Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Erġa’ lura u saħħaħ lil ħutek’

‘Erġa’ lura u saħħaħ lil ħutek’

PIETRU beka biki taʼ mrar wara li ċaħad li kien jaf lil Ġesù. Għalkemm l-appostlu kien se jkollu jissielet biex jerġaʼ jikseb il-bilanċ spiritwali tiegħu, Ġesù ried jużah biex jgħin lil oħrajn. Għalhekk, Ġesù qallu: “Meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Lq. 22:32, 54-62) Pietru maż-żmien sar wieħed mill-kolonni tal-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu. (Gal. 2:9) B’mod simili, raġel li darba kien jaqdi bħala anzjan forsi jkun jistaʼ jerġaʼ jerfaʼ din ir-responsabbiltà u jgawdi l-ferħ hekk kif isaħħaħ lil sħabu fit-twemmin spiritwalment.

Xi wħud li darba kienu jaqdu bħala indokraturi tniżżlu mill-kariga tagħhom, u minħabba f’hekk forsi jħossu li fallew. Julio, * li qeda bħala anzjan fl-Amerika t’Isfel għal iktar minn 20 sena, qal: “Li nipprepara t-taħditiet, li nżur lill-aħwa, u li nagħmel żjajjar pastorali lil membri tal-kongregazzjoni kienu parti kbira minn ħajti! F’daqqa waħda kien spiċċa kollox, u dan ħalla vojt kbir f’ħajti. Fi ftit kliem, dan kien żmien diffiċli ferm.” Illum, Julio qed jerġaʼ jaqdi bħala anzjan.

‘QISU BĦALA FERĦ MILL-AKBAR’

Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Qisuh bħala ferħ mill-akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi.” (Ġak. 1:2) Ġakbu kien qed jirreferi għal provi li jiġu mill-persekuzzjoni u mill-imperfezzjoni tagħna. Hu semma x-xewqat egoistiċi, il-favoritiżmu, u affarijiet oħra bħal dawn. (Ġak. 1:14; 2:1; 4:1, 2, 11) Meta Ġeħova jiddixxiplinana, l-esperjenza għandha mnejn tkun taʼ wġigħ. (Ebr. 12:11) Imma provi bħal dawn m’għandhomx għalfejn jisirqulna l-ferħ.

Anki jekk inkunu tniżżilna minn xi pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni, xorta għandna opportunità biex nagħtu prova taʼ kemm hi b’saħħitha l-fidi tagħna u nuru l-imħabba li għandna għal  Ġeħova. Nistgħu wkoll naħsbu dwar għala konna naqdu fl-inkarigu li kellna. Kien għall-vantaġġ tagħna stess, jew konna mqanqlin biex nirsistu għal privileġġ bħal dan sforz l-imħabba tagħna għal Alla u l-konvinzjoni tagħna li l-kongregazzjoni hi tiegħu u jixirqilha ħarsien teneru? (Atti 20:28-30) Dawn li qabel kienu anzjani u li b’ferħ ikomplu jagħtu servizz sagru juru lil kulħadd, inkluż lil Satana, li l-imħabba tagħhom għal Ġeħova hi ġenwina.

Meta s-Sultan David ġie dixxiplinat talli kkommetta dnubiet serji, hu aċċetta t-twiddib u ġie maħfur. David kanta: “Hieni hu dak li l-irvell tiegħu nħafirlu, li dnubu ġie mgħotti. Hieni l-bniedem li Ġeħova ma jżommx kont taʼ l-iżball tiegħu, u li m’għandux spirtu taʼ qerq.” (Salm 32:1, 2) David ġie rfinut mid-dixxiplina u bla dubju sar ragħaj aħjar għall-poplu t’Alla.

Aħwa rġiel li jerġgħu jaqdu bħala anzjani spiss isiru ragħajja aħjar milli kienu qabel. Wieħed minn dawn l-anzjani qal: “Issa nifhem aħjar kif nistaʼ nieħu ħsieb lil dawk li jiżbaljaw.” Anzjan ieħor qal: “Issa ngħożżu iktar il-privileġġ tiegħi li naqdi lill-aħwa.”

TISTAʼ INT TERĠAʼ LURA?

“[Ġeħova] mhux se joqgħod il-ħin kollu jsib il-ħtija,” kiteb is-salmista. (Salm 103:9) Allura m’għandniex naħsbu li Alla qatt mhu se jerġaʼ jafda lil individwu li jkun żbalja bl-ikrah. “Ħassejtni diżappuntat għall-aħħar bija nnifsi,” jgħid Ricardo, li tilef il-privileġġi tiegħu bħala anzjan wara li kien ilu jaqdi bosta snin. “Għal żmien twil, żammejt lura milli nerġaʼ naqdi lill-aħwa bħala indokratur għax ħassejt li ma kellix l-abbiltajiet u l-kwalitajiet meħtiġin. Ħassejt li ma stajtx nerġaʼ nikseb il-fiduċja tal-aħwa. Imma peress li nieħu pjaċir ngħin lil oħrajn, stajt nikkonduċi studji tal-Bibbja, ninkuraġġixxi lill-aħwa fis-Sala tas-Saltna, u naħdem magħhom fil-ministeru tal-għalqa. Dan kollu għenni nerġaʼ nħossni fiduċjuż, u issa qed nerġaʼ naqdi bħala anzjan.”

Ġeħova għen lil xi rġiel biex jerġgħu jsibu l-ferħ u jkollhom ix-xewqa li jerġgħu jaqdu

Ħu jistaʼ jżomm lura milli jaqdi bħala anzjan jekk joqgħod iżomm f’qalbu. Kemm ikun aħjar jekk  inkunu bħall-qaddej taʼ Ġeħova, David, li kellu jaħrab mis-sultan għajjur Sawl! David irrifjuta li jivvendika ruħu minn Sawl, anki meta kellu opportunità jagħmel dan. (1 Sam. 24:4-7; 26:8-12) Meta Sawl miet f’battalja, David tnikket bil-mewt tiegħu, u rrefera għalih u għal ibnu Ġonatan bħala individwi “kollhom imħabba u ħlewwa.” (2 Sam. 1:21-23) David ma qagħadx iżomm f’qalbu.

Jekk tħoss li ma ġejtx mifhum tajjeb jew li int vittma taʼ xi inġustizzja, tibqax iżżomm f’qalbek u thewden dwar dan. Pereżempju, meta William tniżżel minn anzjan wara li kien ilu jaqdi xi 30 sena fil-Britannja, hu żamm f’qalbu għal xi wħud mill-anzjani. X’għen lil William jerġaʼ jikseb il-bilanċ? “Ħassejtni inkuraġġit meta qrajt il-ktieb taʼ Ġob,” qal hu. “Jekk Ġeħova għen lil Ġob jagħmel paċi mal-hekk imsejħin tliet farraġa tiegħu, kemm iktar se jgħin lili biex nagħmel paċi mal-anzjani Kristjani!”—Ġob 42:7-9.

ALLA JBIEREK LIL DAWK LI JERĠGĦU JAQDU BĦALA RAGĦAJJA

Jekk int għażilt li ma tibqax tirgħa l-merħla t’Alla, ikun tajjeb jekk tikkunsidra għala għamilt hekk. Ħassejtek mifni bi problemi persunali? Saru affarijiet oħrajn iktar importanti f’ħajtek? Skuraġġejt ruħek minħabba l-imperfezzjonijiet t’oħrajn? Kien x’kien il-każ, tinsiex li meta kont qed taqdi bħala anzjan, int kellek iktar opportunitajiet biex tgħin lil oħrajn. It-taħditiet tiegħek saħħew lill-aħwa, l-eżempju tiegħek inkuraġġiehom, u ż-żjajjar pastorali tiegħek għenuhom jissaportu l-provi tagħhom. Ix-xogħol tiegħek bħala anzjan leali ferraħ qalb Ġeħova u tiegħek ukoll.—Prov. 27:11.

Uri l-imħabba tiegħek għal Ġeħova billi tieħu sehem bil-ferħ fis-servizz sagru

Ġeħova għen lil xi rġiel jerġgħu jsibu l-ferħ u jkollhom ix-xewqa li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Kemm jekk int inżilt minn anzjan u kemm jekk tniżżilt, int tistaʼ terġaʼ ‘tirsisti għal kariga taʼ indokratur.’ (1 Tim. 3:1) Pawlu ‘ma waqafx jitlob’ biex il-Kristjani Kolossin ikunu mimlijin bl-għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla ħalli ‘jkunu jistgħu jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-għan li jogħġbuh għalkollox.’ (Kol. 1:9, 10) Jekk terġaʼ tingħata l-privileġġ li taqdi bħala anzjan, dur lejn Ġeħova għas-saħħa, il-paċenzja, u l-ferħ. F’dawn l-aħħar jiem, il-poplu t’Alla għandu bżonn l-appoġġ spiritwali taʼ ragħajja kollhom imħabba. Int kapaċi u lest li ssaħħaħ lil ħutek?

^ par. 3 Xi ismijiet ġew mibdulin.