Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif Ġeħova jersaq qrib lejna

Kif Ġeħova jersaq qrib lejna

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—ĠAK. 4:8.

1. Liema bżonn għandhom il-bnedmin, u min jistaʼ jissodisfa dan il-bżonn?

KULĦADD għandu bżonn iħossu qrib taʼ nies oħrajn. Meta jkollna familja u ħbieb li verament iħobbuna, jgħożżuna, u jifhmuna, aħna nkunu ferħanin. Imma l-iktar Persunaġġ li jeħtieġ ikollna relazzjoni mill-qrib miegħu hu l-Ħallieq tagħna, Ġeħova.—Ekk. 12:1.

2. Ġeħova xi jwegħedna, imma ħafna nies għala ma jemmnux din il-wegħda?

2 Fil-Kelma tiegħu, Ġeħova jħeġġiġna biex ‘nersqu qrib’ lejh, u hu jwiegħed li jekk nagħmlu hekk, ‘hu jersaq qrib lejna.’ (Ġak. 4:8) Li nkunu nafu dan jagħmilna ferħanin. Però, ħafna nies jaħsbu li mhuwiex realistiku li jemmnu li Alla jrid ikun qrib tagħhom; huma jħossu li ma jistħoqqilhomx ikollhom relazzjoni miegħu jew li hu ’l bogħod wisq biex javviċinawh. Huwa verament possibbli li nersqu qrib lejn Ġeħova?

3. Liema fatt għandna nagħrfu dwar Ġeħova?

3 Il-fatt hu li Ġeħova “m’huwiex ’il bogħod minn kull” min irid isibu; huwa possibbli li nsiru nafuh. (Aqra Atti 17:26, 27;  Salm 145:18.) Ġeħova hu lest u jixtieq jaċċettana bħala l-ħbieb tal-qalb tiegħu, avolja aħna bnedmin imperfetti. (Is. 41:8; 55:6) Mill-esperjenza persunali tiegħu, is-salmista setaʼ jikteb hekk dwar Ġeħova: “O Semmiegħ it-talb, għandek jiġu n-nies taʼ kull xorta. Hieni hu l-bniedem li tagħżel u tħallih jersaq lejk.” (Salm 65:2, 4) Ir-rakkont Bibliku dwar is-Sultan Asa taʼ Ġuda jipprovdi eżempju taʼ xi ħadd li resaq qrib lejn Alla, u juri kif Ġeħova rreaġixxa. *

TGĦALLEM MINN EŻEMPJU TAL-PASSAT

4. Is-Sultan Asa ħalla liema eżempju għan-nies taʼ Ġuda?

4 Is-Sultan Asa wera żelu mill-isbaħ għall-qima vera, billi neħħa l-prostituzzjoni li kien hemm fit-tempju u l-idolatrija, li kienu saru komuni ħafna fil-pajjiż. (1 Slat. 15:9-13) Bil-libertà tal-kelma, hu ħeġġeġ lin-nies biex “ifittxu lil Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, u biex jobdu l-liġi u l-kmandamenti.” Ġeħova bierek l-ewwel għaxar snin tal-ħakma t’Asa b’paċi assoluta. Asa kien jaf li din il-paċi kienet ġejja mingħand Ġeħova, u qal lin-nies: “L-art għadha għad-dispożizzjoni tagħna, għaliex aħna fittixna lil Ġeħova Alla tagħna. Aħna fittixnieh, u hu tana l-mistrieħ minn kullimkien.” (2 Kron. 14:1-7) Ejja naraw x’ġara mbagħad.

5. Asa f’liema sitwazzjoni wera li kien jistrieħ fuq Alla, u x’kien ir-riżultat?

5 Immaġina li int is-Sultan Asa. Żeraħ l-Etjopjan qed imexxi lil 1,000,000 raġel u 300 karru biex jiġġieled kontra l-ġens tiegħek. (2 Kron. 14:8-10) Hu għandu kważi d-doppju taʼ kemm għandek suldati int. Kif kont tirreaġixxi? Kont issaqsi għala Alla ma waqqafx din l-invażjoni? Kont tistrieħ fuq l-għerf tiegħek stess? Jew kont minflok tafda f’Ġeħova biex jipproteġik? Asa wera b’mod ċar li hu kellu relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova u li kien jafda fih kompletament. Asa b’leħen għoli talab: “Għinna, O Ġeħova Alla tagħna, għax fuqek nistrieħu aħna.” Alla kif wieġbu? “Ġeħova għeleb lill-Etjopjani.” Lanqas wieħed mill-għedewwa ma salva.—2 Kron. 14:11-13.

6. Kif għandna nimitaw lil Asa?

6 X’għen lil Asa jafda fil-gwida u l-protezzjoni t’Alla b’għajnejh magħluqa? Il-Bibbja tgħid li “Asa għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova” u li ‘qalbu baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova.’ (1 Slat. 15:11, 14) Aħna wkoll irridu naqdu lil Alla b’qalb sħiħa. Huwa vitali għall-aħħar li nagħmlu dan jekk irridu ngawdu relazzjoni mill-qrib miegħu issa u fil-futur. Kemm għandna nkunu grati li Ġeħova ħa l-inizjattiva biex iressaqna lejh u biex jgħinna niżviluppaw u nżommu rabta mill-qrib miegħu! Ikkunsidra żewġ modi kif Alla għamel dan.

ĠEĦOVA RESSAQNA QRIB LEJH PERMEZZ TAL-FIDWA

7. (a) Ġeħova x’għamel li jressaqna lejh? (b) X’inhu l-aqwa mod kif Alla jressaqna lejh?

7 Ġeħova wera l-imħabba tiegħu għall-familja umana billi ħalaq l-art tant sabiħa fejn ngħixu. Hu għadu juri mħabbtu għalina billi jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu. (Atti 17:28; Riv. 4:11) Iktar importanti minn hekk, Ġeħova jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħna. (Lq. 12:42) Ukoll, hu jaċċertana li jismagħna personalment meta nitolbuh. (1 Ġw. 5:14) Madankollu,  l-aqwa mod kif Alla jressaqna lejh u aħna ninġibdu lejh hu bl-imħabba li jesprimi permezz tal-fidwa. (Aqra l-1 Ġwanni 4:9, 10, 19.) Ġeħova bagħat lill-“Iben uniġenitu tiegħu” fuq l-art biex aħna nkunu nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt.—Ġw. 3:16.

8, 9. Xi rwol għandu Ġesù fl-iskop taʼ Ġeħova?

8 Ġeħova għamilha possibbli biex anki wħud li għexu qabel Kristu jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fidwa. Minn dak il-ħin li Ġeħova pprofetizza dwar Salvatur għall-umanità li kellu jiġi fil-futur, il-fidwa kienet bħallikieku diġà tħallset mill-ħarsa tiegħu, għax kien jaf li l-iskop tiegħu ma kienx se jfalli. (Ġen. 3:15) Sekli wara, l-appostlu Pawlu esprima gratitudni lejn Alla għall-“ħelsien bil-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.” Pawlu żied jgħid: “Kien qed jaħfer id-dnubiet li seħħew fil-passat waqt li Alla kien qed jeżerċita t-tolleranza.” (Rum. 3:21-26) Xi rwol vitali għandu Ġesù biex aħna nkunu qrib t’Alla!

9 Huwa biss permezz taʼ Ġesù li nies umli jistgħu jsiru jafu lil Ġeħova u jgawdu relazzjoni mill-qrib miegħu. L-Iskrittura kif tenfasizza din il-verità? Pawlu kiteb: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:6-8) Il-fidwa ma tħallsitx għax jistħoqqilna, imma għax Ġeħova u Ġesù jħobbuna. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-Missier li bagħatni.” Darb’oħra hu qal: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġw. 6:44; 14:6) Ġeħova juża l-ispirtu qaddis biex jiġbed lil individwi lejh permezz taʼ Ġesù u jgħinhom jibqgħu fi mħabbtu bit-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Aqra Ġuda 20, 21.) Ikkunsidra mod ieħor kif Ġeħova jressaqna lejh.

ĠEĦOVA JRESSAQNA QRIB LEJH PERMEZZ TAL-BIBBJA

10. Il-Bibbja x’tgħallimna li jgħinna nersqu eqreb lejn Alla?

10 S’issa f’dan l-artiklu użajna skritturi minn 14-il ktieb differenti tal-Bibbja. Mingħajr il-Bibbja, kif konna se nkunu nafu li nistgħu nersqu qrib lejn il-Ħallieq tagħna? Mingħajrha, kif konna se nitgħallmu dwar il-fidwa u dwar li ninġibdu lejn Ġeħova permezz taʼ Ġesù? Ġeħova uża l-ispirtu tiegħu biex inebbaħ il-kitba tal-Bibbja, li fiha nitgħallmu dwar il-personalità mill-isbaħ tiegħu u l-iskop li għandu għall-umanità. Pereżempju, f’Eżodu 34:6, 7, Ġeħova ddeskriva lilu nnifsu lil Mosè bħala “Alla ħanin u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jerfaʼ l-qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi u d-dnub.” Min sejjer ma jinġibidx lejn xi ħadd hekk? Ġeħova jaf li iktar ma nitgħallmu dwaru mill-paġni tal-Bibbja, hu iktar se jsir reali għalina u iktar se nħossuna qrib tiegħu.

11. Għala hu importanti li nitgħallmu dwar Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

11 L-introduzzjoni tal-ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah tispjega kif nistgħu nħabirku biex ikollna relazzjoni mill-qrib m’Alla, billi tgħid: “F’kull ħbiberija li nifformaw, ir-rabta tkun ibbażata fuq l-għarfien li jkollna dwar il-persuna l-oħra, u l-ammirazzjoni u l-apprezzament tagħna lejn il-karatteristiċi uniċi tagħha. Għaldaqstant, il-kwalitajiet t’Alla u l-mod kif jaġixxi, bħalma jintwerew fil-Bibbja, huma affarijiet essenzjali li għandna nistudjawhom sew.” Għalhekk, kemm nistgħu nkunu grati li Ġeħova ħa ħsieb li l-Kelma tiegħu tinkiteb b’tali mod li aħna l-bnedmin nistgħu nifhmuha!

12. Ġeħova għala uża l-bnedmin biex jiktbu l-Bibbja?

 12 Ġeħova setaʼ qabbad lill-anġli jiktbu l-Iskrittura. Wara kollox, huma interessati ferm fina u fl-attivitajiet tagħna. (1 Pt. 1:12) Bla dubju, l-anġli setgħu kitbu l-messaġġ t’Alla lill-umanità. Imma kienu huma se jaraw l-affarijiet minn ħarsa umana? Kienu se jkunu jistgħu jifhmu l-bżonnijiet, id-dgħufijiet, u x-xewqat tagħna? Le, Ġeħova kien jaf bil-limitazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Billi uża l-bnedmin biex jiktbu l-Bibbja, Ġeħova għamilha iktar persunali għalina. Aħna nistgħu nifhmu l-mod taʼ ħsib u l-emozzjonijiet tal-kittieba tal-Bibbja u t’oħrajn imsemmijin fl-Iskrittura. Nistgħu nissimpatizzaw magħhom meta ħassewhom diżappuntati, dubjużi, beżgħanin, u mnikktin minħabba l-imperfezzjonijiet tagħhom. U meta naqraw dwar meta ħassewhom ferħanin, aħna nistgħu nħossu l-ferħ tagħhom. Bħall-profeta Elija, il-kittieba tal-Bibbja kollha kellhom “sentimenti bħal tagħna.”—Ġak. 5:17.

Il-mod kif Ġeħova ttratta lil Ġona u lil Pietru kif iressqek eqreb Lejh? (Ara paragrafi 13, 15)

13. It-talba taʼ Ġona kif iġġiegħlek tħossok?

13 Pereżempju, ikkunsidra jekk anġlu setax iddeskriva bis-sħiħ l-emozzjonijiet taʼ Ġona meta dan il-profeta ħarab mill-inkarigu li kien tah Alla. Kemm kien aħjar li Ġeħova qabbad lil Ġona jikteb ir-rakkont tiegħu stess, inkluż it-talba mill-qalb tiegħu lil Alla minn qiegħ il-baħar! Ġona qal: “Meta ruħi nfniet fija, kien f’Ġeħova li jien ftakart.”—Ġona 1:3, 10; 2:1-9.

14. Għala tistaʼ tifhem dak li Isaija kiteb dwaru nnifsu?

14 Ikkunsidra wkoll dak li Ġeħova qabbad lil Isaija jikteb dwaru nnifsu. Wara li ra viżjoni tal-glorja t’Alla, il-profeta tqanqal jgħid dan dwar l-istat  midneb tiegħu: “Gwaj għalija! Żgur se naqaʼ fis-skiet tal-mewt, għax jien bniedem mhux nadif f’xofftejh, u fost poplu mhux nadif f’xofftejh qed ngħammar; għax għajnejja raw lis-Sultan innifsu, Ġeħova taʼ l-armati!” (Is. 6:5) Anġlu qatt ma setaʼ jgħid hekk dwaru nnifsu, imma Isaija setaʼ. U peress li aħna imperfetti bħal Isaija, nistgħu nimmaġinaw kif ħassu.

15, 16. (a) Għala nistgħu nifhmu dak li jħossu sħabna l-bnedmin? Semmi xi eżempji. (b) X’se jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova?

15 Kienu l-anġli se jkunu jistgħu jgħidu li ma kienx ‘jistħoqqilhom,’ bħalma qal Ġakobb, jew li kienu ‘midinbin,’ bħalma ħassu Pietru? (Ġen. 32:10; Lq. 5:8) Kienu huma se ‘jimtlew bil-biżaʼ,’ kif għamlu d-dixxipli taʼ Ġesù? Jew, l-anġli ġusti kien se jkollhom bżonn ‘jagħmlu l-qalb’ minħabba l-oppożizzjoni biex jgħidu l-aħbar tajba, kif kellhom jagħmlu Pawlu u oħrajn? (Ġw. 6:19; 1 Tess. 2:2) Le, l-anġli huma perfetti b’kull mod u huma ħafna iktar b’saħħithom mill-bnedmin. Madankollu, meta bnedmin imperfetti jesprimu emozzjonijiet bħal dawn, aħna mill-ewwel nifhmu s-sentimenti tagħhom għax aħna wkoll sempliċi bnedmin. Meta naqraw il-Kelma t’Alla, aħna verament nistgħu ‘nifirħu maʼ min jifraħ; nibku maʼ min jibki.’—Rum. 12:15.

16 Jekk nimmeditaw fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar kif Ġeħova ttratta lill-qaddejja leali tiegħu tal-passat, se nitgħallmu bosta affarijiet meraviljużi dwar Alla tagħna, li bil-paċenzja u bl-imħabba resaq qrib dawk il-bnedmin imperfetti. B’hekk, se nsiru nafuh sew lil Ġeħova u nsiru nħobbuh profondament. B’riżultat taʼ dan, se nkunu nistgħu nersqu eqreb lejh.—Aqra Salm 25:14.

ŻVILUPPA RABTA M’ALLA LI MA TINĦALLX

17. (a) Għażarija liema parir siewi ta lil Asa? (b) Asa kif injora l-parir t’Għażarija, u x’kien ir-riżultat?

17 Wara li s-Sultan Asa għeleb lill-armata Etjopjana, Għażarija, il-profeta t’Alla, lil Asa u lil niesu tahom parir għaqli. Għażarija qal: “Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tkunu miegħu; u jekk tfittxuh, iħallikom issibuh, imma jekk titilquh, jitlaqkom.” (2 Kron. 15:1, 2) Iżda iktar tard f’ħajtu, Asa ma tax kas dan il-parir siewi. Meta s-saltna taʼ Iżrael fit-Tramuntana marret biex tiġġieled kontra Ġuda, Asa beżaʼ u talab l-għajnuna tas-Sirjani. Minflok ma reġaʼ sejjaħ lil Ġeħova biex jgħinu, hu għamel alleanza maʼ nies pagani. B’mod xieraq, lil Asa ntqallu: “Int tbellaht f’dan, għax minn issa ’l quddiem ikun hemm il-gwerer kontrik.” U ġara preċiż hekk! (2 Kron. 16:1-9) X’nitgħallmu minn dan?

18, 19. (a) X’għandna nagħmlu jekk ħallejna xi distanza tiżviluppa bejnna u bejn Alla? (b) Kif nistgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova?

18 Qatt m’għandna nitbiegħdu minn Ġeħova. Jekk ħallejna xi distanza tiżviluppa bejnna u bejnu, għandna naġixxu fi qbil maʼ Ħosea 12:6, li jgħid: “Lejn Alla tiegħek għandek terġaʼ lura, billi tħares il-qalb tajba bl-imħabba u l-ġustizzja; u ħa tittama f’Alla tiegħek il-ħin kollu.” Mela ejja nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova billi nirriflettu b’apprezzament fuq il-fidwa u billi nistudjaw bir-reqqa l-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—Aqra Dewteronomju 13:4.

19 Is-salmista kiteb: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija.” (Salm 73:28) Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nitgħallmu affarijiet ġodda dwar Ġeħova u nsiru napprezzaw saħansitra iktar il-ħafna raġunijiet li għandna biex inħobbuh. U jalla Ġeħova jersaq dejjem eqreb lejna issa u tul l-eternità kollha!

^ par. 3 Ara l-artiklu dwar Asa bit-titlu “Se Tiġu Premjati għall-Għemejjel Tagħkom,” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’Awwissu 2012.