Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Intom ix-xhieda tiegħi”

“Intom ix-xhieda tiegħi”

“‘Intom ix-xhieda tiegħi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”—IS. 43:10.

1, 2. (a) Xi jfisser li tkun xhud, u l-mezzi tal-aħbarijiet x’ma qalux lin-nies? (b) Ġeħova għala ma jiddependix mill-midja taʼ din id-dinja?

XI JFISSER li tkun xhud? Dizzjunarju wieħed jagħti din id-definizzjoni: “Xi ħadd li jara xi ġrajja u jirrapporta dak li jkun ġara.” Pereżempju, fl-Afrika t’Isfel, hemm gazzetta li jisimha The Witness u li ilha tiġi pubblikata iktar minn 160 sena. L-isem huwa xieraq, għax l-iskop taʼ gazzetta hu li tirrapporta bl-eżatt dak li jkun qed jiġri madwar id-dinja. L-editur li beda din il-gazzetta wiegħed li fiha kien se jkun hemm “il-verità, il-verità kollha, u xejn ħlief il-verità.”

2 Imma, b’dispjaċir, il-mezzi tal-aħbarijiet tad-dinja ma rrapportawx bl-eżatt ħafna ġrajjiet li seħħew. Żgur li ma qalux il-verità dwar Alla u dwar dak li għamel. Ġeħova, il-Ħakkiem li jistaʼ kollox tal-univers, ma jiddependix mill-midja taʼ din id-dinja. Permezz tal-profeta tiegħu Eżekjel, Alla qal: “Il-ġnus se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.” (Eżek. 39:7) Ġeħova għandu madwar tmien miljun Xhud li jgħidu lin-nies dwaru mad-dinja kollha. Din l-armata taʼ Xhieda tgħid lil oħrajn dak li Alla għamel għan-nies fil-passat u dak li qed jagħmel issa. Titkellem ukoll dwar l-affarijiet meraviljużi li hu wiegħed li se jagħmel fil-futur. Isaija 43:10 jgħid: “‘Intom ix-xhieda tiegħi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘iva, il-qaddej tiegħi li jien għażilt.’” Meta x-xogħol tal-ippritkar  ikun l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna, nuru li aħna tassew Xhieda taʼ Ġeħova.

3, 4. (a) L-Istudenti tal-Bibbja meta bdew jissejħu Xhieda taʼ Ġeħova, u kif ħassewhom dwar dan l-isem il-ġdid? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

3 L-isem taʼ Ġeħova se jibqaʼ għal dejjem għax hu “s-Sultan taʼ l-eternità.” U hu nnifsu qal: “Dan hu ismi għal dejjem, u din hi t-tifkira tiegħi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (1 Tim. 1:17; Eżo. 3:15; qabbel Ekkleżjasti 2:16.) Li nissejħu bl-isem taʼ Ġeħova huwa l-ikbar unur li jistaʼ jkollna. Fl-1931, l-Istudenti tal-Bibbja tgħidx kemm ferħu meta bdew jużaw l-isem Xhieda taʼ Ġeħova. Ħafna minnhom kitbu ittri biex jesprimu l-gratitudni tagħhom għal din il-bidla. Kongregazzjoni waħda fil-Kanada kitbet li l-isem il-ġdid saħħilhom iktar id-determinazzjoni tagħhom biex jgħixu b’tali mod li jġib tifħir lil Ġeħova.

4 Kif tistaʼ turi l-apprezzament tiegħek għall-privileġġ li tissejjaħ Xhud taʼ Ġeħova? Ukoll, tistaʼ tispjega għala Ġeħova jsejħilna x-Xhieda tiegħu, bħalma naqraw fil-ktieb taʼ Isaija?

IX-XHIEDA T’ALLA FIL-PASSAT

5, 6. (a) Il-ġenituri Iżraelin b’liema mod taw xhieda dwar Ġeħova? (b) X’kellhom bżonn jagħmlu iktar il-ġenituri Iżraelin, u għala l-ġenituri llum jeħtieġu li jagħmlu l-istess?

5 Ġeħova għażel lill-ġens taʼ Iżrael biex ikunu x-xhieda tiegħu. Kull Iżraeli kellu r-responsabbiltà li jagħti xhieda dwaru. (Is. 43:10) Mod wieħed kif il-ġenituri Iżraelin kienu jagħtu xhieda kien billi jgħallmu lil uliedhom dwar kif Alla ttratta maʼ missirijiethom. Pereżempju, meta ngħataw l-istruzzjoni biex jiċċelebraw il-Qbiż kull sena, lin-nies intqalilhom: “Meta wliedkom jgħidulkom, ‘Xi jfisser għalikom dan l-att taʼ qima?’ imbagħad tridu tgħidulhom, ‘Huwa s-sagrifiċċju tal-Qbiż lil Ġeħova, li qabeż id-djar taʼ wlied Israel fl-Eġittu meta  kkastiga lill-Eġizzjani, imma ħeles lil djarna.’” (Eżo. 12:26, 27) Dawn il-ġenituri għandhom mnejn spjegaw ukoll lil uliedhom li meta Mosè għall-ewwel mar għand il-ħakkiem Eġizzjan biex jitolbu jħalli lill-Iżraelin iqimu lil Ġeħova fid-deżert, il-Fargħun wieġeb: “Min hu Ġeħova, biex jien nismaʼ minn kliemu u nibgħat lil Israel?” (Eżo. 5:2) Naturalment, il-ġenituri setgħu qalulhom ukoll kif Ġeħova wieġeb il-mistoqsija tal-Fargħun u kif wera lil kulħadd li Hu Dak li Jistaʼ Kollox. Hu bagħat għaxar kastigi fuq l-Eġittu u ħeles lill-Iżraelin mill-armata Eġizzjana fil-Baħar l-Aħmar. L-Iżraelin raw li Ġeħova hu l-Alla l-veru u li hu dejjem jagħmel dak li jwiegħed.

6 L-Iżraelin ħassewhom onorati li jkunu xhieda taʼ Ġeħova. Huma qalu kemm lil uliedhom kif ukoll lill-ilsiera li kienu fi djarhom dwar l-affarijiet meraviljużi li Ġeħova kien għamel. Ukoll, l-Iżraelin kienu jafu li kellhom bżonn iżommu l-kondotta tagħhom qaddisa. Ġeħova qal: “Għandkom turu li intom qaddisin, għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.” Il-ġenituri Iżraelin kellhom iħarrġu lil uliedhom biex ikunu qaddisin, jiġifieri biex jgħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova. (Lev. 19:2; Dt. 6:6, 7) Il-ġenituri llum għandhom jagħmlu l-istess. Għandhom iħarrġu lil uliedhom biex jgħixu b’tali mod li jġib unur lill-isem glorjuż t’Alla!—Aqra Proverbji 1:8; Efesin 6:4.

7. (a) Meta l-Iżraelin obdew lil Ġeħova, x’effett ħalla fuq il-ġnus taʼ madwarhom? (b) Dawk kollha li jirrappreżentaw lil Ġeħova liema responsabbiltà għandhom?

7 Meta l-Iżraelin obdew lil Alla, hu berikhom. B’hekk, il-ġnus taʼ madwarhom setgħu jaraw li Ġeħova kien qed jipproteġi lill-poplu tiegħu. (Dt. 28:10) Imma b’sogħba, fil-biċċa l-kbira tal-istorja tagħhom, l-Iżraelin kienu diżubbidjenti lejn Ġeħova. Huma qiemu lill-idoli, l-allat taʼ Kangħan. U bħal dawk l-allat, l-Iżraelin saru kattivi. Huma ssagrifikaw lil uliedhom stess u ħaqru lill-foqra. L-eżempju mill-agħar tagħhom jgħallimna lezzjoni importanti. Jeħtieġ li nimitaw lil Ġeħova u nkunu qaddisin għax aħna nirrappreżentaw lilu, l-Iktar Qaddis.

“ARA! QED NAGĦMEL XI ĦAĠA ĠDIDA”

8. Ġeħova x’qallu biex jagħmel lil Isaija, u Isaija kif irreaġixxa?

8 Ġeħova uża lil Isaija biex iwissi lill-Iżraelin li Hu kien se jeqred lil Ġerusalemm, il-belt kapitali tagħhom, u jħalli lill-poplu Tiegħu jittieħed fil-jasar. Ġeħova bassar ukoll li kien se jagħmel “xi ħaġa ġdida” u jeħles lill-poplu tiegħu mill-jasar b’mod tal-għaġeb. (Is. 43:19) Ġeħova kien jaf li l-Iżraelin ma kinux se jindmu, imma xorta waħda qal lil Isaija biex ikompli jwissihom. L-ewwel sitt kapitli tal-ktieb taʼ Isaija fil-biċċa l-kbira fihom twissijiet dwar il-qerda taʼ Ġerusalemm. Isaija ried ikun jaf kemm il-ġens kien se jibqaʼ jkun diżubbidjenti lejn Ġeħova. Alla wieġeb: “Sakemm il-bliet jitfarrku u jsiru rovina, u ma jifdalx abitanti fihom, u d-djar ma jkunx fihom bnedmin, u l-art tkun rovinata u abbandunata.”—Aqra Isaija 6:8-11.

9. (a) Il-profezija taʼ Isaija dwar Ġerusalemm meta seħħet? (b) Illum, għal liema twissija rridu noqogħdu attenti?

9 Isaija dam iktar minn 45 sena jwissi lill-Iżraelin dwar il-qerda li kienet ġejja. Hu beda jipprofetizza fl-aħħar sena tal-ħakma tas-Sultan Użżija, fis-sena 778 QEK, u kompla sa madwar is-sena 732 QEK, matul il-ħakma tas-Sultan Ħeżekija. Wara dan, Ġeħova kompla jwissi lill-poplu tiegħu sakemm inqerdet Ġerusalemm fis-sena 607 QEK. Għalhekk, l-Iżraelin kienu mwissijin  minn ħafna snin qabel dwar dak li kien se jiġri. Illum, Ġeħova qed juża lin-nies tiegħu biex iwissi lil oħrajn dwar x’se jiġri fil-futur. It-Torri tal-Għassa ilu ħafna snin jgħid lin-nies li Satana dalwaqt mhux se jkompli jaħkem l-art u minflok se jibda jaħkem Kristu.—Riv. 20:1-3, 6.

10, 11. L-Iżraelin f’Babilonja kienu xhieda taʼ liema twettiq tal-profezija taʼ Isaija?

10 Ħafna Lhud ubbidjenti li ssottomettew ruħhom għall-Babiloniżi baqgħu ħajjin meta Ġerusalemm ġiet meqruda u ttieħdu fil-jasar f’Babilonja. (Ġer. 27:11, 12) Hemmhekk, 70 sena wara, il-poplu t’Alla ra t-twettiq taʼ profezija tal-għaġeb: “Hekk qal Ġeħova, Dak li xtrakom lura, il-Qaddis taʼ Israel: ‘Minħabba fikom se nibgħathom lejn Babilonja u nniżżel l-istaneg tal-ħabsijiet.’”—Is. 43:14.

11 Fi qbil maʼ dik il-profezija, f’lejl minnhom f’Ottubru tas-sena 539 QEK, ġrat xi ħaġa li heżżet id-dinja. Waqt li s-sultan taʼ Babilonja u n-nobbli tiegħu kienu qed jixorbu l-inbid minn reċipjenti qaddisa li kienu ttieħdu mit-tempju taʼ Ġerusalemm u kienu qed ifaħħru lill-allat tagħhom, l-armati tal-Medja u l-Persja għelbu lill-Babilonja. Fis-sena 538 jew 537 QEK, il-konkwistatur taʼ Babilonja, Ċiru, ikkmanda lil-Lhud biex imorru lura f’Ġerusalemm u jerġgħu jibnu t-tempju t’Alla. Isaija kien bassar dan kollu, inkluż il-wegħda taʼ Ġeħova li kien se jipprovdi għall-poplu niedem tiegħu u jipproteġih hekk kif jirritorna lura lejn Ġerusalemm. Alla sejjaħlu “l-poplu li sawwart għalija, sabiex jirrakkonta dwari affarijiet li jistħoqqilhom tifħir.” (Is. 43:21; 44:26-28) Meta dawk li qabel kienu eżiljati marru lura u reġgħu bnew it-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, huma saru xhieda tal-fatt li Ġeħova, l-uniku Alla veru, dejjem iwettaq kelmtu.

12, 13. (a) Min ingħaqad mal-Iżraelin meta marru lura biex jerġgħu jibnu t-tempju? (b) ‘In-nagħaġ l-oħrajn’ liema privileġġ għandhom, u lejn xiex jistgħu jħarsu ’l quddiem?

12 Meta l-Iżraelin marru lura biex jerġgħu jibnu t-tempju, eluf taʼ barranin ingħaqdu magħhom biex iqimu lil Ġeħova. Iktar tard, saħansitra iktar Ġentili saru proseliti Lhud. (Esd. 2:58, 64, 65; Est. 8:17) Illum, il-Kristjani midlukin huma l-ġens t’Alla, “l-Israel t’Alla,” u “folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn” ingħaqdu magħhom biex iqimu lil Ġeħova. (Gal. 6:16; Riv. 7:9, 10; Ġw. 10:16) Kemm il-midlukin u kemm in-nagħaġ l-oħrajn għandhom il-privileġġ li jissejħu Xhieda taʼ Ġeħova.

 13 Fid-dinja l-ġdida, dawk tal-folla l-kbira se jkollhom opportunità tal-għaġeb. Se jgħidu lil uħud irxoxtati l-esperjenza tagħhom bħala Xhieda taʼ Ġeħova matul l-aħħar jiem tad-dinja taʼ Satana. Biex fil-futur ikollna dan il-privileġġ, irridu nibqgħu qaddisin. Anki jekk nagħmlu minn kollox biex ngħixu fi qbil mal-livelli taʼ Ġeħova, ma tgħaddix ġurnata li ma niżbaljawx. Għalhekk, kuljum għandna nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. Jekk nibqgħu qaddisin, nuru li aħna grati li Ġeħova jħallina nirrappreżentawh.—Aqra l-1 Ġwanni 1:8, 9.

XI JFISSER L-ISEM T’ALLA

14. Xi jfisser l-isem Ġeħova?

14 Biex inkabbru l-apprezzament tagħna għall-unur li għandna li nissejħu bl-isem taʼ Ġeħova, nagħmlu tajjeb li nimmeditaw fuq it-tifsir tiegħu. L-isem Ġeħova ġej minn kelma Ebrajka li tistaʼ tiġi tradotta “li jsir” u tiddeskrivi azzjoni. L-isem t’Alla hu mifhum li jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Ġeħova jagħżel li juża dan l-isem għax jgħinna nifhmu min hu. Hu l-Wieħed li ħalaq kollox. Ukoll, meta Ġeħova jgħid li se jagħmel xi ħaġa, ħadd u xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jagħmilha, lanqas Satana.

15. X’nistgħu nitgħallmu dwar isem Ġeħova minn dak li qal lil Mosè? (Ara l-kaxxa “ Ġeħova—Isem mimli tifsir.”)

15 Ġeħova lil Mosè spjegalu iktar xi jfisser Ismu. Meta Ġeħova bagħtu biex jeħles lill-poplu Tiegħu mill-Eġittu, lil Mosè qallu: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” Ġeħova żied jgħid: “Dan għandek tgħidilhom lil ulied Israel, ‘JIEN SE NSIR bagħatni għandkom.’” (Eżo. 3:14) B’hekk, Ġeħova, f’kull ċirkustanza, se jsir kwalunkwe ħaġa li jkun hemm bżonn biex iwettaq l-iskop tiegħu. Għall-Iżraelin, li darba kienu lsiera, hu wera li kien il-Wieħed li jeħles, jipproteġi, jiggwida, u jipprovdi kull ħaġa li kellhom bżonn.

KIF NURU LI AĦNA GRATI

16, 17. (a) Kif nistgħu nuru li aħna grati għall-privileġġ li nissejħu bl-isem t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

16 Illum, Ġeħova għadu l-istess. Ismu jfakkarna li se jsir kwalunkwe ħaġa li jkun hemm bżonn sabiex jieħu ħsieb il-poplu tiegħu. Pereżempju, hu jagħtina dak li neħtieġu għall-ħajja taʼ kuljum u biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha. L-isem taʼ Ġeħova jgħallimna xi ħaġa oħra dwaru. Li Ġeħova jistaʼ jġiegħel il-ħolqien tiegħu jsir dak li hemm bżonn biex iwettaq l-iskop tiegħu. Pereżempju, hu juża x-Xhieda tiegħu biex iwettqu l-iskop tiegħu. Li nkunu nafu dan għandu jqanqalna biex nirrappreżentawh b’mod xieraq. Kåre min-Norveġja, li ilu Xhud żeluż taʼ Ġeħova għal dawn l-aħħar 70 sena, jgħid: “Inħossni onorat ferm li naqdi lil Ġeħova, is-Sultan tal-eternità, u li nkun parti mill-poplu tiegħu li jissejjaħ b’ismu qaddis. Dejjem huwa privileġġ kbir li nispjega l-verità tal-Bibbja u li nara għajnejn in-nies jixegħlu bil-ferħ għax jifhmu. Perkażu, tgħidx kemm jagħtini sodisfazzjon meta ngħallimhom dwar is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa u kif, permezz tiegħu, huma jistgħu jiksbu l-ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida taʼ paċi u ġustizzja.”

17 Irridu nammettu li f’xi territorji dejjem qed ikun iktar diffiċli biex insibu nies li jixtiequ jitgħallmu dwar Alla. Minkejja dan, bħal Kåre, ma tħossokx ferħan meta ssib lil xi ħadd li jkun lest li jismaʼ u jixtieq jitgħallem dwar isem Ġeħova? Imma kif nistgħu nkunu Xhieda taʼ Ġeħova u fl-istess ħin xhieda taʼ Ġesù? Din il-mistoqsija se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss.