Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Bijografija

Tlift missier u sibt missier

Tlift missier u sibt missier

MISSIERI twieled fi Graz, l-Awstrija, fl-1899, allura kien żagħżugħ matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Hu nqabad bil-lieva mill-armata Ġermaniża ftit wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939. Inqatel fl-1943 waqt li kien qed jiġġieled fir-Russja. B’sogħba, kelli biss madwar sentejn meta tlift lil missieri. Qatt ma kelli l-opportunità nsir nafu, u kont nimmissja ħafna l-fatt li ma kellix missier, speċjalment meta nnotajt li l-biċċa l-kbira tat-tfal fl-iskola kellhom missier. Iktar tard, bħala adoloxxent, ksibt faraġ meta sirt naf dwar Missierna tas-sema, Missier li ma jistax imut.—Ħab. 1:12.

L-ESPERJENZI TIEGĦI MAL-ISKAWTS

Meta kont għadni tifel

Meta kelli sebaʼ snin jien sirt membru tal-Iskawts. L-Iskawts huma organizzazzjoni madwar id-dinja li ġiet imwaqqfa fl-1908 fil-Gran Britannja minn tenent ġeneral tal-armata Britannika, Robert Stephenson Smyth Baden-Powell. Fl-1916 hu waqqaf il-Wolf Cubs (jew Cub Scouts) għal subien iżgħar.

Kont nieħu pjaċir meta konna mmorru fil-kampanja fi tmiem il-ġimgħa—konna norqdu fit-tined, nilbsu l-uniformi, u nimmarċjaw mad-daqq tat-tnabar. B’mod partikulari, kont nieħu pjaċir inkun mal-Iskawts l-oħra, bħal pereżempju meta konna nintefgħu madwar ħuġġieġa nkantaw filgħaxijiet u nilagħbu fil-foresta. Ukoll, konna nitgħallmu ħafna dwar in-natura, u dan għallimni nħobb l-affarijiet li għamel il-Ħallieq tagħna.

L-Iskawts huma mħeġġin biex kuljum jagħmlu għemil tajjeb. Dan huwa l-motto tagħhom. Konna nsellmu lil xulxin bil-kliem: “Dejjem Lesti.” Dan kien jogħġobni. Fil-grupp tagħna taʼ iktar minn mitt tifel, madwar nofs kienu Kattoliċi, nofs kienu Protestanti, u wieħed kien Buddist.

L-Iskawts ilhom jorganizzaw laqgħat internazzjonali kull ftit snin sa mill-1920. Jien mort f’xi ftit minn dawn il-laqgħat. Waħda minnhom kienet f’Bad Ischl, l-Awstrija, f’Awwissu tal-1951, u oħra kienet viċin Birmingham, l-Ingilterra, f’Awwissu tal-1957, fejn attendew għaliha madwar 33,000 Skawt minn 85 pajjiż. Kien hemm ukoll madwar 750,000 ruħ oħra li ġew iżuruna f’din iċ-ċelebrazzjoni. Waħda minnhom kienet ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra. Kont inħoss li kont parti minn fratellanza globali. Ma kontx naf li dalwaqt kont se nsib fratellanza aħjar, waħda magħmula minn nies li jħobbu lil Alla.

NILTAQAʼ MAʼ XHUD TAʼ ĠEĦOVA GĦALL-EWWEL DARBA

Rudi Tschiggerl, kok li jispeċjalizza fil-ħelu, kien l-ewwel persuna li tani xhieda

Fir-rebbiegħa tal-1958, jien kont se nispiċċa t-taħriġ tiegħi bħala wejter fil-Grand Hotel Wiesler taʼ Graz, l-Awstrija. Hemmhekk, Rudolf  Tschiggerl, li kien jaħdem miegħi u kien kok li jispeċjalizza fil-ħelu, kien jagħtini xhieda informali. Qatt qabel ma kont smajt bil-verità. Hu qalli li d-duttrina tat-Trinità ma kinitx tagħlim mill-Bibbja. Jien għedtlu li kienet fil-Bibbja u li kien żbaljat. Kont ningwalaha tajjeb miegħu, u għalhekk xtaqt nipperswadih jerġaʼ lura lejn il-Knisja Kattolika.

Rudolf, li konna ngħidulu Rudi, ried jagħtini Bibbja u jien insistejt li kellha tkun waħda Kattolika. Bdejt naqraha, u ma domtx ma sibt li Rudi poġġa fuljett fiha li kien ġie stampat mill-Watchtower Society. Ma tantx ħadt pjaċir b’dan għax ħassejt li letteratura bħal din tkun miktuba b’tali mod li tidher korretta imma fil-verità ma tkunx. Madankollu, kont lest li niddiskuti l-Bibbja miegħu. Rudi wera l-għaqal u ma reġax tani letteratura oħra. Għal madwar tliet xhur, kien ikollna diskussjonijiet fuq il-Bibbja li spiss kienu jdumu sa tard billejl.

Wara li spiċċajt it-taħriġ tiegħi fil-lukanda, ommi bagħtitni fi skola li tgħallem kif tiġi mmaniġġjata lukanda. L-iskola kienet f’Bad Hofgastein, belt fl-Alpi li qiegħda ġo wied. Din kellha konnessjoni mal-Grand Hotel f’Bad Hofgastein, u għalhekk kultant kont naħdem hemmhekk biex nikseb iktar esperjenza.

ŻJARA MINGĦAND ŻEWĠ NISA MISSJUNARJI

Ilse Unterdörfer u Elfriede Löhr bdew jistudjaw il-Bibbja miegħi fl-1958

Rudi kien bagħat l-indirizz il-ġdid tiegħi lill-uffiċċju tal-fergħa fi Vjenna, u l-fergħa għaddietu lil żewġ nisa missjunarji, Ilse Unterdörfer u Elfriede Löhr. * Jum fost l-oħrajn, ir-receptionist tal-lukanda għajjatli u qalli li kien hemm żewġ nisa barra f’karozza li xtaqu jkellmuni. Kont ftit konfuż għax ma kont naf xejn dwarhom. Imma xorta mort nara min huma. Iktar tard, sirt naf li huma kienu jaqdu bħala Xhieda li wasslu letteratura bil-moħbi fil-Ġermanja Nazista meta x-xogħol kien projbit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Saħansitra qabel ma bdiet il-gwerra, dawn inqabdu mill-pulizija sigrieta Ġermaniża (Gestapo) u ntbagħtu fil-kamp tal-konċentrament taʼ Lichtenburg. Imbagħad, matul il-gwerra, intbagħtu fil-kamp taʼ Ravensbrück, viċin Berlin.

Dawn l-aħwa kienu tampar ommi, allura kelli rispett lejhom. Ma ridtx naħlilhom il-ħin noqgħod niddiskuti magħhom u mbagħad iktar tard ngħidilhom li m’iniex interessat. Għalhekk, tlabthom jekk setgħux iġibuli lista taʼ skritturi dwar it-tagħlim Kattoliku li l-ewwel papa kien l-appostlu Pietru u li l-papiet l-oħrajn kollha ngħataw l-awtorità mingħandu, magħruf bħala s-suċċessjoni appostolika. Għedtilhom li kont se niħodha għand il-qassis tal-lokal u niddiskutiha miegħu. Ħsibt li billi nagħmel hekk kont se nsib il-verità.

NITGĦALLEM IL-VERITÀ DWAR IL-VERU MISSIER QADDIS

Il-Knisja Kattolika tinterpreta ħażin il-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 16:18, 19 biex tappoġġa t-tagħlim tas-suċċessjoni appostolika. Il-Knisja  Kattolika tgħid ukoll li l-papa, li l-Kattoliċi jsejħulu l-Missier Qaddis, ma jistax jiżbalja meta jitkellem fuq kwistjonijiet duttrinali. Ħafna Kattoliċi jemmnu dan, u jibbażaw il-fidi tagħhom fuq hekk. Anki jien kont nemmen dan, u ħsibt li jekk il-papa jgħid li t-Trinità hi minnha, bilfors li hekk hi. Imma mbagħad ħsibt li jekk il-papa jistaʼ jiżbalja, allura jistaʼ jkun li t-Trinità hi falza.

Meta mort għand il-qassis, hu ma setax iwieġeb il-mistoqsijiet li kelli, imma ġab ktieb minn fuq l-ixkaffa li kien dwar id-duttrina Kattolika tas-suċċessjoni appostolika. Ħadtu d-dar, bħalma ssuġġerixxa, qrajtu, u mort lura b’iktar mistoqsijiet. Fl-aħħar il-qassis, peress li ma setax iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħi, qalli: “Ma nistax nikkonvinċik, u int ma tistax tikkonvinċi lili . . . Nawguralek!” Ma riedx ikollu iktar diskussjonijiet miegħi.

Wara dan, kont lest biex nistudja l-Bibbja maʼ Ilse u Elfriede. Huma għallmuni ħafna dwar il-veru Missier Qaddis fis-sema, Alla Ġeħova. (Ġw. 17:11) Kien għad m’hemm l-ebda kongregazzjoni f’dak il-post, allura ż-żewġ aħwa kienu jikkonduċu l-laqgħat f’dar privata taʼ familja interessata. Ftit kienu jattendu. Dawn l-aħwa nisa kienu jiddiskutu ħafna mill-informazzjoni bejniethom, ladarba ma kien hemm l-ebda ħu mgħammed biex jieħu t-tmexxija. Xi kultant, kien jiġi ħu minn belt oħra u jagħti taħdita pubblika f’post mikri.

NIBDA FIL-MINISTERU

Ilse u Elfriede bdew jistudjaw il-Bibbja miegħi f’Ottubru tal-1958, u tgħammidt tliet xhur wara f’Jannar tal-1959. Qabel ma tgħammidt, staqsejthom jekk stajtx immur magħhom minn dar għal dar sempliċement biex nara kif isir ix-xogħol tal-ippritkar. (Atti 20:20) Wara li mort magħhom għall-ewwel darba, tlabthom biex jagħtuni territorju għalija. Huma tawni raħal, u kont immur hemmhekk u nipprietka waħdi minn dar għal dar u wkoll kont nagħmel żjajjar lura lil uħud interessati. L-ewwel ħu li ħdimt miegħu fil-ministeru minn dar għal dar kien l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet.

Fl-1960, wara li lestejt it-taħriġ tal-iskola, mort lura fil-belt li trabbejt biex nipprova ngħin lil qrabati jitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja. Saħansitra s’issa, l-ebda wieħed minnhom ma ġie fil-verità, imma xi wħud qed juru xi ftit interess.

ĦAJJA FIS-SERVIZZ FULTAJM

Fl-1961 l-uffiċċju tal-fergħa bagħat ittri li kienu jinkuraġġixxu lill-aħwa biex jaqdu bħala pijunieri. Jien ma kontx miżżewweġ u kont f’saħħti, allura ħsibt li ma kellix skuża biex ma nagħmilx pijunier. Tkellimt mal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, Kurt Kuhn, dwar x’jaħseb jekk naħdem ftit xhur oħra biex inkun nistaʼ nixtri karozza, li tkun utli biex naqdi bħala pijunier. Hu wieġeb, “Kellhom bżonn karozza Ġesù u l-appostli biex ikunu fis-servizz fultajm?” Kliemu għenni niddeċiedi. Ippjanajt li nibda naqdi bħala pijunier kemm jistaʼ jkun malajr. Imma peress li kont naħdem 72 siegħa fil-ġimgħa f’restorant taʼ lukanda, l-ewwel kelli nagħmel xi bidliet.

Għalhekk, tlabt lill-imgħallem tiegħi biex nibda naħdem 60 siegħa. Hu laqaʼ t-talba tiegħi u tani l-istess paga. Ftit wara staqsejtu jekk stajtx naħdem 48 siegħa fil-ġimgħa. Għal darb’oħra aċċetta u ħallasni l-istess. Wara tlabtu biex iħallini  naħdem 36 siegħa biss fil-ġimgħa, jew 6 sigħat fuq 6 ijiem, u hu aċċetta dan ukoll. Lanqas stajt nemmen li xorta ħallasni l-istess paga! Donnu l-imgħallem tiegħi ma ridnix nitlaq. B’dik l-iskeda bdejt naqdi bħala pijunier regulari. F’dak iż-żmien, il-ħtieġa biex dak li jkun jaqdi bħala pijunier kienet 100 siegħa fix-xahar.

Erbaʼ xhur wara ġejt maħtur biex naqdi bħala pijunier speċjali u bħala l-qaddej tal-kongregazzjoni f’kongregazzjoni żgħira fil-provinċja taʼ Carinthia, fil-belt taʼ Spittal an der Drau. Lura dak iż-żmien, il-pijunieri speċjali kellhom jagħmlu 150 siegħa fix-xahar. Ma kellix sieħeb fix-xogħol taʼ pijunier, imma kont ngħożż l-appoġġ li kont nirċievi fil-ministeru minn oħt jisimha Gertrude Lobner, li kienet taqdi bħala l-assistenta tal-qaddej tal-kongregazzjoni. *

IKTAR INKARIGI ĠODDA

Fl-1963 ġejt mistieden biex nagħmel ix-xogħol tas-circuit. Xi kultant kont nivvjaġġa bil-ferrovija minn kongregazzjoni għal oħra u miegħi kien ikolli bagalji tqal. Il-biċċa l-kbira mill-aħwa ma kellhomx karozza, allura ħadd ma kien ikun jistaʼ jiġi għalija fl-istazzjon tal-ferrovija. Sabiex ma noqgħodx “niffanfra,” ma kontx naqbad taxi biex twassalni d-dar li kont se noqgħod fiha, u għalhekk kont nimxiha.

Fl-1965, meta kont għadni ġuvni, ġejt mistieden nattendi l-41 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad. Ħafna minn sħabi tal-klassi wkoll ma kinux miżżewġin. Tgħidx kemm bqajt sorpriż meta fil-gradwazzjoni ġejt inkarigat biex nerġaʼ nkompli x-xogħol tas-circuit f’pajjiżi stess fl-Awstrija. Madankollu, qabel ma tlaqt mill-Istati Uniti talbuni biex inqattaʼ erbaʼ ġimgħat maʼ indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Apprezzajt ħafna l-fatt li stajt naqdi m’Anthony Conte, ħu dħuli li wkoll kien iħobb is-servizz tal-għalqa u kien effettiv ħafna fih. Qdejna flimkien fin-naħa taʼ fuq taʼ New York, f’Cornwall.

Meta wasalt lura l-Awstrija, ġejt inkarigat f’circuit fejn iltqajt maʼ Tove Merete, oħt gustuża mhix miżżewġa. Hi trabbiet fil-verità sa minn mindu kellha ħames snin. Meta l-aħwa jistaqsuna kif iltqajna, biċ-ċajt ngħidu, “L-uffiċċju tal-fergħa laqqagħna.” Iżżewwiġna sena wara, f’April tal-1967, u bqajna fix-xogħol tal-ivvjaġġar flimkien.

Is-sena taʼ wara, irrealizzajt li bil-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu, Ġeħova kien adottani bħala iben spiritwali. B’hekk bdiet relazzjoni speċjali maʼ Missieri tas-sema kif ukoll maʼ dawk kollha li, skont Rumani 8:15, ‘jgħajtu: “Abba, Missier!”’

Jien u Merete komplejna naqdu flimkien fix-xogħol tas-circuit u tad-distrett sal-1976. Xi kultant, fix-xitwa, kien ikollna norqdu ġo kmamar tas-sodda kesħin silġ b’temperaturi taħt iż-żero. Darba minnhom, meta qomna sibna li t-tarf tal-kutra ħdejn wiċċna kien iffriżat. Fl-aħħar, iddeċidejna li nibdew inġorru heater żgħir tad-dawl magħna biex inkunu nistgħu nissaportu l-kesħa  billejl. F’xi postijiet, biex nużaw il-kamra tal-banju billejl, kien ikollna noħorġu barra u nimxu fis-silġ lejn kamra b’tojlit fiha li kien jgħaddi r-riħ minnha. Ukoll ma kellniex id-dar tagħna, u għalhekk kull nhar taʼ Tnejn normalment konna nibqgħu fl-istess dar fejn konna nkunu qdejna matul il-ġimgħa. Imbagħad, it-Tlieta filgħodu konna nivvjaġġaw lejn il-kongregazzjoni li jmiss.

Għandi pjaċir ngħid li matul is-snin, l-għażiża marti dejjem kienet t’appoġġ kbir għalija. Hi tħobb is-servizz tal-għalqa, u qatt ma kelli nħeġġiġha biex toħroġ fil-ministeru. Tħobb ukoll lill-aħwa u jimpurtaha ħafna minn oħrajn. Dan kien t’għajnuna kbira.

Fl-1976 ġejna mistidnin naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Awstrija fi Vjenna, u jien ġejt maħtur bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa. F’dak iż-żmien, l-uffiċċju tal-Awstrija kien jieħu ħsieb ix-xogħol taʼ diversi pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u kien jagħmel ċert li l-aħwa f’dawn il-pajjiżi jirċievu bil-moħbi l-letteratura. Ħuna Jürgen Rundel kien il-wieħed inkarigat minn dan, u jien kelli l-privileġġ li naħdem miegħu. Iktar tard, ġejt mitlub nieħu ħsieb ix-xogħol tat-traduzzjoni tal-letteratura f’għaxar lingwi tal-Ewropa tal-Lvant. Jürgen u martu, Gertrude, għadhom jaqdu lealment bħala pijunieri speċjali fil-Ġermanja. Mill-1978, il-fergħa tal-Awstrija bdiet tistampa r-rivisti f’sitt lingwi fuq magna tal-istampar żgħira. Konna nibagħtu wkoll rivisti barra l-pajjiż lil dawk li jkunu abbonaw għalihom. Otto Kuglitsch, li issa jaqdi maʼ martu, Ingrid, fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Ġermanja, kien il-wieħed li jieħu ħsieb dan ix-xogħol.

L-aħwa fl-Ewropa tal-Lvant ukoll kienu jistampaw letteratura f’pajjiżhom stess, billi kienu jużaw magni li jikkopjaw jew jipprintjaw minn films (pellikoli). Imma xorta kellhom bżonn l-appoġġ t’aħwa minn pajjiżi oħra. Ġeħova pproteġa l-attività tagħhom. Aħna tal-fergħa sirna nħobbu lil dawn l-aħwa li qdew lealment għal ħafna snin meta x-xogħol kien projbit.

ŻJARA SPEĊJALI FIR-RUMANIJA

Fl-1989, kelli l-privileġġ li mmur ir-Rumanija maʼ Ħuna Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna. L-iskop kien li ngħinu grupp kbir t’aħwa jerġgħu jingħaqdu mal-organizzazzjoni.  Mill-1949, dawn l-aħwa nqatgħu minn mal-organizzazzjoni u fformaw il-kongregazzjonijiet tagħhom stess. Però, huma komplew jippritkaw u jgħammdu lil uħud ġodda. Sa marru l-ħabs minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom, bħalma għamlu l-aħwa li kienu parti mill-organizzazzjoni li kienet approvata mill-kwartieri ġenerali. Ix-xogħol tagħna fir-Rumanija kien għadu projbit, u għalhekk iltqajna bil-moħbi fid-dar taʼ Ħuna Pamfil Albu, flimkien maʼ erbaʼ anzjani prinċipali u r-rappreżentanti approvati tal-Kumitat tal-Pajjiż tar-Rumanija. Ħadna magħna wkoll interpretu mill-Awstrija, Rolf Kellner.

Fit-tieni lejl tad-diskussjoni, Ħuna Albu kkonvinċa lill-erbaʼ anzjani sħabu biex jingħaqdu magħna meta qal, “Jekk ma nagħmlux hekk issa, jaf qatt ma jkollna ċans ieħor.” Wara dan, madwar 5,000 ħu u oħt ġew lura fl-organizzazzjoni. X’rebħa għal Ġeħova u x’daqqa taʼ ħarta għal Satana!

Lejn it-tmiem tal-1989, qabel il-waqgħa tal-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant, il-Ġemgħa li Tiggverna stiednet lili u lil marti biex immorru ngħixu fil-kwartieri ġenerali fi New York. Dan kien taʼ sorpriża kbira għalina. Bdejna naqdu fil-Betel taʼ Brooklyn f’Lulju tal-1990. Fl-1992 bdejt ngħin lill-Kumitat tas-Servizz tal-Ġemgħa li Tiggverna, u minn Lulju tal-1994, kelli l-privileġġ li nsir membru tal-Ġemgħa li Tiggverna.

NIRRIFLETTI FUQ IL-PASSAT U NĦARES LEJN IL-FUTUR

Maʼ marti fi Brooklyn, New York

Iż-żmien li kont naqdi bħala wejter f’lukanda ilu li għadda. Issa ngawdi l-privileġġ li nieħu sehem f’li nipprepara u nqassam l-ikel spiritwali lil ħutna madwar id-dinja. (Mt. 24:45-47) Meta nħares lura lejn iktar minn 50 sena fis-servizz speċjali fultajm, nistaʼ biss nesprimi l-apprezzament u l-ferħ kbir tiegħi għall-barka taʼ Ġeħova fuq il-fratellanza dinjija tagħna. Inħobb nattendi l-konvenzjonijiet internazzjonali tagħna, fejn nitgħallmu dwar Missierna tas-sema, Ġeħova, u l-verità tal-Bibbja.

Nitlob biex miljuni oħrajn jistudjaw il-Bibbja, jaċċettaw il-verità, u jaqdu lil Ġeħova spalla maʼ spalla mal-fratellanza Kristjana tagħna madwar id-dinja. (1 Pt. 2:17). Qed inħares ’il quddiem ukoll biex mis-sema nara l-irxoxt fuq l-art u, fl-aħħar, insib lill-missier fiżiku tiegħi. Nittama li hu, ommi, u qraba għeżież oħrajn ilkoll ikunu jixtiequ jaqdu lil Ġeħova fil-Ġenna tal-art.

Qed inħares ’il quddiem biex mis-sema nara l-irxoxt fuq l-art u, fl-aħħar, insib lill-missier fiżiku tiegħi

^ par. 15 Ara l-bijografija tagħhom fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Novembru 1979.

^ par. 27 Issa, minflok qaddej tal-kongregazzjoni u assistent tal-qaddej tal-kongregazzjoni, kull kongregazzjoni għandha koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani u segretarju.