettwa lil dawk li jaqdu f’dawn il-fergħat. Huma kellhom jagħmlu aġġustamenti imma iktar tard raw il-vantaġġi. (Ekk. 7:8) Dawn il-ħaddiema minn qalbhom huma ferħanin li għandhom sehem fl-istorja moderna tal-poplu taʼ Ġeħova.

11-13. Liema sfidi ffaċċjaw xi wħud minħabba li saru xi aġġustamenti fl-organizzazzjoni?

11 Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet taʼ valur minn dawk li kienu involuti direttament meta xi uffiċċji tal-fergħa ngħaqdu flimkien. Xi wħud kienu ilhom jaqdu full-time f’dawn il-fergħat għal għaxriet taʼ snin. Koppja li qdiet f’Betel żgħira fl-Amerika Ċentrali ntalbet tmur il-Messiku u tingħaqad maʼ familja taʼ Betel li kienet kważi 30 darba akbar minn fejn kienu. “Kien diffiċli ħafna li nitilqu l-familja u l-ħbieb,” jgħid Rogelio. Juan, ħu ieħor li ntalab imur il-Messiku, ħassu qisu se jerġaʼ jibda l-ħajja mill-ġdid. Hu jgħid: “Trid tagħmel ħbieb ġodda. Jeħtieġ li taġġusta ruħek għal drawwiet u ħsibijiet ġodda.”

12 Meta xi fergħat fl-Ewropa ngħaqdu flimkien, ħafna Beteliti ntalbu jmorru fl-uffiċċju tal-fergħa li hemm fil-Ġermanja. Anki huma ffaċċjaw sfidi, għax mhux dejjem faċli li dak li jkun jitlaq minn art twelidu. Xi wħud li telqu mill-Iżvizzera jimmissjaw l-Alpi mill-isbaħ, u xi wħud li telqu mill-Awstrija jimmissjaw il-fatt li m’għadhomx jagħmlu parti minn familja żgħira taʼ Betel.

13 Għal dawk li marru joqogħdu f’pajjiż ieħor, dan kien ifisser li kellhom jidraw joqogħdu fi djar ġodda, jaħdmu m’aħwa li ma kinux jafu, u possibbilment kellhom jitgħallmu jagħmlu tip ieħor taʼ xogħol. Kien jeħtieġ ukoll li jidraw kongregazzjoni ġdida u jippritkaw f’territorju ġdid, forsi saħansitra anki  b’lingwa oħra. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu diffiċli. Madankollu, ħafna Beteliti aċċettaw l-isfida. Għala għamlu hekk?

14, 15. (a) Ħafna kif urew li jgħożżu l-privileġġ li jaħdmu maʼ Ġeħova? (b) Kif inhuma t’eżempju mill-aħjar għalina?

14 Grethel tgħid: “Aċċettajt l-istedina għax kien il-mod tiegħi kif nuri lil Ġeħova li l-imħabba tiegħi għalih mhijiex marbuta maʼ pajjiż, maʼ bini, jew maʼ ċertu privileġġ.” Dayska tgħid: “Meta niftakar li l-istedina ġiet mingħand Ġeħova, aċċettajtha bil-ferħ.” André u Gabriela jaqblu, huma jgħidu: “F’dan rajna iktar opportunità biex naqdu lil Ġeħova billi nwarrbu fil-ġenb ix-xewqat persunali tagħna.” Huma jemmnu li meta l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħmel bidliet, ikun aħjar li taċċettahom bil-ferħ milli tirreżistihom.

L-aqwa privileġġ tagħna hu li nagħmlu x-xogħol taʼ Ġeħova!

15 Minħabba li xi fergħat ingħaqdu flimkien, xi Beteliti ngħataw inkarigu ġdid biex jaqdu bħala pijunieri. Dan kien minnu għal diversi Beteliti meta l-fergħat fid-Danimarka, l-Iżvezja, u n-Norveġja ngħaqdu flimkien u fformaw l-uffiċċju tal-fergħa tal-Iskandinavja. Fosthom hemm Florian u Anja, li qalu: “Aħna nqisu l-inkarigu ġdid tagħna bħala sfida eċċitanti. Għalina hi xi ħaġa tal-għaġeb li Ġeħova jużana, ikun fejn ikun l-inkarigu. Onestament nistgħu ngħidu li nħossuna mberkin bil-kbir!” Minkejja li ħafna minna qatt mhu se jkollna nagħmlu dawn l-aġġustamenti, aħna nistgħu nimitaw lil dawn l-aħwa li minn jeddhom kienu lesti li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel. (Is. 6:8) Ġeħova dejjem ibierek lil dawk li jgħożżu l-privileġġ tagħhom li jaħdmu miegħu, ikun fejn ikun ix-xogħol.

KOMPLI GAWDI L-PRIVILEĠĠ TIEGĦEK LI TAĦDEM MAʼ ĠEĦOVA!

16. (a) Galatin 6:4, x’jgħidilna biex nagħmlu? (b) Liema hu l-aqwa privileġġ li jistaʼ jkollna?

16 Peress li aħna imperfetti, spiss inqabblu lilna nfusna m’oħrajn, imma l-Kelma t’Alla tgħidilna biex niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu aħna personalment. (Aqra Galatin 6:4.) Ħafna minna m’għandniex pożizzjoni t’awtorità fl-organizzazzjoni.  Ukoll, mhux kulħadd jistaʼ jaqdi bħala pijunier jew missjunarju jew Betelit. Filwaqt li dawn huma privileġġi mill-isbaħ, l-aqwa privileġġ hu dak li għandna lkoll kemm aħna, jiġifieri li nkunu pubblikaturi tal-aħbar tajba, ħaddiema sħab maʼ Ġeħova. Ejja ngħożżu dan il-privileġġ!

17. X’inhi r-realtà f’din is-sistema, imma għala m’għandniex naqtgħu qalbna?

17 F’din is-sistema, forsi ma nkunux nistgħu naqdu lil Ġeħova kif nixtiequ. Jaf ikollna ċirkustanzi li ma jkollniex kontroll fuqhom, bħal responsabbiltajiet tal-familja jew problemi taʼ saħħa. Però, m’għandniex naqtgħu qalbna. Huma x’inhuma l-problemi li għandna, dejjem nistgħu nippritkaw dwar l-isem u s-Saltna taʼ Ġeħova. L-iktar ħaġa importanti hi li nagħmlu dak kollu li nistgħu għal Ġeħova, hekk kif nitolbuh biex jgħin lil dawk li jistgħu jagħmlu iktar minna. Ftakar, kull persuna li tfaħħar isem Ġeħova hi prezzjuża f’għajnejh!

18. Lejn xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem fil-futur, imma liema privileġġ kbir diġà għandna?

18 Għalkemm aħna imperfetti, Ġeħova jieħu pjaċir jużana bħala ħaddiema sħabu. Kemm ngħożżu l-privileġġ tagħna li naħdmu flimkien m’Alla f’dawn l-aħħar jiem! Aħna nħarsu ’l quddiem għall-futur, għall-“ħajja vera,” fejn se nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja b’modi li llum mhumiex possibbli. Dalwaqt, fid-dinja l-ġdida tiegħu, Ġeħova se jberikna b’ħajja taʼ dejjem mimlija ferħ u paċi.—1 Tim. 6:18, 19.

Tgħożżu int il-privileġġ tiegħek li taqdi? (Ara paragrafi 16-18)

19. Liema futur mill-isbaħ wegħedna Ġeħova?

19 Hekk kif qegħdin fuq l-għatba tad-dinja l-ġdida, aħseb dwar dak li Mosè qal lill-Iżraelin ftit qabel ma daħlu fl-Art Imwiegħda: “Ġeħova Alla tiegħek jagħtik iktar milli għandek bżonn f’kull xogħol taʼ idejk.” (Dt. 30:9) Wara li tkun għaddiet Armageddon, dawk li kienu medhijin jaħdmu m’Alla se jirtu l-art li hu wegħedhom. Imbagħad, l-inkarigu taʼ xogħol ġdid tagħna se jkun li nagħmlu l-art ġenna mill-isbaħ!