Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Qiegħed int ‘tirsisti’?

Qiegħed int ‘tirsisti’?

FERNANDO * kien ansjuż. Żewġ anzjani qalulu li riedu jkellmuh privatament. Wara diversi żjajjar mill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, l-anzjani spjegawlu x’kellu bżonn jagħmel sabiex jikkwalifika għal iktar privileġġi fil-kongregazzjoni. Hekk kif għadda ż-żmien, Fernando beda jaħseb jekk qattx se jiġi maħtur bħala anzjan. Issa l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kien reġaʼ żar il-kongregazzjoni. X’kienu se jgħidu l-anzjani din id-darba?

Fernando qagħad jismaʼ b’attenzjoni hekk kif wieħed mill-anzjani kien qed ikellmu. Il-ħu rrefera għall-1 Timotju 3:1 u qal li l-anzjani tal-kongregazzjoni kienu rċivew ittra li tikkonferma li hu kien ġie maħtur bħala anzjan. Fernando baqaʼ sorpriż u staqsa, “X’għedtli?” Il-ħu rripeta dak li kien qal, u Fernando tgħidx kemm feraħ. Imbagħad, meta informaw lill-kongregazzjoni bil-ħatra tiegħu, kulħadd ħa pjaċir.

Huwa ħażin li tkun tixtieq privileġġi fil-kongregazzjoni? Lanqas xejn. Skont l-1 Timotju 3:1, “jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb.” Ħafna rġiel Kristjani japplikaw dan il-vers inkuraġġanti u jagħmlu progress spiritwali biex jikkwalifikaw għal privileġġi fil-kongregazzjoni. Minħabba f’hekk, il-poplu t’Alla hu mbierek b’għaxriet t’eluf t’anzjani u qaddejja ministerjali kapaċi. Imma minħabba ż-żieda li qed naraw fil-kongregazzjonijiet, hemm bżonn li iktar aħwa rġiel jirsistu. Liema hu l-mod xieraq kif jagħmlu dan? U dawk li jixtiequ jkunu indokraturi għandhom il-ħin kollu joqogħdu jhewdnu dwar meta se jilħqu anzjani, bħalma għamel Fernando?

XI JFISSER LI ‘TIRSISTI’?

Fil-Bibbja, il-kelma ‘tirsisti’ hi traduzzjoni taʼ verb Grieg li jagħti x’jifhem li dak li jkun ikollu xewqa qawwija għal xi ħaġa u li jiġġebbed għaliha. Dan forsi jġib f’moħħok individwu li qed jagħmel sforz  biex jaqtaʼ frotta sabiħa minn siġra. Imma li tirsisti għall-privileġġ “taʼ indokratur” ma jfissirx li għandek tagħmel dan b’regħba. Għala le? Għax il-mira taʼ dawk li sinċerament jixtiequ jaqdu bħala anzjani għandha tkun li jagħmlu “xogħol tajjeb” u mhux li jiksbu pożizzjoni.

Ħafna mill-ħtiġijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ dan ix-xogħol tajjeb huma msemmijin fl-1 Timotju 3:2-7 u f’Titu 1:5-9. Rigward dawn il-livelli għoljin, Raymond, li ilu ħafna jaqdi bħala anzjan, jispjega li għalkemm huwa importanti li anzjan ikun kapaċi jitkellem u jgħallem, huwa bil-wisq iktar importanti li jkun raġel li ma ssibx xi tgħid fih, moderat fi drawwietu, moħħu f’loku, jimxi bl-ordni, juri l-ospitalità, u raġunevoli.

‘Irsisti’ billi tgħin il-kongregazzjoni f’diversi modi

Ħu li verament qed jirsisti, juri li ħadd ma jistaʼ jsib xi jgħid fih billi jevita kull tip taʼ diżonestà u nuqqas taʼ ndafa. Hu moderat fi drawwietu, moħħu f’loku, jimxi bl-ordni, u raġunevoli; b’hekk, l-aduraturi sħabu jafdawh f’li jieħu t-tmexxija u f’li jgħinhom bil-problemi tagħhom. Billi hu ospitabbli, hu sors taʼ inkuraġġiment għaż-żgħażagħ u l-uħud ġodda fil-verità. Hu jfarraġ u jgħin lill-morda u lil dawk imdaħħlin fiż-żmien għax iħobb it-tjubija. Hu jiżviluppa dawn il-kwalitajiet għall-ġid taʼ ħaddieħor, u mhux biex ikollu possibbiltà akbar li jiġi maħtur. *

L-anzjani ma jżommux lura milli jagħtu pariri u inkuraġġiment, imma huwa l-individwu li qed jirsisti li għandu r-responsabbiltà primarja li jilħaq il-ħtiġijiet Skritturali. Henry, indokratur tal-esperjenza, jgħid: “Jekk qed tirsisti, aħdem iebes biex turi li int kwalifikat.” Billi jirreferi għal Ekkleżjasti 9:10, hu jispjega: “‘Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha.’ Ikun xi jkun l-inkarigu li jagħtuk l-anzjani, agħmel l-almu tiegħek. Agħmel ix-xogħol kollu li tingħata fil-kongregazzjoni minn qalbek, inkluż li tiknes l-art. Maż-żmien, ix-xogħol u l-isforzi tiegħek jiġu nnotati.” Jekk tixtieq li xi darba taqdi bħala anzjan, aħdem iebes u kun taʼ min jafdak fl-aspetti kollha tas-servizz sagru. F’ħajtek għandha tispikka l-umiltà, mhux l-ambizzjoni u l-kburija.—Mt. 23:8-12.

 WARRAB ĦSIBIJIET U AZZJONIJIET MHUX XIERQA

Xi wħud li jixtiequ privileġġi fil-kongregazzjoni għandhom mnejn jitħajru jitfgħu xi botta jew jipprovaw jinfluwenzaw lill-ġemgħa tal-anzjani. Oħrajn juru li ma jiħdux pjaċir meta l-anzjani jagħtuhom xi parir. Dawn l-uħud għandhom jistaqsu lilhom infushom, ‘Jien nixtieq nagħmel dan għall-vantaġġ persunali tiegħi, jew għax b’umiltà nixtieq nieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova?’

Dawk li qed jirsistu m’għandhomx jinsew ħtieġa oħra li għandhom bżonn l-anzjani, dik li ‘jsiru eżempji għall-merħla.’ (1 Pt. 5:1-3) Min hu t’eżempju għall-kongregazzjoni jwarrab ħsibijiet u azzjonijiet qarrieqa. Hu jikkultiva l-paċenzja u s-sabar kemm jekk fil-preżent hu maħtur u kemm jekk le. Meta xi ħadd isir anzjan ma jfissirx li b’mod mirakoluż sar perfett. (Num. 12:3; Salm 106:32, 33) Ukoll, ħu għandu mnejn jaħseb li ‘l-kuxjenza tiegħu hi nadifa f’kollox,’ imma oħrajn forsi jkollhom opinjoni negattiva tiegħu minħabba xi raġuni jew oħra. (1 Kor. 4:4) Għaldaqstant, jekk l-anzjani jagħtuk parir sinċier mill-Iskrittura, agħmel l-almu tiegħek biex tismaʼ b’attenzjoni mingħajr ma tirrita ruħek. Imbagħad stinka biex tpoġġi fil-prattika l-parir li jagħtuk.

XI NGĦIDU JEKK IDDUM TISTENNA?

Għal għadd t’aħwa rġiel, iż-żmien li jdumu jistennew biex jinħatru jarawh seklu. Jekk ilek diversi snin ‘tirsisti għal kariga taʼ indokratur,’ tħossok ansjuż xi kultant? Jekk inhu hekk, innota dan il-kliem ispirat: “L-istennija mtawla qed tmarrad il-qalb, imma l-ħaġa mixtieqa hi siġra tal-ħajja meta tiġi.”—Prov. 13:12.

Individwu forsi jibda jħossu mnikket ferm meta jkollu mira għal qalbu li donnu ma jistax jilħaqha. Abraham hekk ħassu. Ġeħova wiegħdu iben, imma għaddew is-snin u hu u Sara baqgħu ma kellhomx tfal. (Ġen. 12:1-3, 7) Fi xjuħitu, Abraham qal: “Mulej Sovran Ġeħova, x’se tagħtini, ladarba m’għandix tfal . . . Int ma tajtni ebda nisel.” Ġeħova aċċertah li l-wegħda Tiegħu rigward iben kienet se sseħħ. Imma għaddew minn tal-inqas 14-il sena oħra qabel ma Alla wettaq kelmtu.—Ġen. 15:2-4; 16:16; 21:5.

Waqt li kien qed jistenna, tilef Abraham il-ferħ tiegħu f’li jaqdi lil Ġeħova? Le. Hu baqaʼ jafda fil-wegħda t’Alla b’għajnejh magħluqa, u kompla jistennieha b’ħerqa. L-appostlu Pawlu kiteb: “Wara li wera l-paċenzja, Abraham kiseb din il-wegħda.” (Ebr. 6:15) Fl-aħħar, Alla li Jistaʼ Kollox bierek lil dan ir-raġel leali bil-wisq iktar milli stenna. X’tistaʼ titgħallem minn Abraham?

Jekk tixtieq taqdi bħala anzjan imma għadek ma ġejtx maħtur minkejja li għaddew is-snin, ibqaʼ afda f’Ġeħova. Titlifx il-ferħ tiegħek fis-servizz tiegħu. Warren, li għen lil ħafna aħwa rġiel jagħmlu progress spiritwali, jispjega għala: “Jeħtieġ li jgħaddi ż-żmien biex isir evidenti li ħu jikkwalifika biex jiġi maħtur. Maż-żmien, l-abbiltajiet u l-attitudni taʼ ħu jibdew jidhru ftit ftit fil-mod kif iġib ruħu u jieħu ħsieb l-inkarigi tiegħu. Xi wħud jaħsbu li jkunu  rnexxew biss jekk jieħdu ċertu privileġġ jew jekk jiġu maħturin. Dan il-mod taʼ ħsieb hu żbaljat u jistaʼ jsir ossessjoni. Jekk taqdi lil Ġeħova lealment, qiegħed fejn qiegħed u tagħmel x’tagħmel, int qed tirnexxi.”

Wieħed ħu kien ilu jistenna iktar minn għaxar snin biex jiġi maħtur bħala anzjan. Billi jirreferi għal deskrizzjoni magħrufa sew li qiegħda f’Eżekjel kapitlu 1, hu jgħid li l-lezzjoni li tgħallem kienet li Ġeħova jmexxi l-karru tiegħu, jiġifieri l-organizzazzjoni tiegħu, bil-pass li jagħżel hu. L-importanti hu li l-affarijiet isiru fil-ħin taʼ Ġeħova u mhux meta nixtiequ aħna. Xi ħadd li jrid jaqdi bħala anzjan, m’għandux jaħseb dwar dak li jrid hu jew dak li jixtieq li jkun. Ġeħova jaf x’neħtieġu aħjar milli nafu aħna.

Jekk qed tittama li xi darba tagħmel ix-xogħol tajjeb taʼ indokratur Kristjan, irsisti billi tikkontribwixxi għall-ferħ tal-kongregazzjoni. Jekk iż-żmien donnu jgħaddi bil-mod, tkunx ansjuż u bla paċenzja. Raymond, li ssemma qabel, jgħid: “Jekk tkun ambizzjuż ma tistax tkun kuntent. Dawk li huma dejjem ansjużi jitilfu l-ferħ kbir li jiġi milli jaqdu lil Ġeħova.” Ikkultiva iktar bis-sħiħ il-frott tal-ispirtu t’Alla, speċjalment is-sabar fit-tul. Stinka biex ittejjeb l-ispiritwalità tiegħek permezz taʼ studju tal-Iskrittura. Kabbar is-sehem tiegħek fl-ippritkar tal-aħbar tajba u f’li tistudja l-Bibbja maʼ wħud interessati. Bħala kap, ħu t-tmexxija fl-attivitajiet spiritwali u fil-qima tal-familja. Għożż kull opportunità li għandek biex tkun maʼ ħutek. Hekk kif tirsisti lejn il-mira tiegħek, se tieħu pjaċir taqdi lil Ġeħova.

Hi opportunità mill-isbaħ mingħand Ġeħova li dak li jkun jaħdem biex jikkwalifika għal privileġġi fil-kongregazzjoni; la Alla u lanqas l-organizzazzjoni tiegħu ma jixtiequ li dawk li qed jirsistu jsiru frustrati u mdejqin fis-servizz tiegħu. Alla jappoġġa u jbierek lil dawk kollha li jaqduh b’motivi puri. Bħal kull barka oħra taʼ Ġeħova, “hu ma jżid l-ebda wġigħ magħha.”—Prov. 10:22.

Anki jekk ilek tirsisti għal xi żmien, dejjem tistaʼ tagħmel iktar biex ittejjeb ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Hekk kif tistinka biex tiżviluppa l-kwalitajiet meħtiġin u taħdem iebes fil-kongregazzjoni filwaqt li ma tittraskurax lill-familja tiegħek, Ġeħova mhuwiex se jinsa dak kollu li tagħmel biex taqdih. Jalla dejjem tieħu pjaċir taqdi lil Ġeħova, ikunu xi jkunu l-inkarigi li tingħata.

^ par. 2 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.

^ par. 8 Il-prinċipji li hawn f’dan l-artiklu japplikaw ukoll għal dawk li jixtiequ jaqdu bħala qaddejja ministerjali. Il-ħtiġijiet li għandhom jilħqu qegħdin fl-1 Timotju 3:8-10, 12, 13.