Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għin lil sħabek fit-twemmin li huma divorzjati—Kif?

Għin lil sħabek fit-twemmin li huma divorzjati—Kif?

X’aktarx li taf lil xi ħadd li hu divorzjat—forsi diversi wħud bħal dawn. Dan għaliex id-divorzju hu komuni mhux ħażin. Pereżempju, riċerka fil-Polonja wriet li nies li għandhom 30 sena u li ilhom miżżewġin bejn tliet u sitt snin x’aktarx li se jiddivorzjaw; u d-divorzju mhuwiex limitat biss għal nies taʼ din l-età.

Fil-fatt, “statistiki juru li [fl-Ewropa] nofs dawk li jiżżewġu se jiddivorzjaw,” jirrapporta istitut li jgħin lill-familji fi Spanja. (Institute for Family Policy) F’pajjiżi żviluppati oħrajn, is-sitwazzjoni hi simili.

IĦOSSU RUXXMATA T’EMOZZJONIJIET IMĦAWDIN

X’jinvolvi d-divorzju? Mara li għandha l-esperjenza f’li tagħti l-pariri lill-miżżewġin fl-Ewropa tal-Lvant osservat: “Id-divorzju jagħmel uffiċjali dak li jkun diġà seħħ—it-tkissir taʼ relazzjoni u s-separazzjoni, xi ħaġa li hi taʼ wġigħ kbir emozzjonalment.” Hi żiedet tgħid li wara jħossu “ruxxmata t’emozzjonijiet qawwijin u estremi—bħal rabja, dispjaċir, diżappunt, disprament, u mistħija.” Kultant dan iġiegħel lil dak li jkun jaħseb dwar li jwettaq suwiċidju. “Meta d-divorzju jiġi finalizzat mill-qorti, tibda l-fażi li jmiss. Minħabba li jħossu ċertu vojt, persuni divorzjati għandhom mnejn jaħsbu: ‘Issa li jien divorzjat, min jien verament? X’inhu l-iskop tiegħi fil-ħajja?’”

Meta tiftakar kif ħassitha ftit tas-snin ilu, Ewa tgħid: “Tgħidx kemm ħassejtni imbarazzata meta, wara li d-divorzju ġie finalizzat, il-ġirien tiegħi u sħabi tax-xogħol kienu jirreferu għalija bħala ‘dik li ddivorzjat.’ Ħassejtni mimlija rabja. Peress li spiċċajt waħdi b’żewġt itfal żgħar, kelli nagħmilha kemm t’omm u kemm taʼ missier għalihom.” * Adam, li qeda bħala anzjan rispettat għal 12-il sena, jgħid: “Tant tlift ir-rispett li kelli lejja nnifsi li kultant inħossni mimli rabja, u nitħajjar nitbiegħed minn kulħadd.”

JISSIELTU BIEX JERĠGĦU JIKSBU L-BILANĊ

Mifnijin bl-ansjetà minħabba l-futur tagħhom, xi wħud jissieltu biex jerġgħu jiksbu l-bilanċ—saħansitra snin wara d-divorzju. Għandhom mnejn jikkonkludu li oħrajn ma jimpurtahomx minnhom. Barra minn hekk, waħda li tikteb fil-gazzetti dwar dan is-suġġett tgħid li issa jkollhom “ibiddlu d-drawwiet tagħhom u jitgħallmu jkampaw mal-problemi waħedhom.”

Stanisław jirrakkonta: “Meta ddivorzjajna, l-eks mara tiegħi ma ħallitnix nara liż-żewġt ibniet  żgħar tiegħi. Dan ġegħelni nħossni li ħadd ma kien għadu jinteressah minni u li saħansitra Ġeħova kien abbandunani. Tlift ix-xewqa li ngħix. Maż-żmien irrealizzajt kemm kien żbaljat il-ħsib tiegħi.” Wanda, li kienet divorzjata, ukoll ma ħassithiex ċerta dwar il-futur tagħha, hi qalet: “Ħassejtni konvinta li wara xi żmien, in-nies—inkluż sħabi fit-twemmin—ma kinux se juru interess fija u fi wliedi. Però, issa nistaʼ nara kemm l-aħwa ħadu ħsiebna u għenuni hekk kif stinkajt biex inrabbi lil uliedi biex isiru qaddejja taʼ Ġeħova.”

Tistaʼ tara minn kummenti bħal dawn li wara d-divorzju xi wħud iħossuhom maħkumin minn emozzjonijiet negattivi. Għandhom mnejn jiżviluppaw ħarsa kerha tagħhom infushom, billi jaħsbu li ma tantx għandhom valur u li ma ħaqqhomx attenzjoni. Flimkien maʼ dan, forsi jibdew jikkritikaw lil dawk taʼ madwarhom. Minħabba f’hekk, jistgħu jibdew iqisu lill-membri tal-kongregazzjoni bħala wħud li ma jagħdruhomx. Iżda esperjenzi bħal dawk taʼ Stanisław u Wanda juru li wħud divorzjati maż-żmien jistgħu jindunaw li ħuthom verament jimpurtahom minnhom. Fil-fatt, sħabhom il-Kristjani jkunu taw għajnuna eċċezzjonali, anki meta din ma tkunx ġiet rikonoxxuta mill-ewwel.

META JĦOSSUHOM WAĦEDHOM U MWARRBIN

Żomm f’moħħok li minkejja l-isforzi mill-aħjar tagħna, sħabna fit-twemmin li huma divorzjati, minn żmien għal żmien, forsi jħossuhom maħkumin mis-solitudni. Aħwa nisa divorzjati b’mod partikulari għandhom mnejn iħossu li ma tantx hemm min jimpurtah minnhom. Alicja tammetti: “Għaddew tmien snin minn meta ddivorzjajt. Però, kultant għadni nħossni inferjuri. F’mumenti bħal dawn, inkun nixtieq ninqataʼ għalija waħdi, ninfexx nibki, u noqgħod nitħassar lili nnifsi.”

Huwa importanti li dawk li huma divorzjati ma jiħduhiex drawwa li jinqatgħu għalihom. (Prov. 18:1) Fl-istess waqt, iridu jifhmu li ma jkunx għaqli li jiħduha drawwa jiftħu qalbhom maʼ xi ħadd tas-sess oppost. Dan jistaʼ jwassal għal sentimenti romantiċi mhux xierqa.

Meta ħutna divorzjati jħossuhom waħedhom, imwarrbin, u ansjużi dwar il-futur, aħna rridu nipprovaw nifhmu s-sentimenti tagħhom u nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinuhom, u b’hekk nimitaw lil Ġeħova. (Salm 55:22; 1 Pt. 5:6, 7) Nistgħu nkunu ċerti li se japprezzaw l-għajnuna li nagħtuhom bħala ħbieb veri.—Prov. 17:17; 18:24.

^ par. 6 Xi ismijiet ġew mibdulin.