Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għin lil oħrajn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom

Għin lil oħrajn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom

“Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.”—SALM 32:8.

1, 2. Ġeħova kif iqis il-qaddejja tiegħu fuq l-art?

META l-ġenituri jaraw lit-tfal żgħar tagħhom jilagħbu, spiss jibqgħu mistagħġbin bl-abbiltajiet li għandhom uliedhom. Forsi anki int rajt dan. Tifel forsi jinqalaʼ fl-isports, filwaqt li ieħor iħobb ipinġi jew jagħmel il-krafts. Huma x’inhuma dawn l-abbiltajiet, il-ġenituri jieħdu pjaċir jgħinu lil uliedhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom; fi kliem ieħor, li jagħmlu l-aħjar li jistgħu.

2 Bħala ġenitur li jħobb, Ġeħova hu interessat fil-qaddejja tiegħu. Huma “mixtiqin,” jew prezzjużi, f’għajnejh speċjalment għaliex huma leali u devoti lejh. (Ħag. 2:7) Iżda għandek mnejn innotajt li fost il-Kristjani sħabek illum, hemm ħafna talenti differenti. Xi aħwa rġiel jinqalgħu biex jitkellmu fil-pubbliku, filwaqt li oħrajn huma tajbin ħafna f’li jorganizzaw l-affarijiet. Ħafna aħwa nisa huma kapaċi jitgħallmu lingwi barranin u jużawhom fil-ministeru, filwaqt li oħrajn huma eżempji eċċellenti f’li jagħtu appoġġ lil dawk li jeħtieġu l-inkuraġġiment jew f’li jieħdu ħsieb il-morda. (Rum. 16:1, 12) Ma napprezzawx aħna l-fatt li qegħdin fil-kongregazzjoni maʼ dawn l-aħwa kollha?

3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

 3 Madankollu, xi wħud minn sħabna fit-twemmin, fosthom iż-żgħażagħ jew dawk li m’ilhomx mgħammdin, forsi għadhom ma sabux posthom fil-kongregazzjoni. Kif nistgħu ngħinuhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom? Għala għandna nistinkaw biex infittxu t-tajjeb fihom, u b’hekk inqisuhom kif iqishom Ġeħova?

ĠEĦOVA JARA T-TAJJEB FIL-QADDEJJA TIEGĦU

4, 5. Ir-rakkont fi Mħallfin 6:11-16 kif juri li Ġeħova jara l-potenzjal fil-qaddejja tiegħu?

4 Diversi rakkonti Bibliċi jagħmluha ċara li Ġeħova mhux biss jara t-tajjeb fil-qaddejja tiegħu imma wkoll il-potenzjal tagħhom. Pereżempju, meta Gidegħon intgħażel biex jeħles lill-poplu t’Alla mill-moħqrija tal-Midjanin, żgur li baqaʼ mbellah bil-mod kif laqgħu l-anġlu: “Ġeħova hu miegħek, O qalbieni u setgħan.” Gidegħon xejn ma ħassu “setgħan,” u ħass li ma kienx kapaċi jsalva lill-poplu t’Alla. Imma Ġeħova ra l-affarijiet minn lenti oħra. Hu ra x’kien kapaċi jagħmel Gidegħon u kien jaf li setaʼ jużah biex isalva lil Iżrael.—Aqra Mħallfin 6:11-16.

5 Ġeħova kellu fiduċja sħiħa f’Gidegħon għax kien jaf x’potenzjal kellu. Pereżempju, Ġeħova ra li meta Gidegħon kien qed jidres u jħejji l-qamħ, hu kien qed jaħdem b’saħħtu kollha. Ukoll, il-bdiewa ġeneralment kienu jaħdmu barra. Imma Gidegħon kien qed iħejji l-qamħ f’magħsar tal-inbid biex il-Midjanin ma jarawx il-ħsad tiegħu u jisirquh. Ġeħova ra li Gidegħon ma kienx biss ħaddiem bieżel. Kien ukoll raġel għaqli li kien kapaċi jifhem sitwazzjoni u jieħu deċiżjonijiet tajbin biex jevita l-periklu. Iva, Ġeħova ra l-abbiltajiet taʼ Gidegħon u ħarrġu.

6, 7. (a) Il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-profeta Għamos kif kienet differenti minn dik taʼ xi Iżraelin? (b) X’juri li Għamos ma kienx bniedem bla edukazzjoni?

6 B’mod simili, nistgħu naraw fil-każ tal-profeta Għamos li Ġeħova nnota l-potenzjal taʼ wieħed mill-qaddejja tiegħu, avolja għal ħafna għandu mnejn deher li kien raġel kwiet u mhux importanti. Għamos iddeskriva lilu nnifsu bħala ragħaj u ħaddiem fl-għelieqi. Imma Ġeħova bagħat lil Għamos biex jikkoreġi lill-għaxar tribujiet taʼ Iżrael li kienu waqfu jagħtuh qima. Xi Iżraelin għandhom mnejn ħasbu li Għamos ma kienx għażla tajba. Għala?—Aqra Għamos 7:14, 15.

7 Għamos kien minn raħal iżolat, imma l-għarfien li kellu dwar id-drawwiet u l-ħakkiema taʼ żmienu wera li ma kienx bniedem injorant. X’aktarx li kien jaf sew dwar il-kundizzjonijiet f’Iżrael, u għandu mnejn kien jaf ukoll dwar il-ġnus tal-madwar peress li kien jinnegozja maʼ merkanti li kienu jivvjaġġaw. (Għam. 1:6, 9, 11, 13; 2:8; 6:4-6) Illum, xi studjużi tal-Bibbja jgħidu li Għamos kien jinqalaʼ fil-kitba. Il-profeta mhux biss għażel kliem sempliċi u qawwi, imma wkoll għamel użu tajjeb mix-xebh u l-logħob bil-kliem. Tabilħaqq, hu ma beżax jikkundanna lill-qassis korrott Amażija. Ġeħova tassew kien għażel lill-persuna t-tajba biex twassal il-messaġġ tiegħu. Hu ra abbiltajiet prezzjużi f’Għamos li oħrajn forsi ma rawx.—Għam. 7:12, 13, 16, 17.

8. (a) Ġeħova minn xiex aċċertah lil David? (b) Il-kliem f’Salm 32:8 għala hu inkuraġġanti għal dawk li forsi m’għandhomx daqstant fiduċja fihom infushom?

8 Iva, Ġeħova jinnota l-potenzjal f’kull wieħed mill-qaddejja tiegħu. Hu aċċerta lis-Sultan David li dejjem kien se jiggwidah ‘u jżomm għajnejh fuqu.’ (Aqra Salm 32:8.) Qed tara għala dan għandu  jkun inkuraġġanti għalina? Għalkemm forsi ma jkollniex daqstant fiduċja fina nfusna, Ġeħova jistaʼ jgħinna nagħmlu iktar milli qatt stajna nimmaġinaw. Sewwasew bħalma għalliem tajjeb jistaʼ jiggwida lil student bla esperjenza pass pass, Ġeħova jiggwidana biex inkunu nistgħu nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna. U hu jistaʼ juża lil ħutna biex jgħinuna nagħmlu dan. B’liema modi?

FITTEX IT-TAJJEB F’OĦRAJN

9. Kif nistgħu ‘nfittxu’ l-interess persunali taʼ ħutna?

9 Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani kollha biex ‘ifittxu’ l-interess persunali taʼ sħabhom fit-twemmin. (Aqra Filippin 2:3, 4.) Il-qofol tal-parir taʼ Pawlu hu li għandna ninnotaw l-abbiltajiet taʼ ħutna u nsemmuhom. Kif inħossuna meta xi ħadd juri interess fil-progress li għamilna? Ġeneralment, dan iqanqalna biex nagħmlu iktar progress, billi jgħinna nkunu rridu nagħtu l-aħjar tagħna. Bl-istess mod, meta nirrikonoxxu l-valur taʼ sħabna fit-twemmin, ngħinuhom jimxu ’l quddiem u jikbru spiritwalment.

10. Min b’mod partikulari forsi jkollu bżonn l-attenzjoni tagħna?

10 Min b’mod partikulari forsi jkollu bżonn l-attenzjoni tagħna? M’għandniex xi ngħidu, minn żmien għal żmien ilkoll kemm aħna neħtieġu ftit attenzjoni speċjali. Xorta waħda, aħwa rġiel żgħażagħ jew li m’ilhomx mgħammdin, verament għandhom bżonn iħossu li huma involuti fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni. Dan se jgħinhom jifhmu li għandhom sehem utli. Il-Bibbja tinkuraġġixxi lil dawn l-aħwa biex jikkwalifikaw għal iktar responsabbiltajiet. (1 Tim. 3:1) Imma jekk ma jħossuhomx apprezzati għax-xogħol li jagħmlu, dan jistaʼ jiskuraġġihom milli jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova.

11. (a) Anzjan kif għen lil wieħed żagħżugħ jagħmel progress? (b) X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Julien?

11 Ludovic, anzjan li bbenefika minn interess bħal dan meta kien iżgħar, jgħid: “Meta nuri interess ġenwin f’xi ħu, hu jagħmel progress iktar malajr.” Rigward Julien, żagħżugħ li kien mistħi, Ludovic jgħid: “Peress li Julien kien xi ftit imferfex, l-imġiba tiegħu ma kinitx tkun naturali meta kien jipprova jagħmel iktar fil-kongregazzjoni. Imma stajt nara li kien qalbu tajba u verament ried jgħin lil oħrajn fil-kongregazzjoni. Għalhekk, minflok ma ddubitajt mill-motivi tiegħu, iffokajt fuq il-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u pprovajt ninkuraġġih.” Maż-żmien, Julien ikkwalifika biex ikun qaddej ministerjali, u issa hu pijunier regulari.

GĦINHOM JILĦQU L-POTENZJAL SĦIĦ TAGĦHOM

12. Xi rridu nagħmlu biex ngħinu lil ħutna? Agħti eżempju.

12 Tajjeb nifhmu li biex ngħinu lil oħrajn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, irridu ninnotawhom. Bħalma jidher fl-esperjenza taʼ Julien, forsi jkollna nħarsu lil hinn mid-dgħufijiet taʼ individwu biex naraw il-kwalitajiet u l-abbiltajiet mill-aħjar tiegħu li jistgħu jiġu żviluppati iktar. Dan hu simili għall-mod kif Ġesù qies lill-appostlu Pietru. Għalkemm Pietru kultant deher li ma kienx sod, Ġesù tah l-isem Kefa, jew Pietru, li jfisser ġebla. Billi għamel hekk hu bassar li Pietru kien se jsir stabbli daqs ġebla.—Ġw. 1:42.

13, 14. (a) Barnaba kif wera dixxerniment fil-każ taż-żagħżugħ Marku? (b) Ħu żagħżugħ kif ibbenefika minn għajnuna bħal dik li rċieva Marku? (Ara l-ewwel stampa.)

13 Barnaba wera dixxerniment simili fil-każ taʼ Ġwanni, li kellu wkoll isem Ruman, Marku. (Atti 12:25) Matul l-ewwel vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu maʼ Barnaba,  Marku mar magħhom “biex jgħinhom,” forsi biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom. Madankollu, meta waslu fil-Pamfilja, Marku ħalla lil Pawlu u Barnaba bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa. Kellhom jivvjaġġaw mingħajru lejn it-Tramuntana, f’reġjun perikoluż. (Atti 13:5, 13) Iżda, x’għamel iktar tard Barnaba? Hu ffoka fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ Marku u mhux fuq in-nuqqasijiet tiegħu. Ma qiesx lil Marku bħala li ma kienx taʼ min joqgħod fuqu. Minflok, Barnaba ħarreġ lil Marku, u b’riżultat taʼ dan, hu sar Kristjan matur. (Atti 15:37-39) Snin wara, Marku kien qed jgħin lil Pawlu, li kien il-ħabs, f’Ruma. U meta Pawlu kiteb lill-Kolossin, tkellem tajjeb dwar Marku. (Kol. 4:10) Immaġina kemm ħassu sodisfatt Barnaba meta Pawlu saħansitra talab għall-għajnuna taʼ Marku.—2 Tim. 4:11.

14 Anzjan jismu Alexandre jiftakar kif ħu kien għenu: “Meta kont iżgħar, kont insibha diffiċli ħafna biex nitlob fil-pubbliku. Anzjan urieni kif nipprepara lili nnifsi u nkun iktar rilassat. Minflok ma waqaf iqabbadni ngħid it-talba, tani opportunitajiet biex nitlob regolarment fil-laqgħat għas-servizz tal-għalqa. Maż-żmien, sirt iktar kunfidenti.”

15. Pawlu kif esprima apprezzament għal ħutu?

15 X’tagħmel meta tara kwalitajiet tajbin fi Kristjani oħrajn? Tfaħħarhom? F’Rumani kapitlu 16, Pawlu faħħar lil iktar minn 20 sieħeb fit-twemmin għal kwalitajiet li għamluhom għeżież għalih. (Rum. 16:3-7, 13) Pereżempju, Pawlu għaraf li Androniku u Ġunja kienu ilhom jaqdu lil Kristu iktar minnu, u b’hekk enfasizza s-sabar Kristjan tagħhom. Pawlu semma wkoll lil omm Rufu għall-mod kif ħadet ħsiebu bl-imħabba.

Frédéric (fuq ix-xellug) inkuraġġixxa lil Rico biex jibqaʼ determinat li jaqdi lil Ġeħova (Ara paragrafu 16)

16. X’jistaʼ jkun ir-riżultat meta nfaħħru lil xi ħadd miż-żgħar?

16 Aħna wkoll jistaʼ jkollna riżultati tajbin meta nfaħħru lil oħrajn. Ikkunsidra l-każ taʼ Rico, tifel żgħir fi Franza, li ħassu skuraġġit għax missieru, li ma kienx tal-istess twemmin, ma riedx li Rico jitgħammed. Rico ħaseb li kien se jkollu jistenna sakemm isir adult biex jaqdi lil Ġeħova bis-sħiħ. Ukoll, ħassu mnikket għax l-iskola kienu jwaqqgħuh għaċ-ċajt. Frédéric, anzjan tal-kongregazzjoni li ntalab jistudja maʼ Rico, jirrakkonta: “Faħħart lil Rico għax oppożizzjoni bħal din kienet turi li kien kuraġġuż biżżejjed biex jesprimi l-fidi tiegħu.” Dan il-kliem taʼ tifħir saħħaħ lil Rico fid-determinazzjoni tiegħu biex jibqaʼ eżemplari u għenu jersaq eqreb lejn missieru. Rico tgħammed meta kellu 12-il sena.

Jérôme (fuq il-lemin) għen lil Ryan biex jikkwalifika bħala missjunarju (Ara paragrafu 17)

17. (a) Kif nistgħu ngħinu lil ħutna rġiel javanzaw? (b) Wieħed missjunarju wera liema interess persunali f’aħwa rġiel żgħażagħ, u b’liema riżultat?

17 Kull darba li nfaħħru lil ħutna għal xi ħaġa tajba li jkunu għamlu, huma se jħossuhom saħansitra mmotivati iktar biex lil Ġeħova jagħtuh l-aħjar tagħhom.  Sylvie, * li ilha taqdi fil-Betel taʼ Franza snin sħaħ, qalet li l-aħwa nisa jistaʼ jkollhom sehem f’li jfaħħru lill-aħwa rġiel. Ħafna drabi, in-nisa jinnotaw dettalji li l-aħwa rġiel forsi ma jinnotawhomx. B’hekk, “il-kliem tagħhom taʼ inkuraġġiment jistaʼ jikkumplimenta dak li jgħidu aħwa rġiel tal-esperjenza.” Hi żiedet tgħid: “Għalija, huwa dmir li nagħti t-tifħir.” (Prov. 3:27) Jérôme, missjunarju fil-Guiana Franċiża, għen lil ħafna rġiel żgħażagħ biex jikkwalifikaw għas-servizz missjunarju. Hu jgħid: “Innotajt li meta nikkumplimenta lill-aħwa rġiel żgħażagħ fuq affarijiet speċifiċi fil-ministeru tagħhom jew għal kummenti maħsubin sew, tikber il-fiduċja tagħhom fihom infushom. Minħabba f’hekk, huma jkomplu jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom.”

18. Għala hu taʼ benefiċċju li naħdmu spalla maʼ spalla m’aħwa rġiel żgħażagħ?

18 Nistgħu wkoll inqanqlu lil sħabna fit-twemmin biex jagħmlu avanz spiritwali billi naħdmu spalla maʼ spalla magħhom. Anzjan forsi jistaʼ jistaqsi lil xi ħu żagħżugħ li jinqalaʼ fil-kompjuter biex jipprintja xi informazzjoni minn fuq jw.org li tistaʼ tkun inkuraġġanti għal dawk avanzati fl-età li m’għandhomx kompjuter. Jew jekk int tkun se tagħmel xi xogħol fis-Sala tas-Saltna, għala ma tistidinx lil xi ħu żagħżugħ biex jaħdem miegħek? Jekk tieħu inizjattiva bħal din se jkollok l-opportunità biex tosserva liż-żgħażagħ, tfaħħarhom, u tara r-riżultati.—Prov. 15:23.

AĦSEB GĦALL-FUTUR

19, 20. Għala għandna ngħinu lil oħrajn biex jagħmlu progress?

19 Meta Ġeħova ħatar lil Ġożwè biex imexxi lill-Iżraelin, Hu kkmanda lil Mosè biex ‘jinkuraġġixxi’ u ‘jsaħħaħ’ lil Ġożwè. (Aqra Dewteronomju 3:28.) Iktar u iktar nies qed jingħaqdu magħna fil-kongregazzjoni taʼ madwar id-dinja. Il-Kristjani kollha—mhux biss l-anzjani—jistgħu jgħinu lill-aħwa rġiel żgħażagħ u lil uħud ġodda biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. B’hekk, iktar u iktar uħud se jidħlu fil-ministeru fultajm, u ħafna iktar se jkunu “kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.”—2 Tim. 2:2.

20 Kemm jekk il-kongregazzjoni tagħna hi kbira u għandha ħafna aħwa tal-esperjenza u kemm jekk aħna parti minn grupp żgħir, ejja naħsbu għall-futur tal-organizzazzjoni. Biex nagħmlu hekk irridu nimitaw lil Ġeħova u nfittxu t-tajjeb f’oħrajn.

^ par. 17 L-isem ġie mibdul.