Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġenituri—Irgħu lil uliedkom

Ġenituri—Irgħu lil uliedkom

“Għandek tkun taf sew kif tidher il-merħla tiegħek.”—PROV. 27:23.

1, 2. (a) X’kienu ftit mir-responsabbiltajiet taʼ ragħaj Iżraeli? (b) Il-ġenituri kif inhuma bħal ragħajja?

F’IŻRAEL tal-qedem, il-ħajja tar-ragħajja kienet diffiċli ferm. Mhux biss kellhom jissaportu s-sħana u l-bard, imma kellhom ukoll jipproteġu lin-nagħaġ tagħhom minn annimali salvaġġi u minn ħallelin. Ir-ragħajja kienu jeżaminaw lil kull nagħġa regolarment u kienu jikkuraw lil dawk li kienu morda jew imweġġgħin. Huma kienu jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħrief għax kienu iktar delikati mill-kbar.—Ġen. 33:13.

2 Il-ġenituri Kristjani għandhom juru kwalitajiet simili għal dawk tar-ragħajja. Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jrabbu lil uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Huwa dan inkarigu faċli? Lanqas xejn! It-tfal jiġu attakkati kontinwament minn ideat li jippromwovi Satana, u barra minn hekk ikollhom jissieltu mat-tendenzi imperfetti tagħhom stess. (2 Tim. 2:22; 1 Ġw. 2:16) Jekk għandek it-tfal, kif tistaʼ tgħinhom? Ejja nikkunsidraw tliet affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tirgħa lil uliedek—kun afhom, itmagħhom, u ggwidahom.

 KUN AF LIL ULIEDEK

3. Il-ġenituri kif jistgħu jsiru jafu sew lil uliedhom?

3 Ragħaj tajjeb jeżamina bir-reqqa lil kull nagħġa biex jagħmel ċert li hi f’saħħitha. F’sens figurattiv, tistaʼ tagħmel l-istess għal uliedek. Il-Bibbja tgħid: ‘Kun af sew kif tidher il-merħla tiegħek.’ (Prov. 27:23) Biex tagħmel dan, għandek bżonn tikkunsidra l-azzjonijiet taʼ wliedek kif ukoll il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. Kif tistaʼ tagħmel dan? Wieħed mill-aqwa modi hu billi spiss ikollok konversazzjonijiet maʼ wliedek.

4, 5. (a) Liema suġġerimenti prattiċi għandhom mnejn jgħinu lit-tfal jiftħu qalbhom mal-ġenituri tagħhom? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Int x’għamilt biex tagħmilha iktar faċli għal uliedek biex jitkellmu miegħek?

4 Xi ġenituri sabu li l-komunikazzjoni hi iktar diffiċli meta wliedhom isiru adoloxxenti—għandhom mnejn ma jkunux iridu jitkellmu dwar dak li jaħsbu u jħossu. Jekk dan hu minnu fil-każ taʼ wliedek, x’tistaʼ tagħmel? Minflok ma tisforza lit-tfal tiegħek ikollhom diskussjonijiet serji u fit-tul, ipprova kellimhom f’ambjent rilassat. (Dt. 6:6, 7) Għandek mnejn ikollok tagħmel iktar sforz biex tagħmlu affarijiet flimkien. Forsi tistgħu tmorru xi mixja jew dawra bil-karozza, tilagħbu xi logħba, jew tagħmlu xi faċenda fid-dar flimkien. Meta wliedek ikunu rilassati, forsi jħossuhom iktar komdi jiftħu qalbhom.

5 Xi ngħidu jekk ibnek, jew bintek, xorta ma jkunx irid jitkellem? Ipprova xi ħaġ’oħra. Pereżempju, minflok ma tistaqsi lil bintek kif kienet il-ġurnata tagħha, għidilha kif kienet tiegħek. Imbagħad forsi tħossha komda titkellem dwar il-ġurnata tagħha. Jew biex issir taf kif tħossha dwar ċertu suġġett, staqsi mistoqsijiet dwar is-suġġett innifsu, u mhux dwar bintek personalment. Tistaʼ tistaqsiha kif iħossuhom sħabha dwar is-suġġett. Imbagħad tistaʼ tistaqsiha kieku hi x’parir tagħti lil sħabha.

6. Xi jfisser li tkun disponibbli u avviċinabbli?

6 M’għandniex xi ngħidu, biex uliedek jiftħu qalbhom miegħek, iridu jħossu li int disponibbli u li jistgħu javviċinawk. Meta l-ġenituri dejjem jidhru li m’għandhomx ħin biex jitkellmu għax għandhom wisq x’jagħmlu, iż-żgħażagħ fil-familja x’aktarx li mhux se jgħidulhom dwar il-problemi li jiffaċċjaw. U xi ngħidu dwar li tkun avviċinabbli? Dan jinvolvi iktar milli sempliċement tgħid, “Tistaʼ tiġi tkellimni meta trid.” L-adoloxxenti tiegħek għandhom bżonn ikunu jafu li int mhux se tagħmilhom bi kbar meta jiftħu qalbhom miegħek. Jeħtieġu jkunu jafu wkoll li l-problemi tagħhom huma importanti għalik. Ħafna ġenituri jħallu eżempju tajjeb f’dan. Kayla li għandha 19-il sena tgħid: “Lil missieri nistaʼ nkellmu dwar kollox. Ma joqgħodx jaqtagħli kliemi, u ma jiġġudikanix; hu sempliċement jismagħni. Imbagħad dejjem jagħtini l-aħjar pariri.”

7. (a) Ġenitur kif jistaʼ jkun bilanċjat meta maʼ wliedu jiddiskuti suġġett bħal li joħorġu maʼ xi ħadd tas-sess oppost? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jispiċċaw jirritaw lil uliedhom?

7 Kultant, se jkollok tkellem lil uliedek dwar suġġetti li forsi mhumiex daqshekk faċli, bħal pereżempju li joħorġu maʼ xi ħadd tas-sess oppost. Meta tagħmel dan, agħmel ċert li tgħallimhom kif jittrattaw il-kwistjoni b’mod xieraq. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li tmur f’xi restorant u tiskopri li l-menù ma fih xejn ħlief twissijiet dwar ikel ikkontaminat. X’aktarx li kieku titlaq minn hemm u tfittex restorant ieħor. Uliedek għandhom mnejn jirreaġixxu b’mod simili jekk jiġu għandek għal xi parir imma int tagħtihom biss lista taʼ twissijiet. Jistaʼ jagħti l-każ li wliedek tant jirritaw ruħhom li ma jibqgħux jitolbuk parir. (Aqra Kolossin 3:21.) Minflok, ipprova kun bilanċjat. Oħt żagħżugħa jisimha  Emily tgħid: “Meta ommi u missieri jkellmuni dwar li noħroġ maʼ xi ġuvni, ma jagħmlux is-suġġett jinstemaʼ negattiv. Huma jenfasizzaw il-ferħ taʼ li ssir taf lil xi ħadd u li ssib sieħeb fiż-żwieġ. Dan għenni nħossni komda nkellimhom dwar dan is-suġġett. Infatti, jien irrid ninvolvihom fi kwalunkwe relazzjoni li jkolli minflok ma naħbiha minnhom.”

8, 9. (a) X’benefiċċji jkun hemm jekk tismaʼ lil uliedek mingħajr ma toqgħod twaqqafhom? (b) Liema suċċess kellek talli qgħadt tismaʼ lit-tfal tiegħek?

8 Fi qbil maʼ dak li qalet Kayla, int tistaʼ turi lil uliedek li huma jistgħu javviċinawk jekk toqgħod tismagħhom bil-paċenzja. (Aqra Ġakbu 1:19.) Omm jisimha Katia li qed trabbi lit-tifla tagħha waħedha tammetti, “Fil-passat, ma tantx kelli paċenzja maʼ binti. Ma kontx intiha ċans tispiċċa dak li tkun qed tgħid. Jew kont inkun għajjiena wisq biex nismagħha jew sempliċement ma ridthiex toqgħod ittellifni. Issa li rranġajt l-imġiba tiegħi, binti rranġat tagħha wkoll. Saret tikkoopera ħafna iktar miegħi.”

Ismagħhom sabiex tkun tafhom (Ara paragrafi 3-9)

9 Missier jismu Ronald kellu esperjenza simili maʼ bintu li hi adoloxxenti. “Meta qaltli li kienet tħobb ġuvni mill-iskola, għall-ewwel ħassejtni rrabjat ħafna,” jgħid hu. “Imma meta qgħadt naħseb dwar kemm Ġeħova hu paċenzjuż u raġunevoli mal-qaddejja tiegħu, ħsibt li kien ikun aħjar jekk lil binti ntiha ċans tesprimi ruħha qabel ma nipprova nikkoreġiha. Kemm jien ferħan li għamilt hekk! Għall-ewwel darba stajt nifhem kif kienet qed tħossha. Meta spiċċat titkellem, għalija kien iktar faċli li nkellimha bl-imħabba. B’sorpriża għalija, hi kienet lesta li taċċetta l-pariri tiegħi. Hi esprimiet xewqa sinċiera li tbiddel l-imġiba tagħha.” Jekk lil uliedek tkellimhom spiss, se tiġi megħjun issir taf verament kif jaħsbuha u jħossuhom. Dan, mill-banda l-oħra, se jgħinek tkun iktar involut fid-deċiżjonijiet li jieħdu. *

ITMAʼ LIL ULIEDEK

10, 11. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek biex ma jitbegħdux?

10 Ragħaj tajjeb jaf li n-nagħaġ jistgħu jitbiegħdu mill-merħla. Nagħġa forsi tibda tiekol il-ħaxix li jkun ftit ’il bogħod, u mbagħad ftit ftit din titbiegħed sakemm tkun separata mill-merħla. L-istess jistaʼ jiġri lit-tfal. Jistgħu jibdew jitilqu mill-verità bil-mod il-mod. Forsi jiġu ttantati  minn ħbieb ħżiena jew minn divertiment taʼ ħsara. (Prov. 13:20) Kif tistaʼ tgħin biex twaqqaf sitwazzjoni bħal din milli sseħħ?

11 Meta tkun qed tgħallem lil uliedek, aġixxi minnufih jekk tinnota xi aspetti li għandhom bżonn jitjiebu fihom. Ukoll, għinhom isaħħu l-kwalitajiet tajbin li għandhom. (2 Pt. 1:5-8) Il-qima tal-familja hi ħin eċċellenti biex tagħmel dan. Il-Ministeru tas-Saltna t’Ottubru 2008 qal: “Il-kapijiet tal-familja huma inkuraġġiti jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom quddiem Ġeħova biex jiżguraw li jkollhom programm għall-istudju tal-Bibbja mal-familja siewi u regulari.” Int qed tieħu vantaġġ sħiħ minn dan il-provvediment kollu mħabba biex tirgħa lil uliedek? Tistaʼ tkun fiduċjuż li wliedek japprezzaw ħafna l-fatt li tagħmilha l-prijorità tiegħek li tieħu ħsieb il-bżonn spiritwali tagħhom.—Mt. 5:3; Flp. 1:10.

Itmagħhom sew (Ara paragrafi 10-12)

12. (a) Xi żgħażagħ kif ibbenefikaw minn qima tal-familja regulari? (Inkludi l-kaxxa “Japprezzawha.”) (b) Int kif ibbenefikajt personalment mill-qima tal-familja?

12 Ikkunsidra x’qalet waħda adoloxxenti jisimha Carissa dwar kif il-familja tagħha bbenefikat mill-programm tal-Qima tal-Familja. “Nieħu pjaċir li lkoll nistgħu npoġġu bilqiegħda flimkien u nitkellmu. Hekk kif nagħmlu dan, inkunu qed nersqu eqreb lejn xulxin u noħolqu memorji sbieħ. Missieri jagħmel ċert li l-Qima tal-Familja nagħmluha regolarment. Il-fatt li hu jiħodha bis-serjetà lili jinkuraġġini—u dan iġegħelni nkun irrid niħodha bis-serjetà jien ukoll. Jagħtini wkoll raġuni oħra biex nirrispettah bħala missieri u bħala l-kap spiritwali tiegħi.” Oħt żagħżugħa jisimha Brittney qalet hekk: “Il-qima tal-familja ressqitni eqreb lejn il-ġenituri tiegħi. Turini li jridu jisimgħu dwar il-problemi tiegħi u li verament jimpurtahom. Tgħinna nkunu b’saħħitna u magħqudin bħala familja.” Jidher ċar li mod ewlieni kif tkun ragħaj tajjeb hu billi titmaʼ lil uliedek spiritwalment—partikularment permezz tal-qima tal-familja. *

IGGWIDA LIL ULIEDEK

13. Uliedna kif jistgħu jiġu mqanqlin jaqdu lil Ġeħova?

13 Ragħaj tajjeb juża ħatar biex jidderieġi u jiddefendi lill-merħla tiegħu. Waħda mill-miri prinċipali tiegħu hi li jiggwida lin-nagħaġ tiegħu lejn “mergħa tajba.” (Eżek. 34:13, 14) Bħala ġenitur, int għandek mira simili. Trid tiggwida lil uliedek biex jaqdu lil Ġeħova. Int trid li wliedek iħossuhom bħas-salmista li kiteb: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-liġi tiegħek qiegħda fil-ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) Żgħażagħ li jiżviluppaw apprezzament bħal dan se jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jitgħammdu. M’għandniex xi ngħidu, dan il-pass għandhom jiħduh meta jkunu maturi biżżejjed biex jieħdu din id-deċiżjoni u jkollhom xewqa ġenwina li jaqdu lil Ġeħova.

14, 15. (a) X’għandha tkun il-mira taʼ ġenituri Kristjani? (b) Adoloxxent għala forsi jesprimi dubji dwar il-verità?

14 Iżda, xi ngħidu jekk uliedek donnhom ma jridux jagħmlu progress spiritwali—forsi billi saħansitra jiddubitaw mit-twemmin tagħhom? Stinka biex tnaqqax fihom imħabba għal Alla Ġeħova u apprezzament għal kulma għamel. (Riv. 4:11) Imbagħad, meta jkunu lesti, huma jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom li jaqdu lil Ġeħova.

15 Però, xi ngħidu jekk sadanittant uliedek jibdew jesprimu d-dubji tagħhom? Kif tistaʼ tirgħahom u tgħinhom jaraw li l-aqwa mod taʼ ħajja verament hu li jaqdu lil Ġeħova, u li dan se jġibilhom benefiċċji  dejjiema? Ipprova sir af x’inhuma r-raġunijiet veri għad-dubji tagħhom. Pereżempju, ibnek verament ma jaqbilx maʼ dak li tgħid il-Bibbja, jew sempliċement jibżaʼ jipprietka lil dawk tamparu? Bintek verament tiddubita jekk humiex għaqlin il-kmandi t’Alla, jew sempliċement tħossha waħedha u mwarrba minn oħrajn?

Iggwidahom fi triqithom (Ara paragrafi 13-18)

16, 17. Il-ġenituri b’liema modi jistgħu jgħinu lil uliedhom ikollhom relazzjoni persunali maʼ Ġeħova?

16 Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jegħlbu d-dubji tagħhom dwar il-verità? Ħafna ġenituri rnexxielhom jgħinu lil uliedhom billi staqsewhom dawn il-mistoqsijiet: “Issibha faċli jew diffiċli biex tkun Kristjan? X’taħseb li huma l-benefiċċji taʼ li tkun Kristjan? X’sagrifiċċji trid tagħmel biex taqdi lil Ġeħova? Kif tħossok dwar il-benefiċċji li nirċievu issa u dawk li se nirċievu fil-futur? U huma dawn iktar importanti mis-sagrifiċċji?” Naturalment, dawn il-mistoqsijiet għandek tistaqsihom fi kliemek, b’mod dħuli, u b’mod li juri li jinteressak, mhux bħallikieku qed tinterroga lit-tfal. Matul il-konversazzjoni, forsi tkunu tistgħu tiddiskutu Marku 10:29, 30. Xi żgħażagħ forsi jkunu jridu jniżżlu l-ħsibijiet tagħhom bil-miktub billi jużaw żewġ kolonni—waħda għas-sagrifiċċji u l-oħra għall-benefiċċji. Dan jistaʼ jgħin lilek u lil uliedek biex tidentifikaw problemi li qed jesperjenzaw u biex issibu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi. Jekk hemm bżonn li nistudjaw il-kotba Il-Bibbja X’Tgħallem? u Fl-Imħabba t’Allamaʼ wħud interessati, mela kemm iktar irridu nistudjawhom maʼ wliedna stess! Int qed tagħmel dan?

17 Hekk kif jikbru, uliedek għandhom jiddeċiedu għalihom infushom jekk humiex se jaqdu lil Ġeħova. Mhumiex se jagħmlu dan awtomatikament għas-sempliċi fatt li int għamilt din l-għażla. It-tfal tiegħek jeħtieġ ikollhom relazzjoni persunali maʼ Ġeħova. (Prov. 3:1, 2) Xi ngħidu jekk it-tifel tiegħek qed isibha diffiċli biex jersaq qrib lejn Alla? Inkuraġġih jeżamina t-twemmin tiegħu billi jistaqsi lilu nnifsu mistoqsijiet bħal: ‘Jien kif naf li Alla jeżisti? Kif naf li Ġeħova verament jimpurtah minni? Tassew nemmen li jekk nobdi l-kmandi t’Alla dan se jkun taʼ benefiċċju għalija?’ Ġenituri, kunu ragħajja tajbin u b’paċenzja ggwidaw lil uliedkom. Għinuhom jagħtu prova lilhom infushom li l-aqwa mod taʼ ħajja hu li jaqdu lil Ġeħova. *Rum. 12:2.

18. Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova, ir-Ragħaj il-Kbir?

18 Il-Kristjani veri kollha jixtiequ jimitaw lir-Ragħaj il-Kbir, Ġeħova. (Efes. 5:1; 1 Pt. 2:25) Il-ġenituri b’mod partikulari jeħtieġu jkunu jafu lill-merħla tagħhom, jiġifieri lit-tfal prezzjużi tagħhom. Il-ġenituri għandhom bżonn jiggwidaw lil uliedhom sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji dejjiema li Alla jwiegħed. Iva, agħmlu kulma tistgħu biex tirgħu lil uliedkom u trabbuhom fil-verità!

^ par. 9 Għal iktar suġġerimenti, ara It-Torri tal-Għassa tal-1 t’Ottubru 2008, paġni 9-11.

^ par. 12 Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Il-Qima tal-Familja—Vitali għas-Salvazzjoni!” fit-Torri tal-Għassa tal-15 t’Ottubru 2009, paġni 29-31.

^ par. 17 Għal iktar informazzjoni, ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju 2012, paġni 18-21.