Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda t’Alla’

‘L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda t’Alla’

Int biex titgħaxxaq ħafna? B’xi aspett tar-relazzjonijiet umani, bħaż-żwieġ, it-trobbija tal-familja, jew l-iżvilupp taʼ xi ħbiberija? X’aktarx li int tieħu pjaċir tiekol xi ikla mal-maħbubin tiegħek. Iżda bħala qaddej taʼ Ġeħova, ma titgħaxxaqx speċjalment f’li tagħmel ir-rieda t’Alla, tistudja l-Kelma tiegħu, u tipprietka l-aħbar tajba?

F’għanja li tfaħħar lill-Ħallieq, is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kanta: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-liġi tiegħek qiegħda fil-ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) Minkejja t-tbatijiet u l-pressjonijiet li ffaċċja fil-ħajja, David ġenwinament kien jitgħaxxaq jagħmel ir-rieda t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, David ma kienx l-uniku aduratur taʼ Ġeħova li kien jieħu pjaċir jaqdi lill-Alla l-veru.

L-appostlu Pawlu applika l-kliem taʼ Salm 40:8 għall-Messija, jew Kristu, meta kiteb: “Meta [Ġesù] jiġi fid-dinja jgħid: ‘“Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ħejjejt ġisem għalija. Int m’approvajtx offerti tal-ħruq sħaħ u offerti għad-dnub.” Imbagħad jien għedt, “Ara! Ġejt (fir-romblu tal-ktieb hemm miktub dwari) biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla.”’”—Ebr. 10:5-7.

Waqt li kien fuq l-art, Ġesù kienu jieħu gost josserva l-ħolqien, ikun mal-ħbieb, u jiekol xi ikla m’oħrajn. (Mt. 6:26-29; Ġw. 2:1, 2; 12:1, 2) Però, l-interess ewlieni u l-akbar għaxqa tiegħu kienu li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru tas-sema. Infatti, Ġesù qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġw. 4:34; 6:38) Mingħand Sidhom, id-dixxipli taʼ Ġesù tgħallmu s-sigriet taʼ hena veru. B’ferħ kbir, huma minn jeddhom u b’ħerqa qasmu l-messaġġ tas-Saltna m’oħrajn.—Lq. 10:1, 8, 9, 17.

“MORRU U AGĦMLU DIXXIPLI”

Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:19, 20) Biex inwettqu dan l-inkarigu jinvolvi li nippritkaw lin-nies kull fejn jinsabu, li nagħmlu  żjajjar lura fuq dawk li jkunu wrew interess, u li nikkonduċu studji tal-Bibbja maʼ dawn l-individwi. Dan ix-xogħol jistaʼ jġib ferħ kbir.

L-imħabba tqanqalna nkomplu nippritkaw minkejja kwalunkwe apatija li niffaċċjaw

Kemm jekk in-nies juru interess fil-messaġġ tagħna u kemm jekk le, il-ferħ li nsibu fil-ministeru jiddependi ħafna mill-attitudni tagħna. Għala nkomplu nxandru l-aħbar tajba avolja forsi niffaċċjaw xi apatija jew indifferenza? Għax nifhmu li meta nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli nkunu qed nuru li nħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna. Tabilħaqq, hemm il-ħajjiet fin-nofs—tagħna stess u tal-ġirien tagħna. (Eżek. 3:17-21; 1 Tim. 4:16) Ejja nikkunsidraw xi punti li għenu lil ħafna mill-ħaddiema sħabna jżommu jew iġeddu ż-żelu tagħhom għall-ministeru f’territorji taʼ sfida.

UŻA KULL OPPORTUNITÀ

Jekk nużaw mistoqsijiet xierqa fil-ministeru tagħna spiss se jkollna riżultati tajbin. Għodwa minnhom, Amalia rat lil wieħed raġel jaqra l-gazzetta fi ġnien pubbliku. Hi resqet lejh u staqsietu jekk kienx qara xi aħbar tajba. Meta wiġibha li le, Amalia qalet, “Jien għandi aħbar tajba għalik dwar is-Saltna t’Alla.” Dan qanqal l-interess tar-raġel, u hu aċċetta studju tal-Bibbja. Infatti, Amalia rnexxielha tibda tliet studji tal-Bibbja f’dan il-ġnien.

Janice għamlet il-post tax-xogħol tagħha territorju fejn tipprietka. Meta wieħed mis-security guards u dik li kienet taħdem miegħu wrew interess f’artiklu li kien hemm fit-Torri tal-Għassa, Janice offriet li tiħdilhom ir-rivisti fuq bażi regulari. Għamlet l-istess għal raġel ieħor li kien jaħdem magħha u li baqaʼ affaxxinat bil-varjetà taʼ suġġetti li hemm fit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Dan wassal biex saħansitra ħaddiema oħra titlobha r-rivisti. “X’barka mingħand Ġeħova!” tgħid Janice. Eventwalment kienet tieħu r-rivisti regolarment lil 11-il persuna fuq ix-xogħol.

KUN POŻITTIV

Indokratur li jivvjaġġa ta suġġeriment lill-pubblikaturi biex fil-ministeru minn dar għal dar ma jtemmux il-konversazzjoni tagħhom maʼ inkwilin sempliċement billi jgħidu li se jerġgħu jżuruh ġurnata oħra. Minflok, jistgħu jistaqsu lill-individwu: “Tixtieq li nurik kif isir studju tal-Bibbja?” jew, “Liema ġurnata u fi x’ħin tixtieq li nerġaʼ niġi biex inkomplu d-diskussjoni tagħna?” L-indokratur li jivvjaġġa qal li permezz taʼ dan il-metodu, l-aħwa f’kongregazzjoni waħda fejn kien qed iżur bdew 44 studju tal-Bibbja fid-djar f’ġimgħa waħda.

Jistaʼ jkun effettiv mhux ħażin meta nagħmlu żjajjar lura bla dewmien—saħansitra ftit jiem wara l-ewwel żjara. Għala? Għax meta nagħmlu hekk nuru li verament irridu ngħinu lil dawk taʼ  qalb onesta biex jifhmu l-Bibbja. Meta ntalbet tgħid għala aċċettat studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, waħda mara qalet, “Bdejt nistudja għax urew interess fija u mħabba sinċiera.”

Forsi tistaʼ tistaqsi lill-inkwilin, “Tixtieq li nurik kif isir studju tal-Bibbja?”

Ftit żmien wara li attendiet l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier, Madaí kienet qed tikkonduċi 15-il studju tal-Bibbja u kienet tat 5 studji oħra lil pubblikaturi oħrajn. Diversi wħud mill-istudenti tagħha bdew jattendu l-laqgħat tagħna regolarment. X’għen lil Madaí tibda daqstant studji tal-Bibbja? L-iskola enfasizzat il-bżonn li tibqaʼ tmur lura sakemm issib lil dawk li jkunu wrew interess fl-ewwel żjara. Xhud oħra li għenet lil ħafna jitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja tgħid, “Tgħallimt li l-perseveranza fiż-żjajjar lura hi importanti ferm biex ngħin lin-nies li jridu jsiru jafu lil Ġeħova.”

Meta nagħmlu ż-żjajjar lura bla dewmien nuru li verament jinteressana minn dawk li jridu jifhmu l-Bibbja

Li nagħmlu żjajjar lura u nikkonduċu studji tal-Bibbja jirrikjedi sforz diliġenti. Madankollu, il-barkiet jisbqu bil-kbir l-isforz kollu meħtieġ. Billi nħabirku fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna, nistgħu ngħinu lil oħrajn biex “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità,” u dan jistaʼ jfisser salvazzjoni għalihom. (1 Tim. 2:3, 4) Għalina, jistaʼ jirriżulta f’sodisfazzjon kbir u ferħ liema bħalu.