Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MILL-ARKIVJI TAGĦNA

L-“Eureka Drama” għenet lil ħafna jsibu l-verità tal-Bibbja

L-“Eureka Drama” għenet lil ħafna jsibu l-verità tal-Bibbja

“EWREKA!” Din il-kelma tfisser “sibtu!” Fis-seklu 19, meta kien hemm tfittxija sfrenata għad-deheb f’Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika, kont tismaʼ lil xi ħadd li jaħdem fil-minjiera jgħajjat din il-kelma meta kien isib id-deheb. Però, Charles Taze Russell u sħabu l-Istudenti tal-Bibbja kienu sabu xi ħaġa bil-wisq iktar taʼ valur—il-verità tal-Bibbja. U kellhom sebaʼ mitt sena biex jaqsmuha m’oħrajn.

Sas-sajf tal-1914, kienu nġabru miljuni taʼ nies fi bliet kbar biex jaraw il-Photo-Drama of Creation,” film taʼ tmien sigħat li kien maħruġ mill-International Bible Students Association (IBSA). Bi stampi sbieħ li jiċċaqalqu, slajds bil-kulur, qari affaxxinanti, u mużika klassika mill-aqwa, din il-preżentazzjoni bbażata fuq il-Bibbja kienet tibda mill-ħolqien, tkopri l-istorja umana, u tibqaʼ sejra sat-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu.—Riv. 20:4. *

Imma xi ngħidu għal dawk li kienu jgħixu fi rħula jew fi nħawi rurali? Sabiex dawk li kienu għatxana għall-verità jkollhom ukoll opportunità li jarawha, f’Awwissu tal-1914, l-IBSA ħarġet l-“Eureka Drama”—verżjoni tal-“Photo-Drama” li setgħet tinġarr imma mingħajr l-istampi li jiċċaqalqu. Kellhom tlieta minn fejn jagħżlu, u kull waħda kienet disponibbli f’għadd taʼ lingwi: L-“Eureka X” kien fiha l-qari u l-mużika kollha rekordjata. L-“Eureka Y” kien fiha r-rekordings kollha u s-slajds bil-kulur mill-isbaħ. U l-“Eureka Family Drama,” li kienet maħsuba biex tintuża fi djar, kien fiha siltiet tal-qari u l-għanjiet. Bi ftit flus setgħu jinkisbu wkoll fonografi u apparat ieħor biex jintwerew l-istampi.

Kien jintuża proġekter biex juri s-slajds kuluriti

Mingħajr il-bżonn taʼ proġekter jew skrin kbir, l-Istudenti tal-Bibbja setgħu jieħdu magħhom din il-preżentazzjoni fl-irħula, u b’hekk jilħqu territorji ġodda bil-messaġġ tas-Saltna. L-“Eureka X,” li kienet bis-sawnd biss, setgħet tindaqq lejl u nhar. Il-proġekter bis-slajds tal-“Eureka Y” setaʼ jitħaddem mingħajr elettriku, bl-użu taʼ lampa apposta. Rapport fit-Torri tal-Għassa bil-Finlandiż qal: “Nistgħu nuru dawn il-films kważi f’kull post.” Kemm kien minnu dan!

Minflok ma krew teatri kbar, Studenti tal-Bibbja għaqlin spiss kienu jsibu postijiet b’xejn, bħal skejjel, stazzjonijiet tal-ferrovija, u saħansitra ġo xi kamra fi djar kbar. Id-drama spiss kienet tintwera fuq “skrin” li kien ikun magħmul minn liżar kbir abjad  u li kien jiddendel maʼ naħa waħda taʼ maħżen. Anthony Hambuch kiteb: “Xi bdiewa kienu jagħmlu bħal stejdjum żgħir fil-ġnien tas-siġar tal-frott tagħhom, billi kienu jpoġġu għadd taʼ zkuk ħalli n-nies ikunu jistgħu joqogħdu bilqiegħda fuqhom u jgawdu l-programm.” Dan it-tim tal-“Eureka” kien juża “karru tad-Drama” għall-apparat, il-bagalji, u affarijiet oħra li kellhom bżonn biex jikkampjaw u jsajru.

L-attendenza għall-“Eureka” kienet tvarja minn ftit għal mijiet. Fl-Istati Uniti, f’belt taʼ 150 ruħ, attendew 400 ruħ biex jarawha fi skola. F’postijiet oħra, kien hemm min mexa 8 kilometri ’l hemm u ’l hawn biex jara l-“Eureka Drama.” Fl-Iżvezja, il-ġirien taʼ Charlotte Ahlberg li nġabru fid-dar żgħira tagħha “verament ħassewhom imqanqlin” meta semgħu r-rekordings. F’belt remota u li kellha minjiera fl-Awstralja, marru mal-1,500 ruħ biex jaraw id-drama. It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż qal li fl-iskejjel sekondarji u l-kulleġġi, “l-għalliema u l-istudenti jibqgħu msaħħrin bl-istampi u bir-rekordings tal-fonografu mill-isbaħ tagħna.” L-“Eureka Drama” kienet popolari anki f’postijiet fejn kellhom iċ-ċinema.

JIĠU KULTIVATI Ż-ŻRIERAGĦ TAL-VERITÀ

L-“Eureka Drama” kienet għodda utli għal programm tal-Istudenti tal-Bibbja li fih kienu jibagħtu kelliema biex jibdew klassijiet taʼ studju ġodda. Hu diffiċli li nkunu nafu kemm nies raw l-“Eureka Drama.” Ħafna minn dawn ir-rekordings kienu jintużaw il-ħin kollu. Imma fl-1915 kienu biss 14 minn 86 tim tad-“Drama” li kienu jirrapportaw regolarment. Minkejja li b’dispjaċir il-figuri mhumiex kompleti, is-sommarju tal-aħħar tas-sena qal li kienu attendew iktar minn miljun ruħ biex jaraw id-“Drama.” Xi 30,000 persuna talbu letteratura Biblika.

L-“Eureka Drama” għandha mnejn ma kinitx ġrajja memorabbli fl-istorja, imma mill-Awstralja sal-Arġentina, mill-Afrika t’Isfel sal-Gżejjer Britanniċi, l-Indja, u l-Karibew, jidher li miljuni raw din il-preżentazzjoni unika. Ħafna fosthom sabu l-verità tal-Bibbja—iktar prezzjuża mid-deheb—u setgħu jgħidu “Ewreka!”

^ par. 4 Ara “Mill-arkivji tagħna—Film li jsaħħaħ il-fidi jagħlaq 100 sena” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Frar 2014, paġni 30-32.