Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni ta’ Ġeħova?

Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni ta’ Ġeħova?

“Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa.” 1 PT. 3:12.

1. Liema organizzazzjoni ħadet post il-ġens t’Iżrael bħala l-poplu magħżul t’Alla? (Ara l-ewwel stampa.)

IL-POPLU taʼ Ġeħova fuq l-art illum jaqdih b’mod li jogħġob Lilu. Fil-passat, il-membri tal-ġens t’Iżrael kienu l-poplu magħżul t’Alla. Imma dawn saru apostati. Ġeħova mbagħad ħalaq ġens ġdid magħmul minn segwaċi taʼ Kristu. Dawn saru organizzazzjoni li rrappreżentat lil Ġeħova. Għalkemm Ġerusalemm inqerdet fis-sena 70 EK, din l-organizzazzjoni ma nqerditx. (Lq. 21:20, 21) F’dawn l-aħħar jiem, il-ġens il-ġdid hu organizzat biex jirrappreżenta lil Ġeħova. Dan mhux se jinqered meta d-dinja taʼ Satana titneħħa għal dejjem. (2 Tim. 3:1) Kif nistgħu nkunu ċerti?

2. Ġesù x’qal dwar ‘it-tribulazzjoni l-kbira,’ u kif se tibda?

2 Ġesù bassar x’kien se jiġri fl-aħħar jiem: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:3, 21)  Din it-tribulazzjoni se tibda meta Ġeħova jeqred lil “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dan se jagħmlu billi juża gvernijiet umani. (Riv. 17:3-5, 16) Imbagħad x’se jiġri?

L-ATTAKK TAʼ SATANA JWASSAL GĦAL ARMAGEDDON

3. Wara li tinqered ir-reliġjon falza, x’se jiġri lill-poplu taʼ Ġeħova?

3 Wara li tinqered ir-reliġjon falza, Satana u d-dinja tiegħu se jattakkaw lill-qaddejja taʼ Ġeħova. Se jidher bħallikieku l-poplu paċifiku taʼ Ġeħova m’għandux protezzjoni. Dwar “Gog taʼ l-art taʼ Magog,” il-Bibbja tgħid: “Int se jkollok titlaʼ. Tiġi bħal maltempata. Tkun bħal sħab li jiksi l-pajjiż, int u l-qtajjaʼ kollha tiegħek u ħafna popli miegħek.” Imma dan l-attakk se jkun żball kbir!—Eżek. 38:1, 2, 9-12.

4, 5. Ġeħova x’se jagħmel meta l-poplu tiegħu jiġi attakkat?

4 Alla kif se jwieġeb għall-isforzi taʼ Satana u s-segwaċi tiegħu biex jeqirdu lill-poplu Tiegħu? Ġeħova se jaqbeż għalihom, u b’hekk juża d-dritt tiegħu bħala s-Sovran Universali. Ġeħova jqis attakk fuq il-qaddejja tiegħu bħala attakk fuqu nnifsu. (Aqra Żakkarija 2:8.) Għalhekk, Missierna tas-sema se jieħu azzjoni minnufih biex isalvana. Dan il-ħelsien se jilħaq il-quċċata tiegħu bil-qerda tad-dinja taʼ Satana f’Armageddon, il-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Riv. 16:14, 16.

5 Rigward Armageddon, il-profezija Biblika tgħid: “‘Ġeħova qiegħed f’kontroversja mal-ġnus. Hu se jkollu xi jgħid mal-bnedmin kollha, u lill-ħżiena jagħtihom għas-sejf,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova. Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, ‘Ara! Se jgħaddi gwaj minn ġens għal ġens, u tempesta kbira se tqum mill-ibgħad partijiet taʼ l-art. U dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-tarf l-ieħor taʼ l-art. Ma jibkuhomx, lanqas jiġbruhom jew jidfnuhom. Bħal demel fuq wiċċ l-art isiru.’” (Ġer. 25:31-33) Armageddon se ġġib tmiem għal din is-sistema mill-agħar. Id-dinja taʼ Satana se tinqered, imma l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova se ssalva.

GĦALA L-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA TKOMPLI TIKBER

6, 7. (a) Minn fejn jiġu dawk li jifformaw ‘il-folla l-kbira’? (b) Liema żieda kien hemm fi snin reċenti?

6 Illum, l-organizzazzjoni t’Alla fuq l-art tkompli tikber għax hi mimlija nies li għandhom l-approvazzjoni t’Alla. Il-Bibbja tgħid: “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom.” (1 Pt. 3:12) In-nies sewwa jinkludu “folla kbira” li “ħarġu mit-tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:9, 14) Dawn l-uħud li jsalvaw mhumiex biss “folla.” Huma “folla kbira”—għadd kbir taʼ nies. Tara lilek innifsek fosthom bħala xi ħadd li salva “mit-tribulazzjoni l-kbira”?

7 Minn fejn jiġu dawk li jifformaw il-folla l-kbira? Qed jinġabru flimkien minħabba dak li bassar Ġesù bħala parti mis-sinjal tal-preżenza tiegħu. Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mt. 24:14) F’dawn l-aħħar jiem, dan hu x-xogħol prinċipali tal-organizzazzjoni t’Alla. Minħabba l-ippritkar u l-attività tat-tagħlim globali tax-Xhieda taʼ Ġeħova, miljuni taʼ nies tgħallmu jqimu lil Alla  “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġw. 4:23, 24) Pereżempju, bejn l-2003 u l-2012, iktar minn 2,707,000 ruħ iddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u tgħammdu. Illum, hemm iktar minn 7,900,000 Xhud, u kull sena miljuni oħrajn jattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Aħna nifirħu li l-folla l-kbira qed tikber malajr u nafu li hu Ġeħova li qed ikabbarha.—1 Kor. 3:5-7.

8. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għala qed tikber daqstant?

8 Kien hemm tkabbir tal-għaġeb fl-għadd taʼ qaddejja t’Alla għax Ġeħova nnifsu qed jappoġġa lix-Xhieda tiegħu. (Aqra Isaija 43:10-12.) Din iż-żieda kienet imbassra f’dan il-kliem profetiku: “Il-wieħed ċkejken isir elf, u ż-żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” (Is. 60:22) Il-fdal midluk, “l-Israel t’Alla,” kienu bħall-“wieħed ċkejken,” imma Ġeħova bierek ix-xogħol tal-ippritkar tagħhom. L-għadd taʼ dawn l-uħud kiber hekk kif midlukin oħrajn iddaħħlu fl-organizzazzjoni t’Alla. (Gal. 6:16) Minħabba l-barka taʼ Ġeħova matul is-snin, iż-żieda tkompli bil-ġbir tal-folla l-kbira.

DAK LI ĠEĦOVA JIRRIKJEDI MINNA

9. Xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-wegħda t’Alla għal futur meraviljuż?

9 Ġeħova wiegħed futur meraviljuż għalina lkoll, kemm jekk aħna minn tal-midlukin u kemm jekk minn tal-folla l-kbira. Biex nibbenefikaw minn din il-wegħda, irridu nobdu l-kmandamenti tiegħu. (Is. 48:17, 18) Pereżempju, Ġeħova kien jirrikjedi li l-Iżraelin jobdu l-Liġi tiegħu. Il-Liġi kienet se tipproteġihom u tgħallimhom kif ikollhom familja hienja u ħbieb tajbin, kif jagħmlu n-negozju b’mod onest, u kif jittrattaw lil oħrajn bil-qalb tajba. (Eżo. 20:14; Lev. 19:18, 35-37; Dt. 6:6-9) L-istess hu minnu għalina llum. Il-kmandamenti t’Alla jipproteġuna u huma għall-ġid tagħna. Mhumiex diffiċli wisq biex nobduhom. (Aqra l-1 Ġwanni 5:3.) Meta nobduhom, ħajjitna tkun iktar hienja, u fuq kollox, tissaħħaħ il-fidi tagħna f’Ġeħova.—Titu 1:13.

10. Għala għandna nwarrbu l-ħin għall-istudju tal-Bibbja u għal-lejla tal-Qima tal-Familja kull ġimgħa?

10 Il-parti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art miexja ’l quddiem b’diversi modi. Pereżempju, il-fehma tagħna tal-verità tal-Bibbja dejjem qed tiċċara. Dan għandna nistennewh, għax “il-mogħdija tan-nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-milja tal-jum.” (Prov. 4:18) Imma kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi: ‘Aġġornat jien mal-bidliet reċenti fil-mod kif nifhmu ċerti skritturi? Hija d-drawwa tiegħi li naqra l-Bibbja kuljum? Inkun ħerqan biex naqra kull pubblikazzjoni ġdida? Għandi lejla kull ġimgħa għall-Qima tal-Familja?’ Il-biċċa l-kbira minna naqblu li mhuwiex diffiċli ħafna li nagħmlu dawn l-affarijiet. Spiss hi sempliċement kwistjoni taʼ li nwarrbu l-ħin biex nagħmluhom. U kemm hu importanti li nieħdu għarfien Skritturali eżatt, napplikawh, u nagħmlu progress spiritwali—speċjalment issa li t-tribulazzjoni l-kbira hi tant fil-viċin!

11. Il-festi tal-qedem u l-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet taʼ żmienna, b’liema modi kienu u għadhom taʼ benefiċċju?

11 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tinkuraġġina nsegwu l-parir taʼ Pawlu:  “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebr. 10:24, 25) Festi annwali u laqgħat oħrajn għall-qima saħħew lill-Iżraelin spiritwalment. Barra minn hekk, ġrajjiet bħall-Festa tal-Għerejjex fi żmien Neħemija kienu okkażjonijiet taʼ ferħ. (Eżo. 23:15, 16; Neħ. 8:9-18) Aħna niksbu benefiċċji simili mil-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet tagħna. Ejja nieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn il-provvedimenti għas-saħħa spiritwali u l-ferħ tagħna.—Titu 2:2.

12. Kif għandna nħossuna dwar ix-xogħol tal-ippritkar?

12 Bħala membri tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, għandna nippritkaw l-aħbar tajba. Dan hu unur kbir għalina. Infatti, fil-Bibbja dan ix-xogħol jissejjaħ “qaddis,” jew sagru. (Rum. 15:16) Meta nippritkaw inkunu qed naħdmu “mal-Qaddis,” Ġeħova. (1 Pt. 1:15; 1 Kor. 3:9) Għandna sehem ukoll f’li nonoraw l-isem qaddis taʼ Ġeħova. Inħossuna ferħanin meta nippritkaw “l-aħbar tajba u glorjuża taʼ l-Alla l-hieni.”—1 Tim. 1:11.

13. Saħħa spiritwali tajba u l-ħajja nfisha minn xiex jiddependu?

13 Alla jridna nżommu saħħa spiritwali tajba billi nibqgħu qrib tiegħu u nappoġġaw lill-organizzazzjoni tiegħu. Mosè qal lill-Iżraelin: “Jien illum insejjaħ is-smewwiet u l-art bħala xhieda kontrikom, li qegħedt il-ħajja u l-mewt quddiemek, il-barka u s-saħta; u trid tagħżel il-ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu; għax hu ħajtek u t-tul taʼ jiemek, biex tgħammar fuq l-art li Ġeħova ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielhom.” (Dt. 30:19, 20) Il-ħajja tagħna tiddependi milli nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, inħobbuh, nobdu kulma jgħidilna, u nibqgħu qrib tiegħu.

14. Wieħed ħu kif ħassu dwar l-organizzazzjoni t’Alla?

14 Ħuna Pryce Hughes, li tgħallem il-verità qabel l-1914, baqaʼ leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni Tiegħu matul ħajtu kollha. Meta kien qed jirrakkonta l-istorja taʼ ħajtu, hu qal li l-iktar lezzjoni importanti li tgħallem kienet li jibqaʼ qrib l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u ma jistrieħx fuq il-ħsieb tal-bniedem. Dan għenu jissaporti l-provi tal-fidi li ffaċċja f’ħajtu. Ħuna Hughes qal li l-uniku mod kif ikollna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova hu billi dejjem insegwu d-direzzjoni tal-organizzazzjoni Tiegħu.

IBQAʼ MIEXI ’L QUDDIEM MAL-ORGANIZZAZZJONI T’ALLA

15. Liema eżempju Bibliku jgħallimna kif għandna nirreaġixxu meta jkun hemm aġġustamenti fil-fehma tagħna?

15 Biex ikollna l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova bħala individwi, irridu nappoġġaw l-organizzazzjoni tiegħu u naċċettaw aġġustamenti fil-fehma tagħna tal-Iskrittura. Ikkunsidra dan: Wara l-mewt taʼ Ġesù, kien hemm eluf taʼ Kristjani Lhud li kienu żelużi għal-Liġi u sabuha diffiċli biex ma jibqgħux isegwuha. (Atti 21:17-20) Imma Pawlu kkoreġiehom u għenhom jaraw li kien is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, mhux is-sagrifiċċji tal-annimali, li għamilha possibbli  li jinħafru d-dnubiet. (Ebr. 10:5-10) Bla dubju, il-biċċa l-kbira minn dawn il-Kristjani li kienu taʼ dixxendenza Lhudija aġġustaw il-ħsib tagħhom u mxew ’il quddiem spiritwalment. Aħna wkoll irridu nistudjaw b’mod diliġenti u jkollna moħħ miftuħ meta jkun hemm aġġustamenti fil-fehma tal-Kelma t’Alla jew fix-xogħol tagħna tal-ippritkar.

16. (a) Il-ħajja fil-Ġenna tal-art għala se tkun meraviljuża? (b) Int għal liema affarijiet qed tħares ’il quddiem fid-dinja l-ġdida?

16 Dawk kollha li jibqgħu leali lejn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu se jkollhom il-barka kontinwa tiegħu. Il-midlukin leali se jgawdu privileġġi kbar bħala werrieta bi sħab maʼ Kristu fis-sema. (Rum. 8:16, 17) Jekk it-tama tagħna hi għall-art, immaġina kemm se jkun meraviljuż li ngħixu fil-Ġenna tal-art. Bħala parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kemm inħossu ferħ issa meta ngħidu lil oħrajn dwar id-dinja l-ġdida mwiegħda t’Alla! (2 Pt. 3:13) Salm 37:11 jgħid: “Il-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” In-nies “se jibnu djar u jgħammru fihom” u se jgawdu “xogħol idejhom.” (Is. 65:21, 22) Mhux se jkun hemm iktar moħqrija, faqar, u ġuħ. (Salm 72:13-16) Ir-reliġjon falza mhux se tibqaʼ tgħallem gideb dwar Alla, għax se tinqered. (Riv. 18:8, 21) Il-mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Is. 25:8; Atti 24:15) Xi prospetti eċċitanti hemm għal miljuni taʼ wħud li ddedikaw ruħhom lil Ġeħova! Biex dawn il-wegħdi Skritturali jsiru realtà għalina bħala individwi, irridu nsaħħu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova u nibqgħu mexjin ’il quddiem mal-organizzazzjoni tiegħu.

17. X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn il-qima taʼ Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu?

17 Bit-tmiem taʼ din is-sistema tant fil-qrib, ejja nibqgħu sodi fil-fidi u nuru gratitudni għall-arranġament li Alla għamel għall-qima. Din kienet l-attitudni tas-salmista David, li kanta: “Ħaġa waħda tlabt mingħand Ġeħova—lilha se nfittex, li ngħammar fid-dar taʼ Ġeħova l-jiem kollha taʼ ħajti, biex nara s-sbuħija taʼ Ġeħova u biex inħares b’apprezzament lejn it-tempju tiegħu.” (Salm 27:4) Jalla kull wieħed u waħda minna jibqaʼ qrib t’Alla, iżomm il-pass mal-poplu Tiegħu, u jibqaʼ miexi ʼl quddiem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.