Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MILL-ARKIVJI TAGĦNA

“Hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir”

“Hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir”

George Young wasal f’Rio de Janeiro f’Marzu tal-1923

IS-SENA hi l-1923. Is-sala fejn jagħmlu l-kunċerti fi skola tad-drama u l-mużika f’São Paulo hi mimlija daqs bajda! Qed tismaʼ l-leħen sod taʼ George Young? It-taħdita tiegħu qed tiġi interpretata sentenza sentenza bil-Portugiż. Il-585 ruħ li huma preżenti qed jisimgħu b’attenzjoni. Versi Bibliċi bil-Portugiż qed jidhru fuq skrin kbir. Bħala konklużjoni eċċitanti, jitqassmu mitt kopja tal-ktejjeb Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt! bil-Portugiż, flimkien maʼ xi ftit bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, u bit-Taljan. Il-lekċer hi taʼ suċċess! Il-kelma tiġri u jumejn wara, is-sala reġgħet hi mimlija għal lekċer oħra. Imma x’wassal għal dawn il-ġrajjiet?

Fl-1867, Sarah Bellona Ferguson emigrat mill-Istati Uniti għall-Brażil flimkien mal-familja tagħha. Fl-1899, Sarah ndunat li kienet sabet il-verità wara li qrat xi letteratura Biblika li ħuha ż-żgħir kien ġab miegħu l-Brażil mill-Istati Uniti. Peress li riedet taqra iktar mil-letteratura tagħna, hi abbonat għat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż. Tant kemm ħadet pjaċir bil-messaġġ tal-Bibbja, hi kitbet lil Ħuna C. T. Russell, u ddeskriviet lilha nfisha bħala “evidenza ħajja li m’hemm ħadd ’il bogħod wisq biex jintlaħaq.”

Sarah Ferguson għamlet l-almu tagħha biex taqsam il-verità tal-Bibbja m’oħrajn, imma spiss kienet taħseb min kien se jagħti iktar għajnuna lilha, lil familtha, u lin-nies twajbin kollha tal-Brażil. Fl-1912, il-Betel taʼ Brooklyn avżawha li xi ħadd kien sejjer São Paulo b’eluf taʼ fuljetti bit-titlu Fejn Qegħdin il-Mejtin? bil-lingwa Portugiża. Fl-1915, hi qalet li qatt ma setgħet tifhem għala ħafna Studenti tal-Bibbja kienu qed jistennew li dalwaqt jittieħdu fis-sema. Hi esprimiet il-ħarsa tagħha billi kitbet: “Xi ngħidu għall-Brażil u l-Amerika t’Isfel kollha kemm hi? . . . Meta tqis kemm l-Amerika t’Isfel hi parti kbira mid-dinja,  mhuwiex diffiċli biex tara li hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir.” Iva, kellu jsir ħafna iktar xogħol tal-ħsad!

Madwar l-1920, tmien baħrin żgħażagħ Brażiljani attendew xi laqgħat tal-kongregazzjoni fil-belt taʼ New York waqt li l-vapur tal-gwerra tagħhom kien għat-tiswija. Hekk kif marru lura Rio de Janeiro, huma qasmu t-tama ġdida tagħhom mill-Bibbja m’oħrajn. Ftit wara dan, f’Marzu tal-1923, George Young, li kien pellegrin, jew indokratur li jivvjaġġa, wasal f’Rio de Janeiro, fejn sab uħud li kienu interessati fil-verità. Hu għamel arranġamenti biex diversi pubblikazzjonijiet jiġu tradotti bil-Portugiż. Ħuna Young ma damx ma vvjaġġa lejn São Paulo, li dak iż-żmien kienet belt b’xi 600,000 abitant. Hemmhekk għamel il-lekċer u qassam il-ktejjeb Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt!, kif issemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Hu qal: “Peress li kont waħdi kelli niddependi għalkollox mill-irreklamar fil-gazzetti.” Dawn kienu “l-ewwel lekċers pubbliċi li kienu rreklamati f’isem I.B.S.A. fil-Brażil,” hu żied jgħid. *

F’rapport dwar il-Brażil, It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Diċembru 1923 qal: “Meta nqisu li x-xogħol hemmhekk beda fl-1 taʼ Ġunju u li dak iż-żmien ma kienx hemm letteratura disponibbli, huwa tal-għaġeb kif il-Mulej bierek ix-xogħol.” Ir-rapport kompla biex jgħid li l-lekċers pubbliċi taʼ Ħuna Young f’São Paulo kienu 2 mill-21 lekċer li saru bejn l-1 taʼ Ġunju u t-30 taʼ Settembru, u b’kollox attendew għalihom 3,600 persuna. F’Rio de Janeiro, il-messaġġ tas-Saltna kien qed jinfirex. U fi ftit xhur biss, kienu tqassmu iktar minn 7,000 mill-pubblikazzjonijiet tagħna bil-Portugiż! Iktar minn hekk, It-Torri tal-Għassa bil-Portugiż beda jiġi pubblikat mill-ħarġa taʼ Novembru-Diċembru 1923.

Sarah Bellona Ferguson, l-ewwel persuna li abbonat għat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż fil-Brażil

George Young żar lil Sarah Ferguson, u t-Torri tal-Għassa qal hekk: “L-oħt marret fis-salott, u għal xi ħin ma felħitx titkellem. Qabdet id Ħuna Young u hekk kif ħarset fiss lejh fl-aħħar qalet: ‘Int verament pellegrin?’” Hi u wħud minn uliedha ma damux ma tgħammdu. Infatti, kienet ilha tistenna 25 sena biex titgħammed! It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Awwissu 1924 semma li tgħammdu 50 ruħ fil-Brażil, il-biċċa l-kbira minnhom f’Rio de Janeiro.

Issa, xi 90 sena wara, m’hemmx għalfejn nistaqsu: “Xi ngħidu għall-Brażil u l-Amerika t’Isfel kollha kemm hi?” Iktar minn 760,000 Xhud taʼ Ġeħova qed jippritkaw l-aħbar tajba fil-Brażil. U madwar l-Amerika t’Isfel, il-messaġġ tas-Saltna issa qed jixxandar bil-Portugiż, bl-Ispanjol, u b’ħafna lingwi indiġeni. Fl-1915, Sarah Ferguson kellha raġun, ‘Kien hemm iktar xogħol tal-ħsad xi jsir.’—Mill-arkivji tagħna fil-Brażil.

^ par. 6 I.B.S.A. hi taqsira għall-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Internazzjonali tal-Bibbja.