Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Isma’ leħen Ġeħova kull fejn tkun

Isma’ leħen Ġeħova kull fejn tkun

“Widnejk jisimgħu kelma minn warajk tgħid: ‘Din hi t-triq.’”—IS. 30:21.

1, 2. Ġeħova kif jikkomunika mal-qaddejja tiegħu?

MATUL l-istorja Ġeħova ggwida l-poplu tiegħu. Fil-passat, hu uża anġli, viżjonijiet, u ħolm biex jirrivela l-futur jew biex jagħti inkarigi speċifiċi. (Num. 7:89; Eżek. 1:1; Dan. 2:19) Kultant, Alla għażel lil bnedmin biex jirrappreżentawh u biex iwasslu d-direzzjonijiet tiegħu. Kien x’kien il-mod kif il-poplu taʼ Ġeħova rċieva l-kelma tiegħu, dawk li segwew l-istruzzjonijiet tiegħu ġew imberkin.

2 Illum, Ġeħova jiggwida lill-poplu tiegħu permezz tal-Bibbja, l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-kongregazzjoni. (Atti 9:31; 15:28; 2 Tim. 3:16, 17) Il-gwida li nirċievu mingħandu tant hi ċara li hi bħallikieku ‘widnejna jisimgħu kelma minn warajna tgħid: “Din hi t-triq. Imxi fiha.”’ (Is. 30:21) Ġesù wkoll iwasslilna leħen Ġeħova hekk kif jidderieġi l-kongregazzjoni permezz tal-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Din il-gwida u d-direzzjoni għandna niħduhom bis-serjetà, għax il-ħajja taʼ dejjem tagħna tiddependi milli nobdu.—Ebr. 5:9.

3. X’jistaʼ jfixkel il-mod kif inwieġbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

3 Satana jaf li d-direzzjoni taʼ Ġeħova se ssalvalna ħajjitna, u allura hu jipprova jfixkilna ħalli ma nagħtux widen għaliha. Ukoll, “il-qalb qarrieqa” tagħna forsi ma tkunx trid tobdi lil Ġeħova għalkollox. (Ġer. 17:9) Għalhekk, ejja  nikkunsidraw kif nistgħu negħlbu xi ostakli li jagħmluhielna diffiċli biex nagħtu widen għal leħen Alla. Ejja niddiskutu wkoll kif komunikazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova se tipproteġi r-relazzjoni tagħna miegħu, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna.

EVITA LI TITQARRAQ MINN SATANA

4. Satana kif jipprova jinfluwenza l-mod kif jaħsbu n-nies?

4 Satana jipprova jinfluwenza l-mod kif jaħsbu n-nies billi jipprovdi informazzjoni falza u propaganda qarrieqa. (Aqra l-1 Ġwanni 5:19.) Il-gazzetti, il-kotba, ir-rivisti, ir-radju, it-televixin, u l-Internet ixerrdu informazzjoni mad-dinja kollha. Għalkemm dawn is-sorsi forsi jipprovdu xi ftit informazzjoni utli, spiss jippromwovu kondotta li tmur kontra l-livelli taʼ Ġeħova. (Ġer. 2:13) Pereżempju, l-aħbarijiet u l-industrija tad-divertiment jitkellmu dwar iż-żwieġ bejn tnejn tal-istess sess bħallikieku hu aċċettabbli, u ħafna nies iħossu li dak li tgħid il-Bibbja dwar l-omosesswalità hu strett wisq.—1 Kor. 6:9, 10.

5. Kif nistgħu nevitaw li niġu influwenzati mill-propaganda taʼ Satana?

5 Dawk li jħobbu l-livelli taʼ Ġeħova kif jistgħu jevitaw li jiġu influwenzati mill-propaganda taʼ Satana? Kif jistgħu jisseparaw it-tajjeb mill-ħażin? ‘Billi joqogħdu għassa fi qbil maʼ kelmet Alla’! (Salm 119:9) Il-Kelma miktuba t’Alla fiha gwida essenzjali li tgħinna nagħrfu bejn informazzjoni li hi minnha u propaganda qarrieqa. (Prov. 23:23) Ġesù qal li neħtieġu “kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:4) Aħna għandna bżonn nitgħallmu kif napplikaw prinċipji Bibliċi f’ħajjitna. Pereżempju, ħafna qabel ma Mosè niżżel bil-miktub il-liġi taʼ Ġeħova kontra l-adulterju, iż-żagħżugħ Ġużeppi fehem li kondotta bħal din kienet dnub kontra Alla. Hu lanqas biss għaddielu minn moħħu li ma jobdix lil Ġeħova meta l-mara taʼ Potifar ipprovat tħajru jaqaʼ fil-ħażen. (Aqra Ġenesi 39:7-9.) Minkejja li għamlitlu pressjoni fuq tul taʼ żmien, Ġużeppi għażel li jismaʼ minn leħen Ġeħova u mhux minn leħinha. Illum, aħna wkoll għandna nisimgħu minn leħen Ġeħova, u mhux mill-ħoss kontinwu tal-propaganda taʼ Satana.

6, 7. X’għandna nagħmlu biex nevitaw il-pariri mill-agħar taʼ Satana?

6 Id-dinja hi mimlija ideat reliġjużi differenti, u ħafna nies iħossu li hu impossibbli li jsibu r-reliġjon vera. Madankollu, Ġeħova għamel il-gwida tiegħu ċara daqs il-kristall għal dawk li huma lesti li jieħdu vantaġġ minnha. Aħna rridu nagħżlu lil min se nagħtu widen. Ladarba hu kważi impossibbli li nisimgħu żewġ ilħna fl-istess ħin, hemm bżonn li ‘nagħrfu l-leħen’ taʼ Ġesù u nisimgħuh. Hu l-wieħed li Ġeħova ħatar  fuq in-nagħaġ Tiegħu.—Aqra Ġwanni 10:3-5.

7 “Oqogħdu attenti x’qed tisimgħu,” qal Ġesù. (Mk. 4:24) Il-pariri taʼ Ġeħova huma ċari u ġusti, imma rridu noqogħdu attenti u nagħtu widen għalihom billi nħejju lil qalbna biex taċċettahom. Jekk ma noqogħdux b’sebaʼ għajnejn, nistgħu nispiċċaw nagħtu widen għall-pariri mill-agħar taʼ Satana minflok għall-pariri kollhom imħabba t’Alla. Tħallix il-mużika, il-vidjows, il-programmi televiżivi, il-kotba, in-nies li taf, l-għalliema, jew l-hekk imsejħin esperti tad-dinja jikkontrollaw lil ħajtek.—Kol. 2:8.

8. (a) Qalbna stess kif tistaʼ tagħmilha faċli għal Satana biex jinfluwenzana? (b) X’jistaʼ jiġrilna jekk ninjoraw sinjali taʼ twissija?

8 Satana jaf li aħna bnedmin midinbin. Meta jipprova jġegħelna nċedu għad-dgħufijiet tagħna, jistaʼ jkun diffiċli ħafna għalina biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. (Ġw. 8:44-47) Pereżempju, forsi waqafna nitolbu, naqqasna fil-ministeru, jew bdejna nitilfu l-laqgħat. Dawn kollha huma sinjali taʼ twissija li juru xi jkun qed jiġri f’qalbna, u jkun perikoluż jekk ninjorawhom. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu bil-mod il-mod ma nibqgħux nisimgħu leħen Ġeħova. Eventwalment, forsi nċedu għax-xewqat tagħna u nagħmlu xi ħaġa ħażina li qatt ma bsarna li se nagħmlu. (Rum. 7:15) Imma nistgħu nevitaw li nagħmlu dan l-iżball traġiku jekk noqogħdu attenti għal sinjali taʼ twissija u naġixxu minnufih biex nirranġaw l-affarijiet. Jekk nisimgħu b’attenzjoni leħen Ġeħova, qatt m’aħna se nagħtu widen għal xi ideat apostati.—Prov. 11:9.

9. Għala hu importanti ħafna li nsiru nafu bit-tendenzi midinba tagħna malajr kemm jistaʼ jkun?

9 Meta individwu jkun marid serjament, ikollu iktar ċans li jfiq jekk isir jaf bil-marda tiegħu malajr kemm jistaʼ jkun. B’mod simili, jekk ninnotaw li għandna xi tendenza midinba, għandna nieħdu azzjoni mill-ewwel, qabel ma ‘jaqbadna Satana biex nagħmlu r-rieda tiegħu.’ (2 Tim. 2:26) X’għandna nagħmlu jekk ninnotaw li ħallejna l-mod taʼ ħsieb u x-xewqat tagħna jsiru differenti minn dak li Ġeħova jirrikjedi minna? Mingħajr dewmien, bl-umiltà għandna nerġgħu lura għandu, nagħtu widen għall-pariri tiegħu, u nsegwuhom b’qalbna kollha. (Is. 44:22) Imma rridu nirrealizzaw li l-konsegwenzi taʼ xi żball jistgħu jikkaġunaw uġigħ kbir anki wara  li individwu jkun reġaʼ lura għand Ġeħova. Kemm ikun aħjar jekk nevitaw dan billi qatt ma nitilqu lil Ġeħova!

Rutina spiritwali tajba kif tistaʼ tipproteġik milli titqarraq minn Satana? (Ara paragrafi 4-9)

IĊĦAD IL-KBURIJA U R-REGĦBA

10, 11. (a) X’inhuma xi sinjali tal-kburija? (b) X’lezzjoni nitgħallmu mir-ribelljoni taʼ Koraħ, Datan, u Abiram?

10 Irridu nirrikonoxxu li qalbna tistaʼ tbegħedna minn Ġeħova. Pereżempju, nistgħu nsiru kburin jew rgħiba. Dawn it-tendenzi jistgħu jġegħluna niżbaljaw bl-ikrah. Bniedem kburi għandu mnejn jaħseb li hu speċjali u li jistaʼ jagħmel li jfettillu. Forsi jħoss li ħadd ma jistaʼ jgħidlu x’għandu jagħmel, inkluż il-Kristjani sħabu, l-anzjani, jew saħansitra l-organizzazzjoni. Jistaʼ tant jitbiegħed minn Alla li bilkemm ikun jistaʼ jismaʼ leħen Ġeħova.

11 Meta l-Iżraelin kienu fid-deżert, Koraħ, Datan, u Abiram irribellaw kontra l-awtorità taʼ Mosè u Aron. Minħabba l-kburija, ir-ribelli għamlu arranġamenti biex iqimu lil Ġeħova kif riedu huma. Ġeħova kif wieġeb? Hu qatilhom. (Num. 26:8-10) X’lezzjoni importanti jgħallimna dan ir-rakkont storiku! Ir-ribelljoni kontra Ġeħova twassal għal diżastru. Ejja wkoll inżommu f’moħħna li “qabel tisbita jkun hemm il-kburija.”—Prov. 16:18; Is. 13:11.

12, 13. (a) Agħti eżempju li juri kif ir-regħba tistaʼ twassal għal diżastru. (b) Spjega kif ir-regħba tistaʼ tikber malajr jekk ma nikkontrollawhiex.

12 Ikkunsidra wkoll il-kwistjoni tar-regħba. Bniedem rgħib spiss iħoss li d-direzzjoni taʼ Ġeħova ma tapplikax għalih. Għandu mnejn jaħseb li jistaʼ jieħu affarijiet li mhumiex tiegħu. Wara li Nagħman, il-kap tal-armata Sirjana, ġie mfejjaq mill-ġdiem tiegħu, hu offra xi rigali lill-profeta Eliżew imma dan m’aċċettahomx. Madankollu, il-qaddej t’Eliżew, Geħażi, ixxennaq għal dawn ir-rigali. Geħażi qal bejnu u bejn ruħu: “Daqskemm Ġeħova hu ħaj, niġri [wara Nagħman] u nieħu xi ħaġa mingħandu.” Minn wara dahar Eliżew, hu telaq jiġri wara Nagħman u gideb b’mod sfaċċat ħalli jitolbu “talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ.” X’ġara lil Geħażi peress li għamel dan u gideb lill-profeta taʼ Ġeħova? Il-ġdiem taʼ Nagħman baqaʼ mqabbad maʼ Geħażi, li kien rgħib!—2 Slat. 5:20-27.

13 Jekk inħalluha, ir-regħba tistaʼ malajr tikber minn xewqa żgħira għal xi ħaġa li tistaʼ tirrovinalna ħajjitna. Dan jidher ċar fir-rakkont Bibliku t’Għakan. Hu qal: “Meta rajt fost il-priża libsa uffiċjali mis-Sinar, libsa sabiħa, u mitejn xekel fidda u ingott tad-deheb, li kien jiżen ħamsin xekel, ridthom, u ħadthom.” Minflok ma warrab ix-xewqa ħażina, Għakan b’regħba seraq l-affarijiet u ħbiehom fit-tinda tiegħu. Meta sar magħruf il-ħażen t’Għakan, Ġożwè qallu li Ġeħova kien se jġib diżastru fuqu. Għakan u familtu ġew imħaġġrin bil-ġebel dakinhar stess. (Ġoż. 7:11, 21, 24, 25) Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jsir rgħib bħal Għakan. Huwa għalhekk li għandna ‘ngħassu kontra kull xenqa b’għira.’ (Lq. 12:15) Filwaqt li kultant forsi jgħaddilna xi ħsieb mhux xieraq jew nimmaġinaw affarijiet immorali, huwa vitali li nikkontrollaw lil moħħna u ma nħallux ix-xewqat tagħna jikbru sal-punt li nidinbu.—Aqra Ġakbu 1:14, 15.

14. X’għandna nagħmlu jekk nitħajru nagħmlu xi ħaġa ħażina minħabba l-kburija jew ir-regħba?

14 Kemm il-kburija u kemm ir-regħba jistgħu jwasslu għal diżastru. Jekk nirriflettu fuq ir-riżultat t’għemil ħażin se niġu megħjunin biex nibqgħu nisimgħu  leħen Ġeħova. (Dt. 32:29) Fil-Bibbja, l-Alla l-veru mhux biss jgħidilna liema hi t-triq it-tajba imma wkoll jispjega x’inhuma l-benefiċċji taʼ li nimxu fiha kif ukoll xi jkunu l-konsegwenzi jekk naqbdu triq ħażina. Jekk qalbna tħajjarna nagħmlu xi ħaġa ħażina minħabba l-kburija jew ir-regħba, kemm ikun għaqli jekk naħsbu dwar il-konsegwenzi! Għandna nikkunsidraw kif l-għemil ħażin se jeffettwa lilna, il-maħbubin tagħna, u speċjalment ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.

ŻOMM KOMUNIKAZZJONI MILL-QRIB MAʼ ĠEĦOVA

15. X’nistgħu nitgħallmu dwar il-komunikazzjoni mill-eżempju taʼ Ġesù?

15 Ġeħova jrid l-aħjar għalina. (Salm 1:1-3) Hu jagħtina l-gwida li jkollna bżonn eżatt meta jkollna bżonnha. (Aqra Ebrej 4:16.) Għalkemm kien perfett, Ġesù kien jiddependi minn komunikazzjoni regulari maʼ Ġeħova, u hu kien jitlob kontinwament. Ġeħova appoġġa u dderieġa lil Ġesù b’modi meraviljużi. Hu bagħat lil xi anġli biex jieħdu ħsiebu, tah l-ispirtu qaddis Tiegħu biex jgħinu, u ggwidah meta kien se jagħżel lit-12-il appostlu. Leħen Ġeħova nstemaʼ mis-smewwiet meta esprima l-appoġġ u l-approvazzjoni Tiegħu għal Ġesù. (Mt. 3:17; 17:5; Mk. 1:12, 13; Lq. 6:12, 13; Ġw. 12:28) Bħal Ġesù, aħna għandna bżonn niftħu qalbna m’Alla fit-talb. (Salm 62:7, 8; Ebr. 5:7) It-talb jgħinna biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova u biex ngħixu b’mod li jonorah.

16. Ġeħova kif jgħinna nisimgħu leħnu?

16 Ġeħova ma jġegħelniex insegwu l-pariri tiegħu, imma jagħmilha faċli għalina biex insibuhom jekk irridu. Aħna għandna bżonn nitolbu għall-ispirtu qaddis tiegħu, u hu se jagħtihulna b’mod ġeneruż. (Aqra Luqa 11:10-13.) Iżda huwa essenzjali li ‘noqogħdu attenti kif nisimgħu.’ (Lq. 8:18) Pereżempju, inkunu ipokriti jekk nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nevitaw l-immoralità filwaqt li nkomplu naraw il-pornografija jew films immorali. Hemm bżonn li nkunu f’postijiet jew f’ċirkustanzi fejn ikun hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova. Aħna nafu li l-ispirtu tiegħu hu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova evitaw diżastru billi taw widen lil Ġeħova waqt il-laqgħat tagħna. Minħabba f’hekk, huma ndunaw li f’qalbhom kienu qed jiżviluppaw xewqat ħżiena u rranġaw il-problema.—Salm 73:12-17; 143:10.

KOMPLI AGĦTI WIDEN GĦAL LEĦEN ĠEĦOVA

17. Għala hu perikoluż li nistrieħu fuqna nfusna?

17 Ikkunsidra lis-Sultan David t’Iżrael tal-qedem. Bħala żagħżugħ, hu għeleb lill-ġgant Filisti Gulija. David sar suldat u mbagħad sultan u xogħlu kien li jipproteġi lill-ġens t’Iżrael u li jieħu deċiżjonijiet tajbin għalihom. Imma meta David straħ fuqu nnifsu, qalbu qarrqet bih u dineb serjament maʼ Bat-seba, saħansitra għamel arranġamenti biex żewġha, Urija, jinqatel. Meta ġie dixxiplinat, David bl-umiltà ammetta l-iżball tiegħu u reġaʼ stabbilixxa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova.—Salm 51:4, 6, 10, 11.

18. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu nagħtu widen għal leħen Ġeħova?

18 Ejja nagħtu kas il-parir li nsibu fl-1 Korintin 10:12 u ma nsirux kunfidenti żżejjed. Ladarba aħna ma nistgħux ‘nidderieġu l-passi tagħna,’ eventwalment se nisimgħu jew leħen Ġeħova jew leħen l-Avversarju tiegħu. (Ġer. 10:23) Jalla nitolbu kontinwament, insegwu d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, u dejjem nagħtu widen għal leħen Ġeħova.