Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Segwi r-Regola tad-Deheb fil-ministeru tiegħek

Segwi r-Regola tad-Deheb fil-ministeru tiegħek

“Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”MT. 7:12.

1. Jagħmel differenza l-mod kif nittrattaw lin-nies fil-ministeru? Agħti eżempju. (Ara l-ewwel stampa.)

FTIT tas-snin ilu, koppja Kristjana fil-Fiġi kienu qed jieħdu sehem f’kampanja biex jistiednu lin-nies għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Kif kienu qed jitkellmu maʼ mara barra d-dar tagħha, bdiet tqattar ix-xita. Il-ħu u martu taw waħda mill-umbrelel tagħhom lill-mara. Il-mara tant baqgħet impressjonata b’dan li ddeċidiet li tattendi għat-Tifkira. Iktar tard hi qalet li ma tantx tiftakar minn dak li l-koppja qalulha, imma tiftakar il-mod kif trattawha. Il-koppja kienu segwew dik li spiss tissejjaħ ir-Regola tad-Deheb.

2. X’inhi r-Regola tad-Deheb, u kif nistgħu napplikawha?

2 X’inhi r-Regola tad-Deheb? Din hi l-parir li ta Ġesù meta qal: “Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mt. 7:12) Kif nistgħu napplikaw din ir-regola? L-ewwel, staqsi lilek innifsek, ‘Li kieku kont minflok il-persuna l-oħra, kif nixtieq li niġi trattat?’ It-tieni, agħmel l-almu tiegħek biex tittratta lill-persuna l-oħra b’dan il-mod.—1 Kor. 10:24.

3, 4. (a) Spjega għala r-Regola tad-Deheb ma tapplikax biss maʼ sħabna fit-twemmin. (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Kien Ġesù qed jgħid li għandna nsegwu r-Regola  tad-Deheb maʼ sħabna fit-twemmin biss? Le, hu kien qed jitkellem dwar kif għandna nittrattaw lin-nies inġenerali, inkluż l-għedewwa tagħna. (Aqra Luqa 6:27, 28, 31, 35.) Mela jekk għandna napplikaw ir-Regola tad-Deheb mal-għedewwa tagħna, kemm iktar għandna nagħmlu dan meta nippritkaw lin-nies li ħafna minnhom jistgħu jwieġbu b’mod favorevoli għall-aħbar tajba u jiksbu “l-ħajja taʼ dejjem”!—Atti 13:48.

4 Issa se niddiskutu erbaʼ mistoqsijiet biex inżommuhom f’moħħna meta nkunu fil-ministeru. Min huma l-individwi li qed inkellem? Fejn qed inkellimhom? Meta hu l-aħjar ħin biex inkellem lin-nies? Kif għandi nkellimhom? Kif se naraw, dawn il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nifhmu kif in-nies jixtiequ li jiġu trattati. Imbagħad se nkunu nafu x’inhu l-aqwa mod li bih għandna nkellmu lil kull individwu.—1 Kor. 9:19-23.

MIN HU L-INDIVIDWU LI QED INKELLEM?

5. Liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

5 Fil-ministeru tagħna, normalment inkellmu lil individwi, u kull individwu huwa uniku u għandu l-problemi tiegħu. (2 Kron. 6:29) Meta tipprova taqsam l-aħbar tajba maʼ xi ħadd, staqsi lilek innifsek: ‘Li kieku kont minflok il-persuna l-oħra, kif nixtieq li niġi trattat? Nixtieq li xi ħadd jaqbad u jasal għal konklużjoni dwari jew jiġġudikani qabel ma jsir jafni? Jew inkun nixtieq li jsir jafni bħala individwu?’ Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nsegwu r-Regola tad-Deheb u nittrattaw lil kull inkwilin b’mod individwali.

6, 7. X’għandna nagħmlu jekk niltaqgħu maʼ xi ħadd fil-ministeru li jidher li jkun irrabjat jew maledukat?

6 Pereżempju, bħala Kristjani, aħna nagħmlu l-almu tagħna biex napplikaw il-parir tal-Bibbja biex kliemna jkun “dejjem kollu ħlewwa.” (Kol. 4:6) Madankollu, aħna imperfetti u kultant ngħidu xi ħaġa li iktar tard jiddispjaċina. (Ġak. 3:2) Meta jiġri hekk, nittamaw li dak li jkun jifhem li aħna mhux is-soltu tagħna naġixxu hekk. Ma nkunux irridu li jiddeskrivina bħala persuna maledukata. Li nkunu nafu dan jgħinna nifhmu li anki nies li jkunu maledukati magħna, iktar tard, jistaʼ jiddispjaċihom għal dak li jkunu qalu.

7 Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li donnu jkun irrabjat jew maledukat miegħek, tistaʼ int tipprova tifhem għala qed jaġixxi hekk? Jistaʼ jkun li qiegħed taħt pressjoni x-xogħol jew l-iskola? Għandu hu xi marda serja? Ħafna nies li xejn ma ħadu pjaċir meta ltaqgħu max-Xhieda taʼ Ġeħova l-ewwel darba, wieġbu b’mod favorevoli meta ġew trattati bil-ħlewwa u bir-rispett.—Prov. 15:1; 1 Pt. 3:15.

8. Għala għandna nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna lil “nies taʼ kull xorta”?

8 Fil-ministeru tagħna nilħqu lil kull tip taʼ individwi. Pereżempju, f’dawn l-aħħar ftit snin ġew pubblikati iktar minn 60 esperjenza fis-serje “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet” fit-Torri tal-Għassa. Xi nies li jissemmew f’dawn l-artikli qabel kienu ħallelin, sakranazzi, membri taʼ xi marmalja, jew drogati. Oħrajn kienu politikanti, mexxejja reliġjużi, jew jimpurtahom biss mill-karrieri tagħhom. Xi wħud kienu qed jgħixu ħajja immorali. Madankollu, ilkoll kemm huma semgħu l-aħbar tajba, aċċettaw studju tal-Bibbja, għamlu bidliet f’ħajjithom, u daħlu fil-verità. Għalhekk, qatt m’għandna nassumu li ċerti nies qatt mhuma se jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna. (Aqra  l-1 Korintin 6:9-11.) Minflok, nirrikonoxxu li “nies taʼ kull xorta” jistgħu jidħlu fil-verità.—1 Kor. 9:22.

FEJN QED INKELLIMHOM LIN-NIES?

9. Għala għandna nuru rispett għad-dar t’oħrajn?

9 Spiss aħna nkellmu lin-nies meta jkunu d-dar. (Mt. 10:11-13) Id-dar tagħna hi importanti għalina, għalhekk nieħdu pjaċir meta oħrajn juru rispett għad-dar u l-proprjetà persunali tagħna. Irridu li darna tkun post fejn inħossuna moħħna mistrieħ u jkollna l-privatezza. Meta nkunu qed inkellmu lin-nies, għandna nuru l-istess rispett għad-dar tagħhom.Atti 5:42.

10. Kif nistgħu nevitaw li ndejqu lil oħrajn meta nkunu qed nippritkaw?

10 Qed ngħixu f’dinja mimlija kriminalità, u ħafna inkwilini jissuspettaw f’min ma jafux. (2 Tim. 3:1-5) Aħna m’għandna nagħmlu xejn li jġiegħel lin-nies jissuspettaw ħażin fina. Pereżempju, ejja ngħidu li tħabbat fuq bieb taʼ dar u ħadd ma jiftaħ. Għandek mnejn titħajjar tittawwal minn xi tieqa jew iddur mal-proprjetà biex tfittex lill-inkwilin. Forsi tagħmel hekk għax tixtieq issib kemm jistaʼ jkun nies meta tkun qed tipprietka. (Atti 10:42) Int sinċerament tixtieq tgħin lin-nies jitgħallmu l-verità dwar Alla. (Rum. 1:14, 15) Imma fit-territorju tiegħek, idejjaq dan lill-inkwilin? X’jistgħu jaħsbu l-ġirien tiegħu? Jeħtieġ li nkunu għaqlin u nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ddejjaq lin-nies fit-territorju tagħna. L-appostlu Pawlu kiteb: “Bl-ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-ministeru tagħna.” (2 Kor. 6:3) In-nies fit-territorju tagħna għandhom mnejn jinġibdu lejn il-verità meta aħna nuru rispett għad-dar u l-proprjetà tagħhom.—Aqra l-1 Pietru 2:12.

META HU L-AĦJAR ĦIN BIEX INKELLEM LIN-NIES?

11. Għala napprezzaw meta oħrajn juru rispett għall-ħin tagħna?

11 Bħala Kristjani, il-biċċa l-kbira minna għandna ħajja mgħaġġla. Sabiex illaħħqu mal-obbligi tagħna, nagħmlu prijoritajiet u nippjanaw l-iskeda tagħna bir-reqqa. (Efes. 5:16; Flp. 1:10) Jekk xi ħaġa tfixkel l-iskeda tagħna, għandu mnejn inħossuna frustrati. Għalhekk, napprezzaw meta oħrajn juru rispett għall-ħin tagħna u jifhmu wkoll li forsi ma tantx għandna ħin xi nqattgħu magħhom. Billi nżommu r-Regola tad-Deheb f’moħħna, kif nistgħu nuru rispett lejn dawk li nippritkawlhom?

12. Kif nistgħu niddeċiedu meta hu l-aħjar ħin biex inkellmu lin-nies fit-territorju tagħna?

12 Meta hu l-aħjar ħin biex inkellmu lin-nies? Staqsi lilek innifsek: ‘Fit-territorju tiegħi, ġeneralment in-nies meta jkunu d-dar? Meta se jkollhom il-ħin biex jisimgħu?’ Nagħmlu tajjeb jekk naġġustaw l-iskeda tagħna biex inkellmuhom f’dawk il-ħinijiet. F’xi partijiet tad-dinja, ikun aħjar jekk immorru minn dar għal dar tard waranofsinhar jew kmieni filgħaxija. Jekk dan hu minnu fejn toqgħod int, tistaʼ tippjana biex tkellem lin-nies matul dak il-ħin tal-ġurnata? (Aqra l-1 Korintin 10:24.) Nistgħu nkunu ċerti li jekk nippritkaw lin-nies f’ħin li jkun l-aħjar għalihom, Ġeħova se jbierek kwalunkwe sagrifiċċju li nagħmlu.

13. Kif nistgħu nuru rispett lejn l-inkwilin?

13 Kif nistgħu nuru iktar rispett lejn dak li jkun? Meta nsibu lil xi ħadd li  jagħti widen, għandna nagħtu xhieda tajba imma m’għandniex indumu nkellmuh iżżejjed. L-inkwilin għandu mnejn ikun warrab dak il-ħin biex jagħmel xi ħaġa oħra li għalih hi importanti. Jekk jgħidilna li għandu x’jagħmel, aħna nistgħu ngħidu li mhux se ndumu—u għandna nżommu kelmitna. (Mt. 5:37) Meta ntemmu konversazzjoni, nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lill-individwu meta jkun tajjeb għalih li nerġgħu mmorru. Xi pubblikaturi sabuh effettiv li jgħidu: “Nixtieq li nerġaʼ ngħaddilek. X’taħseb, ikun aħjar jekk qabel niġi nċempillek jew nibgħatlek messaġġ?” Meta nadattaw ruħna għall-iskeda tan-nies fit-territorju, inkunu qed insegwu l-eżempju taʼ Pawlu, li ma kienx qed ‘ifittex dak li jaqbel lilu imma dak li jaqbel lil ħafna, sabiex jiġu salvati.’—1 Kor. 10:33.

KIF GĦANDI NKELLEM LIN-NIES?

14-16. (a) Għalfejn għandna ngħidu ċar u tond lin-nies għala qed inżuruhom? Agħti eżempju. (b) Indokratur li jivvjaġġa liema metodu sab effettiv?

14 Immaġina li jum fost l-oħrajn nirċievu telefonata imma ma nagħrfux il-leħen. Ma nafux min hu, imma jistaqsina x’tip taʼ ikel nippreferu nieklu. Aħna nibdew nitħassbu min hu li ċempel u xi jrid verament. Biex ma nkunux maledukati, forsi nitkellmu ftit miegħu imma mbagħad nuruh li nippreferu ntemmu l-konversazzjoni. Min-naħa l-oħra, immaġina li dak li ċempel qalilna min hu u qalilna li xogħlu hu li jgħin lin-nies jieklu ikel tajjeb għas-saħħa. Hu jispjegalna  li għandu xi informazzjoni utli. X’aktarx se nkunu iktar lesti li nisimgħuh. Infatti, aħna napprezzaw meta dak li jkun jgħidilna mill-ewwel min hu meta jkellimna. Kif nistgħu nuru l-istess rispett lejn in-nies li niltaqgħu magħhom?

15 F’ħafna territorji għandna ngħidu ċar u tond lill-inkwilin għala qed inżuruh. Veru li għandna informazzjoni taʼ valur u li l-inkwilin għandu bżonnha. Iżda immaġina li ma ngħidux min aħna u għala qegħdin hemm imma sempliċement naqbdu u nibdew il-preżentazzjoni tagħna b’mistoqsija bħal din: “Kieku tistaʼ ssolvi problema fid-dinja, liema waħda tkun?” Aħna nistaqsu l-mistoqsija biex insiru nafu x’jaħseb l-inkwilin u mbagħad nidderieġu l-konversazzjoni lejn il-Bibbja. Madankollu, l-inkwilin forsi jibda jaħseb: ‘Dan min hu, u għala qed jistaqsini din il-mistoqsija? Xi jrid verament?’ Aħna rridu li l-inkwilin iħossu komdu jkellimna. (Flp. 2:3, 4) Kif nistgħu nagħmlu dan?

16 Indokratur li jivvjaġġa sab effettiv il-metodu li ġej. Wara li jsellem lill-inkwilin, jagħtih kopja tal-fuljett Tixtieq Tkun Taf il-Verità? u jgħid: “Illum qed nagħtu wieħed bħal dan lil kull min joqgħod f’dawn l-inħawi. Dan jiddiskuti sitt mistoqsijiet li jistaqsu ħafna nies. Din hi l-kopja tiegħek.” Il-ħu jgħid li meta n-nies ikunu jafu għala qed iżurhom, ħafna donnhom jirrilassaw u jkun iktar faċli li jkompli l-konversazzjoni. Il-ħu mbagħad isaqsi lill-inkwilin: “Qatt ħsibt dwar xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet?” Jekk l-inkwilin jagħżel waħda, il-ħu jiftaħ il-fuljett u jiddiskuti x’tgħid il-Bibbja dwar dik il-mistoqsija. Jekk le, il-ħu jagħżel mistoqsija u jkompli l-konversazzjoni mingħajr ma jġiegħel lill-inkwilin iħossu skomdu. Naturalment, hemm ħafna modi kif tibda konversazzjoni. F’xi pajjiżi, jeħtieġ li nsegwu ċerti drawwiet meta nsellmu lin-nies qabel ma ngħidulhom għala qegħdin hemm. Jeħtieġ nifhmu li huwa importanti li naġġustaw il-preżentazzjoni tagħna sabiex in-nies ikunu jridu jisimgħu l-messaġġ tagħna.

IBQAʼ SEGWI R-REGOLA TAD-DEHEB META TIPPRIETKA

17. X’inhuma xi modi li bihom nistgħu nsegwu r-Regola tad-Deheb meta nippritkaw?

17 X’tgħallimna li jistaʼ jgħinna nsegwu r-Regola tad-Deheb meta nippritkaw? Li għandna nittrattaw lil kull inkwilin b’mod individwali. Nuru rispett għad-dar u l-proprjetà persunali taʼ dak li jkun. Nistinkaw biex nieħdu sehem fil-ministeru f’ħin li x’aktarx in-nies ikunu d-dar u jkunu iktar lesti li jisimgħu. U nintroduċu l-messaġġ tagħna b’tali mod li n-nies fit-territorju tagħna jkunu jridu jisimgħu.

18. Għala jkun tajjeb li nittrattaw lil dawk fit-territorju tagħna bħalma nixtiequ li niġu trattati aħna?

18 Ikun hemm ħafna benefiċċji meta nittrattaw lil dawk fit-territorju tagħna bħalma nixtiequ li niġu trattati aħna. Billi nuru ħlewwa u konsiderazzjoni, inkunu qed inħallu d-dawl tagħna jiddi, nenfasizzaw il-valur tal-prinċipji Skritturali, u nagħtu glorja lil Missierna tas-sema. (Mt. 5:16) Jistaʼ jkun li iktar nies ikunu jridu jitgħallmu l-verità meta nuruhom rispett. (1 Tim. 4:16) Kemm jekk dawk li nippritkawlhom jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna u kemm jekk le, aħna għandna s-sodisfazzjon li nafu li qed nagħmlu l-almu tagħna biex inwettqu l-ministeru tagħna. (2 Tim. 4:5) Jalla kull wieħed minna jimita lill-appostlu Pawlu, li kiteb: “Nagħmel kollox minħabba l-aħbar tajba, biex naqsam dan il-messaġġ m’oħrajn.” (1 Kor. 9:23) Għaldaqstant, ejja dejjem insegwu r-Regola tad-Deheb fil-ministeru tagħna.