Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Aqdi lil Alla lealment minkejja “ħafna tribulazzjonijiet”

Aqdi lil Alla lealment minkejja “ħafna tribulazzjonijiet”

“Jeħtieġ li fis-saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.”—ATTI 14:22.

1. Il-qaddejja t’Alla għala se jiffaċċjaw “ħafna tribulazzjonijiet”?

JISSORPRENDINA l-fatt li se niffaċċjaw “ħafna tribulazzjonijiet” qabel ma nirċievu l-għotja tal-ħajja taʼ dejjem? X’aktarx li le. Ilna kemm ilna fil-verità, aħna lkoll niffaċċjaw il-provi. Għala? Raġuni waħda hi għax ngħixu fid-dinja taʼ Satana.—Riv. 12:12.

2. (a) Minbarra d-diffikultajiet li jġarrbu l-bnedmin imperfetti kollha, il-Kristjani jiffaċċjaw liema tip taʼ tribulazzjoni? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Min hu responsabbli għat-tribulazzjonijiet tagħna, u kif nafu dan?

2 Minbarra d-diffikultajiet li ‘jiġu fuq il-bnedmin [imperfetti] kollha,’ il-Kristjani jiffaċċjaw tip ieħor taʼ tribulazzjoni. (1 Kor. 10:13) Din it-tribulazzjoni x’inhi? Oppożizzjoni ħarxa minħabba l-ubbidjenza soda tagħhom lejn il-liġijiet t’Alla. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) Min hu responsabbli għal din l-oppożizzjoni? Huwa Satana, li l-Bibbja tiddeskrivih bħala “ljun jgħajjat” li qed “jipprova jiblaʼ” lill-poplu t’Alla. (1 Pt. 5:8) Satana se juża kull mezz possibbli biex jipprova jkisser l-integrità tad-dixxipli taʼ Ġesù. Ikkunsidra dak li ġara lill-appostlu Pawlu.

 TRIBULAZZJONI FIL-BELT TAʼ LISTRA

3-5. (a) Pawlu liema tribulazzjoni ffaċċja f’Listra? (b) Pawlu kif saħħaħ lid-dixxipli billi qalilhom li kien se jkollhom jiffaċċjaw tribulazzjonijiet fil-futur?

3 Pawlu kemm-il darba ġie ppersegwitat minħabba l-fidi tiegħu. (2 Kor. 11:23-27) Waħda minn dawn il-ġrajjiet seħħet f’Listra. Wara li Pawlu fejjaq lil wieħed raġel li kien zopp minn ġuf ommu, in-nies ħasbu li Pawlu u sieħbu Barnaba kienu allat. It-tnejn li huma kellhom jitolbu lill-folla bil-ħrara biex ma jagħtuhomx qima! Madankollu, ma damux ma waslu xi opponenti Lhud u dawn użaw il-malafama biex idawru lin-nies kontra Pawlu u Barnaba. Kemm inqalbet malajr il-folja! In-nies issa ħaġġru lil Pawlu sakemm ħasbu li kien mejjet.—Atti 14:8-19.

4 Wara li żaru Derbe, Pawlu u Barnaba “reġgħu marru Listra u Ikonju u Antjokja, isaħħu lid-dixxipli u jinkuraġġuhom biex jibqgħu fil-fidi u jgħidulhom: ‘Jeħtieġ li fis-saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.’” (Atti 14:21, 22) Għall-ewwel, din l-istqarrija forsi tidher ftit stramba. Wara kollox, il-ħsieb li jgħaddu minn “ħafna tribulazzjonijiet” setaʼ kien inkwetanti għad-dixxipli, u mhux inkuraġġanti. Allura, kif inhu possibbli li Pawlu u Barnaba ‘saħħew lid-dixxipli’ billi qalulhom li kien se jkollhom jiffaċċjaw iktar tribulazzjonijiet?

5 It-tweġiba nistgħu nsibuha jekk neżaminaw bir-reqqa l-kliem taʼ Pawlu. Hu ma qalx sempliċement: “Jeħtieġ li nissaportu ħafna tribulazzjonijiet.” Minflok, hu qal: “Jeħtieġ li fis-saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.” B’hekk, Pawlu saħħaħ lid-dixxipli billi enfasizza l-premju meraviljuż li kienu se jgawdu dawk li jibqgħu leali lejn Alla. Dan il-premju ma kienx sempliċi ħolma. Tabilħaqq, Ġesù qal: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.”Mt. 10:22.

6. Liema premju se jingħataw dawk li jissaportu t-tribulazzjonijiet?

6 Jekk nissaportu, se ningħataw premju. Għall-Kristjani midlukin, dan il-premju hu l-ħajja immortali fis-sema bħala ħakkiema bi sħab maʼ Ġesù. Għan-“nagħaġ oħrajn,” dan il-premju hu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art fejn se “tgħammar il-ġustizzja.” (Ġw. 10:16; 2 Pt. 3:13) Iżda, kif qal Pawlu, sadanittant se niffaċċjaw ħafna tribulazzjonijiet. Ejja nikkunsidraw żewġ tipi taʼ provi li għandna mnejn inħabbtu wiċċna magħhom.

ATTAKKI DIRETTI

7. L-attakki diretti x’jinkludu?

7 Ġesù bassar: “In-nies jagħtukom f’idejn il-qrati tal-post, u tissawtu fis-sinagogi u tidhru quddiem gvernaturi u slaten.” (Mk. 13:9) Bħalma juri dan il-kliem, xi Kristjani se jiffaċċjaw attakki diretti, bħall-persekuzzjoni fiżika. Kultant, mexxejja reliġjużi jew politiċi jistgħu jkunu responsabbli għal din il-persekuzzjoni. (Atti 5:27, 28) Erġaʼ aħseb fl-eżempju taʼ Pawlu. Beżżgħu l-ħsieb li jiffaċċja persekuzzjoni bħal din? Lanqas xejn.—Aqra Atti 20:22, 23.

8, 9. Pawlu kif wera li kien determinat li jissaporti, u xi aħwa fi żmienna kif urew determinazzjoni simili?

8 Pawlu bi qlubija ġġieled kontra l-attakki diretti taʼ Satana u qal: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-korsa tiegħi u l-ministeru li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” (Atti 20:24) Jidher ċar li Pawlu ma ħassux intimidat mill-persekuzzjoni. Għall-kuntrarju, hu kien determinat li jissaporti, jiġri x’jiġri. It-tħassib ewlieni tiegħu kien li ‘jagħti xiehda bir-reqqa’ minkejja kwalunkwe tribulazzjoni.

 9 Illum, ħafna minn ħutna wrew determinazzjoni simili. Pereżempju, f’pajjiż wieħed xi aħwa ġew mitfugħin il-ħabs mingħajr ma ttellgħu l-qorti. Ilhom kważi 20 sena l-ħabs. Għala? Għax jirrifjutaw li jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi. Ma tħallewx ikollhom żjarat, lanqas minn familthom stess, u xi wħud ġew imsawtin u ttorturati.

10. Għala m’għandniex nibżgħu minn tribulazzjonijiet li jqumu bla mistenni?

10 Ħutna f’pajjiżi oħra jissaportu tribulazzjonijiet li jqumu bla mistenni. Jekk jiġrilek hekk, iċċedix għall-biżaʼ. Aħseb f’Ġużeppi. Hu ġie mibjugħ bħala lsir, imma Ġeħova “ħelsu mit-tribulazzjonijiet kollha tiegħu.” (Atti 7:9, 10) Ġeħova jistaʼ jagħmel l-istess għalik. Tinsiex li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh.” (2 Pt. 2:9) Se tkompli int tafda f’Ġeħova, billi tkun fiduċjuż li hu jistaʼ jeħilsek minn din is-sistema mill-agħar u jippermettilek tgawdi l-ħajja taʼ dejjem taħt Saltnatu? Għandek bosta raġunijiet biex tagħmel hekk u biex tiffaċċja l-persekuzzjoni bil-kuraġġ.—1 Pt. 5:8, 9.

ATTAKKI SOTTILI

11. Attakki sottili kif inhuma differenti minn attakki diretti?

11 Tip ieħor taʼ tribulazzjoni li għandna mnejn niffaċċjaw jinvolvi attakki sottili. Dawn l-attakki kif inhuma differenti minn attakki diretti taʼ persekuzzjoni? Attakki diretti huma bħal sajjetta li tolqot siġra u teqridha f’ħakka t’għajn. Madankollu, attakki sottili huma bħal nemel abjad li bil-mod il-mod inaqqru s-siġra minn ġewwa. Sakemm tinduna xi jkunu għamlu n-nemel, ikun tard wisq għax is-siġra tkun waslet biex taqaʼ.

12. (a) X’inhi waħda mit-tattiki sottili taʼ Satana, u għala hi daqstant effettiva? (b) Pawlu kif ġie effettwat mill-iskuraġġiment?

12 Satana jixtieq jeqred ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, jew b’attakki diretti taʼ persekuzzjoni jew inkella billi jnaqqar il-fidi tiegħek bil-mod il-mod b’attakki sottili. Waħda mill-iktar tattiki sottili u effettivi li juża Satana hi l-iskuraġġiment. L-appostlu Pawlu ammetta li kultant kien iħossu skuraġġit. (Aqra Rumani 7:21-24.) Pawlu—“ġgant” spiritwali li x’aktarx kien membru tal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu—għala sejjaħ lilu nnifsu “bniedem miżerabbli”? Pawlu qal li ħassu hekk minħabba l-imperfezzjonijiet tiegħu. Hu verament xtaq jagħmel is-sewwa, imma ħass li kien hemm forza oħra taħdem kontrih. Jekk int kultant tissielet maʼ sentimenti bħal dawn, ma ssibux taʼ faraġ li tkun taf li saħansitra l-appostlu Pawlu ffaċċja sfida simili?

13, 14. (a) Xi jġiegħel lil xi wħud mill-poplu t’Alla jħossuhom skuraġġiti? (b) Min irid jara l-fidi tagħna tiġi fix-xejn, u għala?

13 Kultant, ħafna aħwa jħossuhom skuraġġiti, ansjużi, u forsi saħansitra li ma jiswew għalxejn. Pereżempju, oħt pijuniera żeluża tgħid: “Taʼ sikwit noqgħod naħseb dwar ċertu żball li għamilt, u kull darba nispiċċa nħossni agħar. Meta naħseb dwar kull ħaġa ħażina li għamilt, nibda nħoss li ma jistax ikun li xi ħadd jistaʼ jħobbni, lanqas saħansitra Ġeħova.”

14 Xi jġiegħel lil xi qaddejja żelużi taʼ Ġeħova, bħal din l-oħt, iħossuhom skuraġġiti? Jistaʼ jkun hemm diversi raġunijiet. Xi wħud forsi sempliċement għandhom it-tendenza li jaħsbu ħażin dwarhom infushom u dwar iċ-ċirkustanzi tagħhom fil-ħajja. (Prov. 15:15) Oħrajn forsi jkollhom sentimenti negattivi minħabba problemi taʼ saħħa li jeffettwaw l-emozzjonijiet tagħhom. Hu x’inhu l-kaġun, irridu nżommu f’moħħna min hu dak li jrid jipprofitta ruħu minn dawn is-sentimenti. Fir-realtà, min iridna tant niskuraġġixxu ruħna li naqtgħu qalbna? M’għandniex xi ngħidu, huwa Satana.  Hu ġie kkundannat għall-mewt u jrid li anki int tħossok bla tama. (Riv. 20:10) Il-verità hi li, kemm jekk juża attakki diretti u kemm jekk juża attakki sottili, Satana għandu l-istess mira—li jinkwetana, li jdgħajjef iż-żelu tagħna, u li jġegħelna naqtgħu qalba. M’hemm ebda dubju li l-poplu t’Alla hu involut fi gwerra spiritwali!

15. Skont it-2 Korintin 4:16, 17, x’aħna determinati li nagħmlu?

15 Kun determinat li ma tiqafx tiġġieled. Ibqaʼ ffokat fuq il-premju. Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Korintu: “Ma naqtgħux qalbna, imma anki jekk il-bniedem li aħna minn barra qed jispiċċa, żgur li l-bniedem li aħna minn ġewwa qed jiġġedded minn jum għall-ieħor. Għax għalkemm it-tribulazzjoni hi mumentanja u ħafifa, iġġibilna glorja taʼ kobor bla qjies li hi għal dejjem.”—2 Kor. 4:16, 17.

ĦEJJI RUĦEK ISSA GĦAL TRIBULAZZJONI

Il-Kristjani kbar u żgħar iħarrġu lilhom infushom biex jiddefendu t-twemmin tagħhom (Ara paragrafu 16)

16. Għala hu importanti li nħejju ruħna issa għal tribulazzjoni?

16 Satana għandu ħafna “tnassis,” jew pjanijiet mill-agħar, li juża kontrina. (Efes. 6:11) Kull wieħed u waħda minna jrid isegwi l-parir li nsibu fl-1 Pietru 5:9: “Intom iqfulu, sodi fil-fidi.” Biex nagħmlu dan, irridu nħejju lil moħħna u lil qalbna, ħalli nħarrġu lilna nfusna issa biex nagħmlu s-sewwa. Biex nagħtu tixbiha: Ħafna qabel ma jmorru għall-gwerra, is-suldati jingħataw taħriġ speċjali li jippreparahom għall-ġlied. L-istess hu minnu fil-każ tagħna. Aħna ma nafux liema battalji se niffaċċjaw fil-futur, u għalhekk irridu nitħarrġu b’mod vigoruż waqt li qegħdin fi żmien favorevoli. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.”—2 Kor. 13:5.

17-19. (a) B’liema modi nistgħu neżaminaw lilna nfusna? (b) Iż-żgħażagħ kif jistgħu jħejju ruħhom biex jiddefendu t-twemmin tagħhom meta jkunu l-iskola?

 17 Mod wieħed kif nistgħu nagħtu kas il-parir ispirat taʼ Pawlu hu billi neżaminaw lilna nfusna. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Nitlob jien regolarment? Meta niffaċċja l-pressjoni minn dawk tampari, nobdi lil Alla bħala ħakkiem minflok lill-bnedmin? Nattendi l-laqgħat Kristjani regolarment? Nuri qlubija meta nitkellem dwar it-twemmin tiegħi? Verament nipprova nissaporti n-nuqqasijiet taʼ sħabi fit-twemmin—bħalma huma jissaportu tiegħi? Nobdi jien l-anzjani fil-kongregazzjoni tiegħi kif ukoll lil dawk li jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni madwar id-dinja?’

18 Innota li tnejn mill-mistoqsijiet huma dwar li bil-qlubija niddefendu t-twemmin tagħna u ma nċedux għall-pressjoni minn dawk tamparna. Ħafna miż-żgħażagħ tagħna jkollhom jagħmlu dan meta jkunu l-iskola. Huma tgħallmu biex ma jibżgħux jew iħossuhom imbarazzati dwar it-twemmin tagħhom. Minflok, huma jitkellmu bil-qlubija. Huma użaw is-suġġerimenti li hemm fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Pereżempju, il-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu l-1 Volum f’kapitlu 17 jagħti dan is-suġġeriment jekk xi ħadd fil-klassi jistaqsi: “Int għala ma temminx bl-evoluzzjoni?” tistaʼ sempliċement twieġbu: “Għax għandi nemmen bl-evoluzzjoni? Ix-xjentisti lanqas biss jaqblu bejniethom fuqha, u huma suppost l-esperti!” Ġenituri, kunu ċerti li tagħmlu sessjonijiet taʼ prattika maʼ wliedkom sabiex ikunu mħejjijin biex jiffaċċjaw pressjonijiet bħal dawn minn dawk tamparhom fl-iskola.

19 M’għandniex xi ngħidu, mhuwiex dejjem faċli li niddefendu t-twemmin tagħna jew li nagħmlu affarijiet oħra li Ġeħova jitlob minna. Wara ġurnata twila x-xogħol, forsi jkollna nagħmlu sforz biex immorru l-laqgħa. U filgħodu forsi nsibuha diffiċli biex nitilqu l-kumdità tas-sodda ħalli noħorġu fil-ministeru. Imma ftakar: Meta jqumu provi akbar fil-futur, se tkun iktar lest biex tiffaċċjahom jekk tkun żviluppajt rutina spiritwali tajba minn qabel.

20, 21. (a) Li nimmeditaw fuq il-fidwa kif jistaʼ jgħinna niġġieldu kontra sentimenti negattivi? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

20 Xi ngħidu għal attakki sottili? Pereżempju, kif nistgħu negħlbu sentimenti taʼ skuraġġiment? Wieħed mill-aqwa modi kif nagħmlu dan hu billi nimmeditaw fuq il-fidwa. L-appostlu Pawlu hekk għamel. Kultant, hu ħassu bniedem miżerabbli. Imma kien jaf ukoll li Kristu ma mietx għal nies perfetti, imma għal midinbin. U Pawlu kien wieħed minn dawn il-midinbin. Infatti, hu kiteb: ‘Ngħix bil-fidi fl-Iben t’Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.’ (Gal. 2:20) Iva, Pawlu aċċetta l-fidwa. Hu rrikonoxxa li l-fidwa kienet tapplika għalih personalment.

21 Anki int tistaʼ tibbenefika bil-kbir jekk taċċetta l-fidwa bħala għotja persunali mingħand Ġeħova. Dan ma jfissirx li l-iskuraġġiment se jisparixxi f’daqqa. Sa ċertu punt, xi wħud minna forsi jkollna niġġieldu kontra dan l-attakk sottili sakemm nidħlu fid-dinja l-ġdida. Imma ftakar: Il-premju se jiħduh dawk li ma jaqtgħux qalbhom. Kull ġurnata tressaqna eqreb lejn iż-żmien meta se tasal is-Saltna t’Alla. Meta dan iseħħ, se jkun hemm il-paċi fuq l-art u l-bnedmin kollha se jkunu perfetti. Kun determinat li tidħol f’din is-Saltna, anki jekk dan tagħmlu b’ħafna tribulazzjonijiet.