Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Tkunu xhieda tiegħi”

“Tkunu xhieda tiegħi”

“[Ġesù] qalilhom: ‘. . . Tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.’”—ATTI 1:7, 8.

1, 2. (a) Min hu “x-xhud leali u veru”? (b) Xi jfisser l-isem Ġesù, u x’għamel biex jgħin lil-Lhud jerġgħu jiksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova?

META Ġesù kien għaddej ġuri, hu b’kuraġġ qal lill-gvernatur Ruman tal-Lhudija, Ponzju Pilatu: “Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” (Aqra Ġwanni 18:33-37.) Snin wara, l-appostlu Pawlu lil Ġesù sejjaħlu x-xhud li għamel “l-istqarrija pubblika eċċellenti quddiem Ponzju Pilatu.” (1 Tim. 6:13) Aħna qed ngħixu f’dinja li hi kkontrollata minn Satana u mimlija mibegħda. Biex nibqgħu nagħtu xhieda, neħtieġu kuraġġ kbir bħal dak taʼ Ġesù, “ix-xhud leali u veru.”—Riv. 3:14.

2 Il-Lhud kollha kienu msejħin xhieda taʼ Ġeħova, imma Ġesù kien se jkun l-akbar xhud. (Is. 43:10) Qabel ma Ġesù twieled, anġlu qal lil Ġużeppi, il-missier adottiv taʼ Ġesù: “Int issemmih Ġesù, għax hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.” (Mt. 1:20, 21; ntt.) L-isem Ġesù bl-Ebrajk ifisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Ġeħova kien se juża lil Ġesù biex isalva lill-umanità mid-dnub u l-mewt. Ġesù qal lil-Lhud li kellhom jindmu minn dnubiethom sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Mt. 10:6; 15:24; Lq. 19:10) Għalhekk, hu pprietka dwar is-Saltna  t’Alla. Marku, wieħed mill-kittieba tal-Evanġelji, kiteb: “Ġesù daħal fil-Galilija jippriedka l-aħbar tajba t’Alla u jgħid: ‘Iż-żmien stabbilit twettaq, u s-saltna t’Alla qorbot. Indmu, u araw li jkollkom fidi fl-aħbar tajba.’” (Mk. 1:14, 15) Ġesù pprietka biż-żelu u bil-kuraġġ. Hu saħansitra kkundanna lill-mexxejja reliġjużi Lhud, u din kienet waħda mir-raġunijiet għala qatluh.—Mk. 11:17, 18; 15:1-15.

“L-AFFARIJIET GRANDJUŻI T’ALLA”

3. X’ġara tlett ijiem wara li miet Ġesù?

3 Tlett ijiem wara l-mewt kiefra taʼ Ġesù, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb—Ġeħova rxoxtah. Imma rxoxtah b’ġisem spirtu u mhux b’ġisem uman. (1 Pt. 3:18) Ġesù ta prova lid-dixxipli tiegħu li hu reġaʼ kien ħaj meta dehrilhom bħala bniedem. L-għada li ġie rxoxtat, hu deher lil dixxipli differenti minn tal-inqas ħames darbiet.—Mt. 28:8-10; Lq. 24:13-16, 30-36; Ġw. 20:11-18.

4. X’ġara meta Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu, u xi kkmandahom jagħmlu?

4 Meta Ġesù deher għall-ħames darba, l-appostli tiegħu u oħrajn kienu miġburin flimkien. F’dik l-okkażjoni memorabbli, hu bħallikieku għamlilhom studju tal-Kelma t’Alla. Hu “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.” B’hekk, huma bdew jifhmu li l-mewt u l-irxoxt tiegħu kienu mbassrin fl-Iskrittura. Fi tmiem taʼ din il-laqgħa importanti, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu x’kellhom jagħmlu. Hu qalilhom li “f’ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet kellha tiġi pridkata fil-ġnus kollha,” u kellhom jibdew minn Ġerusalemm. Imbagħad Ġesù kkmandahom: “Intom tridu tkunu xhieda taʼ dan.”Lq. 24:44-48.

5, 6. (a) Ġesù għala qal: “Tkunu xhieda tiegħi”? (b) Id-dixxipli taʼ Ġesù dwar xiex kienu se jagħtu xhieda?

5 Għaldaqstant, 40 jum wara, meta Ġesù deher għall-aħħar darba, l-appostli fehmu sew il-kmand li tahom. Hu qalilhom: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Ġesù għala qal: “Tkunu xhieda tiegħi,” u mhux taʼ Ġeħova? Għax id-dixxipli kienu Iżraelin, u għalhekk diġà kienu xhieda taʼ Ġeħova. Issa kienu se jkunu xhieda taʼ Ġesù wkoll. Dan x’kien ifisser?

6 Id-dixxipli kienu se jibdew ixandru li Ġeħova issa kien qed juża lil Ġesù biex jeħles lill-bnedmin. Dan il-mod taʼ salvazzjoni hu bil-wisq akbar mill-mod kif Ġeħova ħeles lill-Iżraelin fil-passat. Il-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu għamluha possibbli għan-nies biex jinħelsu mid-dnub u l-mewt. Meta d-dixxipli taʼ Ġesù ġew midlukin bl-ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-sena 33 EK, huma bdew jagħtu xhieda dwar “l-affarijiet grandjużi t’Alla.” Ħafna minn dawk li semgħu dan il-messaġġ nidmu u poġġew fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Ġesù rxoxtat kellu awtorità ġdida fis-sema, u Ġeħova kien qed jużah biex isalva lil eluf taʼ nies fuq l-art.—Atti 2:5, 11, 37-41.

“FIDWA GĦAL ĦAFNA”

7. Dak li ġara f’Pentekoste tas-sena 33 EK taʼ xiex ta prova?

7 Dak li ġara f’Pentekoste tas-sena 33 EK ta prova li Ġeħova kien aċċetta s-sagrifiċċju perfett taʼ Ġesù bħala l-fidwa meħtieġa biex teħles lin-nies mid-dnub. (Ebr. 9:11, 12, 24) Bħalma spjega Ġesù, hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu  b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Il-Lhud biss kienu se jibbenefikaw minn din il-fidwa? Le, il-fidwa ‘tneħħi d-dnub tad-dinja.’ Hija r-rieda t’Alla li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.”—Ġw. 1:29; 1 Tim. 2:4-6.

8. Kif kien possibbli għad-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù li jkomplu jippritkaw dwaru, u x’wettqu?

8 Kellhom id-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù l-kuraġġ meħtieġ biex ikomplu jagħtu xhieda dwaru? U żgur li kellhom, imma mhux bis-saħħa tagħhom stess. Huma talbu lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħtihom il-kuraġġ li kellhom bżonn ħalli jkomplu jippritkaw. (Aqra Atti 5:30-32.) Xi 27 sena wara Pentekoste tas-sena 33 EK, setaʼ jingħad li “l-verità taʼ l-aħbar tajba” kienet laħqet lil-Lhud u l-Ġentili “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.”—Kol. 1:5, 23.

9. Bħalma kien imbassar, x’ġara lill-kongregazzjoni Kristjana?

9 Imma, b’dispjaċir, hekk kif għadda ż-żmien, membri tal-kongregazzjoni bdew jgħallmu affarijiet li ma kinux minnhom. (Atti 20:29, 30; 2 Pt. 2:2, 3; Ġuda 3, 4) Maż-żmien, dawn l-għalliema foloz ħassru l-kongregazzjoni kollha kemm hi. Ġesù bassar li din l-apostasija kienet se tibqaʼ sejra sal-“konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 13:37-43) F’Ottubru tal-1914, Ġeħova għamel lil Ġesù Sultan fuq l-umanità. F’dak iż-żmien, bdiet il-konklużjoni, jew “l-aħħar jiem,” tad-dinja taʼ Satana.—2 Tim. 3:1.

10. (a) Dwar liema data kienu qed jippritkaw il-Kristjani midlukin? (b) X’ġara f’Ottubru tal-1914, u kif nafu dan?

10 Iktar minn 30 sena qabel Ottubru tal-1914, Kristjani midlukin bdew jippritkaw li s-Saltna t’Alla kienet se tibda taħkem f’dik id-data importanti. Il-fehma tagħhom kienet ibbażata fuq il-profezija taʼ Danjel dwar siġra kbira li ġiet imqaċċta u li kienet se terġaʼ tikber wara perijodu taʼ żmien. (Dan. 4:16) Ġesù ddeskriva sinjal li kien se jgħin lid-dixxipli tiegħu jkunu jafu li hu sar Sultan u li jkunu bdew l-aħħar jiem. Ġrajjiet dinjin mill-1914 juru b’mod ċar  li Ġesù hu Sultan. (Mt. 24:3, 7, 14; Lq. 21:24) Illum, “l-affarijiet grandjużi t’Alla” li nippritkaw dwarhom jinkludu l-fatt li Ġeħova għamel lil Ġesù s-Sultan tas-Saltna fl-1914.

11, 12. (a) X’ġara fl-1919? (b) X’sar evidenti mill-1935 ’il quddiem? (Ara l-ewwel stampa.)

11 Bħala s-Sultan ġdid tal-art, Ġesù Kristu malajr beda jeħles lil sħabu l-midlukin mill-jasar taʼ “Babilonja l-Kbira.” (Riv. 18:2, 4) Fl-1919, ftit wara li spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-midlukin kellhom iktar libertà biex jippritkaw madwar id-dinja. Huma ħatfu din l-opportunità u taw xhieda dwar il-qawwa li ssalva tal-fidwa u l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. B’riżultat taʼ dan, eluf oħrajn saru jafu l-verità u ġew midlukin biex ikunu slaten maʼ Kristu fis-sema.

12 Mill-1935 ’il quddiem, sar evidenti li Kristu kien beda jiġbor lil miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn,” li kienu se jifformaw “folla kbira” minn madwar id-dinja. Bid-direzzjoni tal-Kristjani midlukin, dawk tal-folla l-kbira wkoll isegwu l-eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù u jxandru pubblikament li s-salvazzjoni tagħhom jafuha lil Alla u lil Kristu. Billi jissaportu f’dan ix-xogħol tal-ippritkar u jkomplu jeżerċitaw il-fidi fil-fidwa taʼ Kristu, dawn l-uħud jistaʼ jkollhom il-privileġġ li jgħaddu ħajjin “mit-tribulazzjoni l-kbira,” li se ttemm id-dinja taʼ Satana.—Ġw. 10:16; Riv. 7:9, 10, 14.

‘AGĦMLU L-QALB BIEX TGĦIDU L-AĦBAR TAJBA’

13. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, x’aħna determinati li nagħmlu, u kif nistgħu nimitaw lill-Kristjani tal-ewwel seklu?

13 Jalla nkomplu ngħożżu l-privileġġ li għandna bħala Xhieda tal-“affarijiet grandjużi” li għamel Alla Ġeħova u tal-wegħdi tiegħu għall-futur. Veru, mhux dejjem faċli li nagħtu xhieda. Ħafna minn ħutna jaħdmu f’territorji fejn hemm ħafna apatija, twaqqigħ għaċ-ċajt, u saħansitra persekuzzjoni. Aħna nistgħu nagħmlu bħall-appostlu Pawlu u sħabu. Pawlu qal: “Għamilna l-qalb permezz t’Alla tagħna biex ngħidulkom l-aħbar tajba t’Alla b’taħbit kbir.” (1 Tess. 2:2) Mela ejja qatt ma naqtgħu qalbna. Minflok, ejja nkunu determinati li ngħixu skont id-dedikazzjoni tagħna hekk kif id-dinja taʼ Satana titfarrak u ssir rovina. (Is. 6:11) Ma nistgħux nagħmlu dan bis-saħħa tagħna stess. Bħall-Kristjani tal-ewwel seklu, għandna nitolbu lil Ġeħova għall-ispirtu qaddis sabiex ikollna “l-qawwa iktar min-normal.”—Aqra t-2 Korintin 4:1, 7; Lq. 11:13.

14, 15. (a) Fl-ewwel seklu, il-Kristjani kif kienu jiġu trattati, u Pietru kif inkuraġġiehom? (b) X’għandna niftakru jekk qed niġu ppersegwitati għax aħna Xhieda taʼ Ġeħova?

 14 Illum, miljuni taʼ nies jgħidu li huma Kristjani, “imma jiċħdu [lil Alla] b’dak li jagħmlu, għaliex huma mistkerrhin u diżubbidjenti u m’huma approvati għal ebda xorta t’għemil tajjeb.” (Titu 1:16) Nagħmlu tajjeb li niftakru li fl-ewwel seklu, ħafna nies kienu jobogħdu lill-Kristjani veri. Huwa għalhekk li l-appostlu Pietru kiteb: “Jekk qed jgħajrukom minħabba isem Kristu, henjin intom, għax . . . l-ispirtu t’Alla . . . qed jistrieħ fuqkom.”—1 Pt. 4:14.

15 Illum, ‘qed jiġu mgħajrin minħabba isem Kristu’ x-Xhieda taʼ Ġeħova? Iva, għax aħna mhux biss nagħtu xhieda dwar Ġeħova imma nitkellmu wkoll dwar Ġesù u nippritkaw li hu s-Sultan tas-Saltna t’Alla. Anki Ġesù kien ippersegwitat għax kien xhud taʼ Ġeħova. Lill-opponenti tiegħu qalilhom: “Jien ġejt f’isem Missieri, imma intom ma tilqgħunix.” (Ġw. 5:43) Għalhekk, la terġaʼ tiġi ppersegwitat għax tkun qed tagħti xhieda, ftakar li għandek l-approvazzjoni t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu.

16, 17. (a) In-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja kif iħossuhom dwar ix-xogħol tal-ippritkar? (b) X’int determinat li tagħmel?

16 Fl-istess ħin, ftakar li madwar id-dinja hemm ħafna nies li qed jidħlu fil-verità. Anki f’territorji li huma maħdumin spiss, xorta għadna nsibu nies li huma lesti li jisimgħu u li magħhom nistgħu naqsmu l-messaġġ mill-isbaħ tagħna. Jalla nkunu diliġenti billi nerġgħu mmorru għand dawk l-uħud li juru interess u, jekk inhu possibbli, nibdew studju tal-Bibbja magħhom u ngħinuhom jimxu lejn id-dedikazzjoni u l-magħmudija. X’aktarx li int tħossok bħal Sarie fl-Afrika t’Isfel, li ilha attiva fix-xogħol tal-ippritkar għal iktar minn 60 sena. Hi tgħid, “Jien grata ħafna li permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa nistaʼ ngawdi relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, is-Sovran tal-univers, u ferħana li nistaʼ nxandar l-isem glorjuż tiegħu.” Hi u żewġha, Martinus, għenu lil ħafna, inkluż lit-tlett itfal tagħhom, isiru aduraturi taʼ Ġeħova. Hi żżid tgħid, “M’hemmx attività oħra li ġġibli iktar sodisfazzjon, u permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova jagħtina l-qawwa li għandna bżonn biex inkomplu nagħmlu dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet.”

17 Kemm jekk aħna diġà mgħammdin u kemm jekk le, għandna nkunu grati għall-unur li nissieħbu max-Xhieda taʼ Ġeħova. Mela, kompli agħti xhieda bir-reqqa flimkien mal-poplu tiegħu madwar id-dinja, u stinka biex ma tħallix id-dinja taʼ Satana tħammġek. Jekk tagħmel hekk, se ġġib unur lill-wieħed li nirrappreżentaw, lil Missierna tas-sema kollu mħabba, Ġeħova.