Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—MT. 22:37.

1. L-imħabba bejn Ġesù u Missieru għala kibret?

ĠESÙ ddeskriva r-relazzjoni mill-qrib li għandu maʼ Missieru meta qal: “Jien inħobb lill-Missier” u “l-Missier għandu affezzjoni lejn l-Iben.” (Ġw. 5:20; 14:31) Qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, huma ħadmu flimkien għal miljuni taʼ snin. (Prov. 8:30) Matul dan iż-żmien, Ġesù tgħallem ħafna dwar il-kwalitajiet taʼ Missieru, u l-imħabba tagħhom għal xulxin kibret.

2. (a) L-imħabba x’tinvolvi? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

2 L-imħabba tinvolvi li jkollok affezzjoni kbira lejn xi ħadd. Is-salmista David kanta: “Se nurik l-affezzjoni tiegħi, O Ġeħova s-saħħa tiegħi.” (Salm 18:1) Hekk għandna nħossuna dwar Alla, għax hu għandu affezzjoni lejna. Jekk nobdu lil Ġeħova, hu se juri li jħobbna. (Aqra Dewteronomju 7:12, 13.) Imma nistgħu verament inħobbu lil Alla ladarba ma nistgħux narawh? Xi jfisser li tħobb lil Ġeħova? Għala għandna nħobbuh? U kif nistgħu nuru li nħobbu lil Alla?

GĦALA NISTGĦU NĦOBBU LIL ALLA

3, 4. Għala hu possibbli li nħobbu lil Ġeħova?

3 “Alla hu Spirtu,” u għalhekk ma nistgħux narawh. (Ġw. 4:24) Madankollu, hu possibbli li nħobbu lil Ġeħova. Infatti,  l-Iskrittura tikkmandana biex nuru din l-imħabba. Pereżempju, Mosè qal lill-Iżraelin: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-forza kollha tiegħek.”—Dt. 6:5.

4 Għala jistaʼ jkollna mħabba profonda għal Alla? Għax hu ħalaqna bi bżonn spiritwali u żejjinna bl-abbiltà li nuru mħabba. Meta nsiru nafu lil Ġeħova, l-imħabba għalih tikber u jkollna raġuni soda biex inkunu ferħanin. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.” (Mt. 5:3) Fil-ktieb tiegħu Man Does Not Stand Alone, A. C. Morrison qal li hu tal-għaġeb li tara li l-bnedmin dejjem fittxew lil Alla u riedu jemmnu fih. Bħal dan il-kittieb, ħafna jifhmu li l-bnedmin jitwieldu bil-bżonn li jsiru jafu lil Alla.

5. Kif nafu li mhuwiex għalxejn li nfittxu lil Alla?

5 Huwa għalxejn li nfittxu lil Alla? Le, għax hu jridna nsibuh. L-appostlu Pawlu għamel dan ċar meta kellem lil grupp taʼ nies f’Ateni tal-qedem. Ħafna minnhom ħassew il-bżonn li jmorru f’tempju biex iqimu lill-alla mara Atena. Immaġinak qiegħed hemmhekk hekk kif Pawlu jitkellem dwar “l-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha,” u mbagħad jispjega li Hu “ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn.” L-appostlu jżid jgħid li Alla “minn raġel wieħed għamel il-ġnus kollha tal-bnedmin, biex jgħammru fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art, u b’digriet ordna ż-żminijiet stabbiliti u l-limiti fissi fejn jgħammru l-bnedmin, biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-fatt, m’huwiex ’il  bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:24-27) Iva, in-nies jistgħu jsibu lil Alla. Iktar minn sebaʼ miljun u nofs Xhud taʼ Ġeħova ‘rnexxielhom isibuh’—u dawn verament iħobbuh.

XI JFISSER LI TĦOBB LIL ALLA

6. X’inhu “l-akbar u l-ewwel kmandament”?

6 L-imħabba tagħna għal Ġeħova għandha tiġi mill-qalb. Ġesù għamel dan ċar meta Fariżew staqsieh: “Għalliem, liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?” Ġesù wieġeb: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-akbar u l-ewwel kmandament.”—Mt. 22:34-38.

7. Xi jfisser li nħobbu lil Alla (a) ‘b’qalbna kollha’? (b) ‘b’ruħna kollha’? (ċ) ‘b’moħħna kollu’?

7 Ġesù x’ried ifisser meta qal li għandna nħobbu lil Alla ‘b’qalbna kollha,’ ‘b’ruħna kollha,’ u ‘b’moħħna kollu’? ‘B’qalbna kollha’ jfisser bl-emozzjonijiet, ix-xewqat, u s-sentimenti veri tagħna. ‘B’ruħna kollha’ jfisser min aħna bħala persuni, u dan jinkludi kwalunkwe ħaġa li nagħmlu f’ħajjitna. U ‘b’moħħna kollu’ jfisser il-mod kif naħsbu u dwar xiex naħsbu. B’hekk, Ġesù enfasizza li għandna nħobbu lil Ġeħova bis-sħiħ, mingħajr riserva.

8. Kif nuru lil Alla li nħobbuh?

8 Jekk inħobbu lil Alla b’qalbna, ruħna, u moħħna kollu, se nkunu studenti diliġenti tal-Bibbja, nagħmlu kulma jitlobna biex nagħmlu, u nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna biż-żelu. (Mt. 24:14; Rum. 12:1, 2) Imħabba vera għal Ġeħova se tressaqna dejjem eqreb lejh. (Ġak. 4:8) Sintendi, ma nistgħux insemmu r-raġunijiet kollha għala għandna nħobbu lil Alla. Però, ejja nikkunsidraw ftit minnhom.

GĦALA GĦANDNA NĦOBBU LIL ĠEĦOVA

9. Int għala tħobb lil Ġeħova?

9 Ġeħova huwa l-Ħallieq tagħna u jagħtina kulma għandna bżonn. Pawlu  qal: “Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:28) Ġeħova tana din l-art mill-isbaħ biex ngħixu fuqha. (Salm 115:16) Jagħtina wkoll ikel u affarijiet oħrajn biex inkunu nistgħu nibqgħu ħajjin. Huwa għalhekk li Pawlu setaʼ jgħid lin-nies taʼ Listra li m’għandhomx iqimu lill-idoli imma għandhom iqimu lil Ġeħova, “l-Alla l-ħaj.” Dwar Alla, Pawlu qal: “Għamel it-tajjeb u takom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.” (Atti 14:15-17) Ġeħova bi mħabba jagħtina kulma għandna bżonn. Mhijiex din raġuni tajba biex inħobbu lill-Ħallieq Grandjuż tagħna?—Ekk. 12:1.

10. Kif tħossok dwar is-sagrifiċċju bħala fidwa?

10 Alla se jneħħi d-dnub u l-mewt li writna mingħand Adam. (Rum. 5:12) Il-Bibbja tgħid: “Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Jekk aħna verament nedmin u għandna fidi fis-sagrifiċċju bħala fidwa, Alla se jaħfrilna dnubietna. Aħna grati ferm lejn Ġeħova għax hu tant iħobbna li bagħat lil Ibnu biex imut għalina.—Ġw. 3:16.

11, 12. Ġeħova liema tamiet tana?

11 Ġeħova tana t-tama li ngħixu għal dejjem. (Rum. 15:13) Din it-tama tgħinna nissaportu meta l-fidi tagħna tgħaddi mill-provi. Il-midlukin leali għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fis-sema. (Riv. 2:10) Qaddejja leali oħrajn għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art. (Lq. 23:43) Kif inħossuna dwar it-tama li għandna? Din timliena bil-ferħ, bil-paċi, u bl-imħabba għall-Alla li jagħtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:17.

12 Ġeħova tana t-tama tal-irxoxt. (Atti 24:15) M’għandniex xi ngħidu, aħna nitnikktu ferm meta jmutilna xi ħadd għażiż, imma minħabba l-wegħda tal-irxoxt, ‘ma nsewdux qalbna bħall-oħrajn li m’għandhomx tama.’ (1 Tess. 4:13) Imqanqal mill-imħabba, Alla Ġeħova jixxennaq biex jirxoxta l-mejtin, speċjalment lill-uħud leali, bħar-raġel rett Ġob. (Ġob 14:15) Immaġina kif se nħossuna meta naraw tfal jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom u ħbieb tal-qalb jerġgħu jiltaqgħu flimkien. Kemm ifuru qlubna bl-imħabba għal Missierna tas-sema, li tana t-tama meraviljuża tal-irxoxt!

13. Kif nafu li Alla verament jimpurtah minna?

13 Ġeħova verament jimpurtah minna. (Aqra Salm 34:6, 18, 19; 1 Pietru 5:6, 7.) Peress li nafu li Alla tagħna kollu mħabba hu dejjem lest li jgħin lil dawk li huma leali lejh, inħossuna fis-sigurtà għax aħna parti mill-‘merħla tal-mergħa tiegħu.’ (Salm 79:13) Iktar minn hekk, l-imħabba t’Alla għalina se tkun tidher minn dak li se jagħmel għalina permezz taʼ Saltnatu. Wara li s-Sultan magħżul tiegħu, Ġesù Kristu, ineħħi l-vjolenza, il-moħqrija, u l-ħażen mill-art, il-bnedmin ubbidjenti se jiġu mberkin b’paċi u prosperità dejjiema. (Salm 72:7, 12-14, 16) Ma taqbilx li dawn il-wegħdi jagħtuna raġuni biex inħobbu lil Alla tagħna b’qalbna, b’ruħna, b’saħħitna, u b’moħħna kollu?—Lq. 10:27.

14. Liema privileġġ imprezzabbli tana Alla?

14 Ġeħova tana l-privileġġ imprezzabbli li naqduh bħala x-Xhieda tiegħu. (Is. 43:10-12) Aħna lil Alla nħobbuh għax tana l-opportunità li nappoġġaw is-sovranità tiegħu u nwasslu t-tama vera lin-nies f’din id-dinja mimlija inkwiet. Iktar minn hekk, nistgħu nitkellmu bil-fidi u l-konvinzjoni minħabba li niddikjaraw aħbar tajba bbażata fuq il-Kelma tal-Alla l-veru, li l-wegħdi tiegħu qatt  ma jonqsu. (Aqra Ġożwè 21:45; 23:14.) Hemm ħafna raġunijiet biex inħobbu lil Ġeħova. Imma kif nistgħu nuru li nħobbuh?

KIF NISTGĦU NURU LI NĦOBBU LIL ALLA

15. Li nistudjaw u napplikaw il-Kelma t’Alla kif jistaʼ jgħinna?

15 Studja b’mod diliġenti l-Kelma t’Alla u applikaha. Billi nagħmlu hekk nuru li nħobbu lil Ġeħova u li verament irridu li kelmtu tkun ‘dawl għal triqitna.’ (Salm 119:105) Meta nkunu qed inbatu, nistgħu niġu mfarrġa minn wegħdi kollha mħabba bħal dawn: “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex.” “Il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, O Ġeħova, baqgħet twiżinni. Meta l-ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-faraġ tiegħek beda jmellisli ruħi.” (Salm 51:17; 94:18, 19) Ġeħova u Ġesù juru ħniena maʼ kull min ibati. (Is. 49:13; Mt. 15:32) Meta nistudjaw il-Bibbja, nistgħu nitgħallmu dwar kemm Ġeħova jħobbna. Dan jgħinna nsaħħu l-imħabba tagħna lejh.

16. It-talb regulari kif jistaʼ jgħinna nkabbru l-imħabba li għandna għal Alla?

16 Itlob lil Alla regolarment. It-talb tagħna jressaqna dejjem eqreb lejn is-‘Semmiegħ tat-talb.’ (Salm 65:2) Meta nindunaw li Alla qed iwieġeb it-talb tagħna, l-imħabba tagħna għalih se tikber. Pereżempju, għandu mnejn rajna li ma jħalliniex niġu ttantati iktar milli nifilħu. (1 Kor. 10:13) Jekk inkunu ansjużi u nduru lejn Ġeħova b’talb ħerqan, nistgħu nesperjenzaw “il-paċi t’Alla” li ma titqabbel maʼ xejn. (Flp. 4:6, 7) Xi kultant, forsi ngħidu talba f’qalbna—bħalma għamel Neħemija—u nindunaw li qed titwieġeb. (Neħ. 2:1-6) Hekk kif ‘nipperseveraw fit-talb’ u naraw kif Ġeħova qed iwieġeb is-suppliki tagħna, l-imħabba tagħna għalih tikber. Se tikber ukoll il-fiduċja tagħna fih li hu se jgħinna nkampaw meta ngħaddu minn iktar provi tal-fidi.—Rum. 12:12.

17. Jekk inħobbu lil Alla, kif se nħossuna dwar li nattendu l-laqgħat?

17 Attendi regolarment il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet Kristjani. (Ebr. 10:24, 25) L-Iżraelin kienu  jinġabru biex jisimgħu u jitgħallmu dwar Ġeħova sabiex ikunu jistgħu jqimuh b’rispett profond u jobdu l-Liġi tiegħu. (Dt. 31:12) Jekk tassew inħobbu lil Ġeħova, se nattendu l-laqgħat Kristjani regolarment. (Aqra l-1 Ġwanni 5:3.) Għalhekk, ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nattendu l-laqgħat kollha. Qatt m’għandna nitilfu l-imħabba li kellna għal Ġeħova meta l-ewwel sirna nafu dwaru.—Riv. 2:4.

18. L-imħabba għal Alla xi tqanqalna nagħmlu?

18 Ħu sehem b’mod żeluż f’li taqsam “il-verità taʼ l-aħbar tajba” m’oħrajn. (Gal. 2:5) L-imħabba li għandna għal Alla tqanqalna nkunu rridu nitkellmu m’oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. F’Armageddon, is-Sultan t’Alla, Ġesù, se jiddefendi d-dritt li Ġeħova għandu biex jaħkem. (Salm 45:4; Riv. 16:14, 16) Kemm aħna ferħanin li għandna sehem f’li nagħmlu dixxipli billi ngħinu lin-nies jitgħallmu dwar l-imħabba t’Alla u d-dinja l-ġdida mwiegħda tiegħu!—Mt. 28:19, 20.

19. Għala għandna napprezzaw lill-anzjani tal-kongregazzjoni?

19 Uri l-apprezzament tiegħek lejn l-anzjani tal-kongregazzjoni. (Atti 20:28) Ġeħova dejjem jixtiqilna l-ġid, u għalhekk hu pprovdielna anzjani Kristjani. L-anzjani huma bħal “post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ l-ilma f’art bla ilma, bħad-dell taʼ blata kbira f’art niexfa.” (Is. 32:1, 2) Kemm napprezzaw li jkollna fejn nistkennu meta jkun riħ qawwi jew meta jkun hemm maltempata qalila! Meta x-xemx tikwi tisreġ fuqna, inkunu grati għad-dell li tagħmel blata. Bl-istess mod, l-anzjani jagħtuna l-għajnuna u l-inkuraġġiment li neħtieġu biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova minkejja d-diffikultajiet tal-ħajja. Billi nobdu lil dawk li jieħdu t-tmexxija fostna, nuru kemm napprezzaw lil dawn l-“irġiel bħala għotjiet” u nuru l-imħabba tagħna għal Alla u għal Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni.—Efes. 4:8; 5:23; Ebr. 13:17.

Ġeħova pprovda anzjani li juru interess sinċier fina (Ara paragrafu 19)

KOMPLI KABBAR L-IMĦABBA TIEGĦEK GĦAL ALLA

20. Jekk tħobb lil Alla, x’se tagħmel?

20 Ġeħova tana “liġi perfetta,” li fiha nsibu kulma jixtieqna nagħmlu. (Aqra Ġakbu 1:22-25.) Jekk tixtieq li jkollok relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova, mhux biżżejjed li sempliċement tismaʼ dak li jgħid. (Salm 19:7-11) Jeħtieġ ukoll li tagħmel xi ħaġa dwar dak li titgħallem. Pereżempju, peress li tħobb lil Alla, se tagħmel l-almu tiegħek biex titkellem m’oħrajn dwaru u biex tikkummenta fil-laqgħat.

21. It-talb sinċier tiegħek maʼ xiex tistaʼ tqabblu?

21 L-imħabba għal Alla Ġeħova se tqanqlek iddur spiss lejh b’talb mill-qalb. F’Iżrael, il-qassisin kienu jaħarqu l-inċens lil Ġeħova kuljum. Is-Sultan David qabbel it-talb tiegħu mal-inċens meta kanta: “Jalla t-talba tiegħi tkun imħejjija bħall-inċens quddiemek [Ġeħova]; meta nitlob b’idejja mgħollijin ikun bħall-offerta tal-qmuħ taʼ fil-għaxija.” (Salm 141:2; Eżo. 30:7, 8) Ġeħova ta widen għat-talb taʼ David. Jekk meta nitolbu nkunu umli, sinċieri, u nroddu ħajr, imbagħad anki t-talb tagħna se jkun bħal inċens u jogħġob lil Ġeħova.—Riv. 5:8.

22. X’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?

22 Ġesù qal li għandna nħobbu lil Alla, imma qal ukoll li għandna nħobbu lill-proxxmu tagħna. (Mt. 22:37-39) Meta nħobbu lil Ġeħova u l-prinċipji tiegħu, se niġu megħjuna nħobbu lill-proxxmu tagħna. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu xi jfisser dan.