Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Il-kumment taʼ David f’Salm 37:25 u l-istqarrija taʼ Ġesù f’Mattew 6:33, ifissru li Ġeħova qatt mhu se jippermetti li Kristjan ma jkollux biżżejjed ikel?

David kiteb li hu ‘qatt ma ra lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-ħobż.’ B’hekk, hu għamel stqarrija ġenerali bbażata fuq l-esperjenza tiegħu stess. Hu kien jaf li Alla dejjem ħa ħsiebu. (Salm 37:25) Madankollu, il-kliem taʼ David ma jfissirx li l-ebda aduratur qatt ma bata għax ma kellux l-affarijiet neċessarji jew li qatt mhu se jiġri dan.

Kien hemm żminijiet meta David innifsu esperjenza ċirkustanzi diffiċli ħafna. Wieħed minn dawn iż-żminijiet kien meta kien qed jaħrab minn Sawl. David ma tantx kellu provvisti, u hu talab biex jingħata ħobż għalih innifsu u għal dawk li kienu miegħu. (1 Sam. 21:1-6) Għalhekk, dak il-ħin David kien qed ‘ifittex il-ħobż.’ Però, f’dik is-sitwazzjoni kritika, hu kien jaf li Ġeħova ma kienx abbandunah. Il-fatt hu li mkien ma naqraw li David kellu joqgħod joħroġ jittallab għall-ikel li kellu bżonn biex jibqaʼ ħaj.

F’Mattew 6:33 insibu l-assiguranza taʼ Ġesù li Alla se jissodisfa l-bżonnijiet tal-qaddejja leali li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom. Ġesù qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha [inkluż l-ikel, ix-xorb, u l-ilbies] se jiżdidulkom.” Madankollu, Ġesù indika wkoll li minħabba l-persekuzzjoni, ‘ħutu’ għandhom mnejn ibatu l-ġuħ. (Mt. 25:35, 37, 40) Hekk ġralu l-appostlu Pawlu. Kultant, hu bata l-ġuħ u l-għatx.—2 Kor. 11:27.

Ġeħova jgħidilna li se niġu persegwitati b’diversi modi. Għandu mnejn jippermetti li ngħaddu mingħajr ċerti affarijiet bżonjużi hekk kif ngħinu biex inwieġbu l-akkużi li għamel ix-Xitan. (Ġob 2:3-5) Pereżempju, xi wħud minn sħabna l-Kristjani, bħal dawk li tpoġġew f’kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi, sabu ruħhom fil-periklu minħabba l-persekuzzjoni. Li x-Xhieda jiġu mċaħħdin minn ikel xieraq kien wieħed mill-agħar metodi li kienu jużaw l-opponenti biex jipprovaw ikissru l-integrità tagħhom. Xhieda leali baqgħu jobdu lil Ġeħova; hu m’abbandunahomx. Hu ppermetta li jgħaddu minn din il-prova, bħalma jippermetti li l-Kristjani kollha jiffaċċjaw provi oħrajn. Madankollu, ċertament li Ġeħova jgħinhom jissaportu lil dawk kollha li jbatu minħabba ismu. (1 Kor. 10:13) Nistgħu nżommu f’moħħna l-kliem li nsibu f’Filippin 1:29: “Għaliex lilkom ngħata l-privileġġ għan-nom taʼ Kristu, mhux biss biex tpoġġu l-fidi tagħkom fih, imma wkoll biex issofru għalih.”

Ġeħova jwiegħed li se jkun mal-qaddejja tiegħu. Pereżempju, Isaija 54:17 jgħid: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.” Din u wegħdi simili oħrajn jiggarantixxu li l-poplu t’Alla bħala grupp se jkun protett. Imma b’mod individwali, Kristjan jistaʼ jgħaddi minn provi, saħansitra sal-punt tal-mewt.