Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Qiegħed tirċievi “l-ikel fiż-żmien xieraq”?

Qiegħed tirċievi “l-ikel fiż-żmien xieraq”?

QED ngħixu fl-iktar żmien diffiċli fl-istorja umana. (2 Tim. 3:1-5) L-imħabba tagħna għal Ġeħova u d-determinazzjoni tagħna biex ngħixu skont il-livelli ġusti tiegħu jgħaddu minn prova kuljum. Ġesù bassar dan iż-żmien taʼ inkwiet, u hu żgura lis-segwaċi tiegħu li huma kienu se jirċievu l-inkuraġġiment meħtieġ biex jissaportu sat-tmiem. (Mt. 24:3, 13; 28:20) Sabiex isaħħaħhom, hu ħatar ilsir leali biex jipprovdi “ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.”—Mt. 24:45, 46.

L-ilsir leali ġie maħtur fl-1919. Minn dakinhar ’l hawn, l-ilsir ipprovda ikel spiritwali f’ħafna lingwi għan-nies t’Alla. (Mt. 24:14; Riv. 22:17) Madankollu, l-istess ammont taʼ materjal mhuwiex disponibbli bil-lingwi kollha, u mhux kulħadd għandu aċċess għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi tagħna. Pereżempju, ħafna m’għandhomx il-vidjows u l-artikli li jiġu pubblikati biss fuq jw.org. Ifisser dan li xi Kristjani m’għandhomx l-ikel spiritwali kollu li għandhom bżonn? Biex inkunu nafu t-tweġiba, ejja niddiskutu erbaʼ mistoqsijiet importanti.

 1. X’inhu l-ingredjent prinċipali tal-ikel li Ġeħova jipprovdi?

Meta Satana ħajjar lil Ġesù biex ibiddel il-ġebel f’ħobż, Ġesù wieġeb: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:3, 4) Il-kliem taʼ Ġeħova hu mniżżel fil-Bibbja. (2 Pt. 1:20, 21) Għalhekk, il-Bibbja hi l-ingredjent prinċipali tal-ikel spiritwali tagħna.—2 Tim. 3:16, 17.

L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għamlet it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, sħiħa jew parti minnha, disponibbli f’iktar minn 120 lingwa, u kull sena qed jiżdiedu iktar lingwi. Minbarra din it-traduzzjoni, biljuni taʼ kopji taʼ verżjonijiet oħrajn tal-Bibbja huma disponibbli f’eluf taʼ lingwi. Dan il-fatt tal-għaġeb hu fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova, li “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:3, 4) U peress li “m’hemm l-ebda ħolqien li hu moħbi quddiem [Ġeħova],” nistgħu nkunu żguri li hu se jiġbed lil dawk li “huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom” lejn l-organizzazzjoni tiegħu u jagħtihom l-ikel spiritwali.—Ebr. 4:13; Mt. 5:3, 6; Ġw. 6:44; 10:14.

2. Il-pubblikazzjonijiet tagħna liema rwol għandhom f’li jipprovdu l-ikel spiritwali?

Biex individwu jiżviluppa fidi b’saħħitha, mhux biżżejjed li jaqra l-Bibbja. Jeħtieġ li jifhem dak li jaqra u japplika dak li jitgħallem. (Ġak. 1:22-25) Ewnuku Etjopjan fl-ewwel seklu apprezza dan il-fatt. Hu kien qed jaqra l-Kelma t’Alla meta Filippu l-evanġelizzatur staqsieh: “Qed tifhem verament x’int taqra?” L-ewnuku wieġeb: “Tabilħaqq, kif nistaʼ nifhem, jekk xi ħadd ma jiggwidanix?” (Atti 8:26-31) Imbagħad Filippu għen lir-raġel jifhem dak li kien qed jaqra. L-ewnuku tant tqanqal minn dak li tgħallem li tgħammed. (Atti 8:32-38) B’mod simili, il-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja għenuna niksbu għarfien eżatt dwar il-verità. Imissulna qalbna u jqanqluna napplikaw dak li nitgħallmu.—Kol. 1:9, 10.

Permezz tal-pubblikazzjonijiet, il-qaddejja taʼ Ġeħova qed jingħataw abbundanza taʼ affarijiet spiritwali biex “jieklu” u “jixorbu.” (Is. 65:13) Pereżempju, It-Torri tal-Għassa, li hu disponibbli f’iktar minn 210 lingwi, jispjega l-profeziji tal-Bibbja, jgħinna nifhmu veritajiet importanti, u jqanqalna ngħixu skont il-prinċipji tal-Bibbja. Ir-rivista Stenbaħ!, li hi pubblikata b’xi 100 lingwa, tgħinna nitgħallmu iktar dwar il-ħolqien mill-isbaħ taʼ Ġeħova, u tgħallimna kif napplikaw il-pariri utli li nsibu fil-Bibbja. (Prov. 3:21-23; Rum. 1:20) L-ilsir leali jipprovdi pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Kelma t’Alla f’iktar minn 680 lingwa! Twarrab ftit ħin kuljum biex taqra l-Bibbja? Taqra kull rivista u pubblikazzjoni ġdida li toħroġ bil-lingwa tiegħek kull sena?

Minbarra li tipproduċi pubblikazzjonijiet, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tipprepara outlines ibbażati fuq il-Bibbja għal taħditiet li jingħataw fil-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet tagħna. Ma tiħux pjaċir bit-taħditiet, bid-dramas, bit-turijiet, u bl-intervisti li jiġu preżentati f’dawn il-laqgħat? Ġeħova żgur li qed jagħtina abbundanza taʼ ikel spiritwali!—Is. 25:6.

 3. Jekk m’għandekx aċċess għall-pubblikazzjonijiet kollha bil-lingwa tiegħek, ifisser dan li m’għandekx biżżejjed ikel spiritwali?

It-tweġiba hi le. M’għandniex inkunu sorpriżi jekk xi Kristjani jirċievu iktar ikel spiritwali minn oħrajn. Għala le? Ħu, pereżempju, lill-appostli. Fi żmien Ġesù, huma rċivew iktar istruzzjonijiet minn dixxipli oħrajn fl-ewwel seklu. (Mk. 4:10; 9:35-37) Imma, xorta waħda, id-dixxipli l-oħrajn irċivew l-ikel spiritwali li kellhom bżonn.—Efes. 4:20-24; 1 Pt. 1:8.

Nagħmlu tajjeb li niftakru wkoll li ħafna minn dak li Ġesù qal u għamel fuq l-art mhuwiex imniżżel fir-rakkonti tal-Evanġelji. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Fil-fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-iċken dettall, naħseb jien, id-dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-rombli miktubin.” (Ġw. 21:25) Minkejja li s-segwaċi taʼ Ġesù tal-ewwel seklu kellhom iktar informazzjoni minna dwar ir-raġel perfett Ġesù, aħna m’aħniex imċaħħdin. Ġeħova għamel ċert li nafu biżżejjed dwar Ġesù sabiex inkunu nistgħu nsegwu l-passi tiegħu.—1 Pt. 2:21.

Aħseb ukoll dwar l-ittri li ntbagħtu mill-appostli lill-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu. Minn tal-inqas waħda mill-ittri li kiteb Pawlu mhijiex inkluża fil-Bibbja. (Kol. 4:16) Ifisser dan li m’għandniex biżżejjed ikel spiritwali għax m’għandniex din l-ittra? Le. Ġeħova jaf x’għandna bżonn u tana biżżejjed biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment.—Mt. 6:8.

Ġeħova jaf x’għandna bżonn u tana biżżejjed biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment

Illum, xi qaddejja taʼ Ġeħova għandhom iktar ikel spiritwali disponibbli minn oħrajn. Titkellem int lingwa li biha hemm biss ftit pubblikazzjonijiet disponibbli? Jekk inhu hekk, kun af li Ġeħova jimpurtah minnek. Studja l-pubblikazzjonijiet li għandek, u jekk inhu possibbli, attendi l-laqgħat b’lingwa li tifhem. B’dan il-mod, ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova se tibqaʼ b’saħħitha.—Salm 1:2; Ebr. 10:24, 25.

4. Jekk m’għandekx aċċess għall-informazzjoni li tiġi pubblikata fuq jw.org, se tiddgħajjef spiritwalment?

Fuq il-Websajt tagħna, aħna nippubblikaw kopji tar-rivisti tagħna u taʼ pubblikazzjonijiet oħrajn. Il-Websajt ikun fiha wkoll materjal li jgħin lil koppji, żgħażagħ, u lil dawk li għandhom tfal żgħar. Il-familji jibbenefikaw jekk jikkunsidraw dan il-materjal fil-Qima tal-Familja tagħhom. Barra minn hekk, fuq il-Websajt tagħna jkun hemm informazzjoni dwar programmi speċjali, bħall-gradwazzjoni taʼ Gilegħad u l-laqgħa annwali, u żżomm il-fratellanza globali tagħna informata dwar id-diżastri naturali u l-iżviluppi legali li jeffettwaw lin-nies taʼ Ġeħova. (1 Pt. 5:8, 9) Il-Websajt hi wkoll għodda utli ħafna fix-xogħol tal-ippritkar, għax tagħmel l-aħbar tajba disponibbli saħansitra f’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna hu projbit.

Imma int xorta tistaʼ tibqaʼ b’saħħtek spiritwalment sew jekk għandek aċċess għall-Websajt tagħna u sew jekk le. L-ilsir jipprovdi biżżejjed materjal stampat sabiex il-Kristjani kollha jirċievu l-ikel spiritwali li għandhom bżonn. Għaldaqstant, m’għandekx tħossok obbligat li tixtri xi apparat sempliċement biex tkun tistaʼ tidħol fuq jw.org. Xi wħud għandhom mnejn jagħmlu arranġamenti biex jistampaw ammont limitat taʼ materjal li hu pubblikat fuq il-Websajt tagħna u jagħtuh personalment lil dawk li m’għandhomx aċċess għall-Internet, imma l-kongregazzjonijiet mhumiex mitlubin jagħmlu dan.

Aħna grati li Ġesù qed iżomm il-wegħda tiegħu li jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħna. Hekk kif dawn l-aħħar jiem diffiċli qed jersqu b’ħeffa lejn tmiemhom, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jkompli jipprovdi “ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.”