Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Ġeħova verament għenni

Ġeħova verament għenni

Ftit wara li żżewwiġt lill-għażiża marti, Evelyn, wasalna Hornepayne, belt żgħira f’parti iżolata fit-Tramuntana taʼ Ontario, il-Kanada. Kien filgħodu kmieni u kienet kesħa xxoqq il-għadam meta ħu ġie għalina l-istazzjon tal-ferrovija. Wara li ħadna kolazzjon tajjeb miegħu, maʼ martu, u m’ibnu, imxejna fis-silġ hekk kif ippritkajna minn dar għal dar. Dakinhar stess, wara nofsinhar, tajt l-ewwel taħdita pubblika bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Konna ħamsa fl-attendenza; ma ġie ħadd iktar.

FIR-realtà, dik l-udjenza żgħira għat-taħdita tiegħi fl-1957 xejn ma dejqitni. Jien minn dejjem kont nistħi ħafna. Infatti, meta kont żgħir kont immur ninħeba meta kien jiġi xi ħadd id-dar, anki jekk kont inkun nafu.

Allura għandek mnejn tibqaʼ sorpriż li ssir taf li f’ħafna mill-inkarigi tiegħi fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kien neċessarju li jien naħdem maʼ ħafna nies—kemm ħbieb kif ukoll nies li ma nafhomx. Kif inhu possibbli li persuna mistħija u li mhijiex kunfidenti tagħmel dan? Mhux bis-saħħa tiegħi stess. Ġeħova dejjem għenni nwettaq l-inkarigi li ngħatajt. Hu żamm kelmtu: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.” (Is. 41:10) Wieħed mill-aqwa modi li Ġeħova għenni hu permezz tal-appoġġ tal-Kristjani sħabi. Ħalli ngħidilkom dwar xi wħud minnhom, billi nibda minn meta kont żgħir.

HI UŻAT BIBBJA U KTIEB ISWED ŻGĦIR

Kien il-Ħadd filgħodu, jum xemxi fl-1940, meta Elsie Huntingford ġiet tħabbat ir-razzett tal-familja tagħna fil-Lbiċ taʼ Ontario. Ommi marret tiftaħ il-bieb filwaqt li missieri—li kien jistħi bħali—baqaʼ ġewwa  miegħi u beda jissemma. Peress li ħaseb li Oħtna Huntingford marret hemm biex tbigħ xi ħaġa u li ommi kienet se tispiċċa tixtri xi ħaġa li ma kellniex bżonn, fl-aħħar missieri mar ħdejhom u qal li ma konniex interessati. Oħtna Huntingford staqsiet: “M’intomx interessati fi studju tal-Bibbja?” “U żgur li aħna interessati f’dan,” wieġeb missieri.

Oħtna Huntingford ma setgħetx iżżurna fi żmien aħjar. Il-ġenituri tiegħi kienu membri attivi ħafna tal-United Church tal-Kanada imma kienu għadhom kif iddeċidew li jitilqu mill-knisja. Għala? Minħabba li l-qassis kien jagħmel lista fejn setaʼ jaraha kulħadd bl-ismijiet taʼ dawk kollha li jkunu taw xi flus, imniżżlin skont l-ammont li jkunu taw. Il-ġenituri tiegħi, li ma tantx kellhom flus, normalment kienu jkunu lejn l-aħħar tal-lista, u l-mexxejja tal-knisja kienu jagħmlulhom pressjoni biex jagħtu iktar. Raġuni oħra għala telqu kienet minħabba li wieħed mill-qassisin ammetta li kien jitlef xogħlu li kieku kien jgħallem dak li jemmen verament. Għaldaqstant, tlaqna mill-knisja imma xorta ridna nqimu lil Alla u nitgħallmu dwaru.

Ladarba x-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova kien projbit fil-Kanada f’dak iż-żmien, Oħtna Huntingford kienet tikkonduċi l-istudju mal-familja tagħna billi tuża biss il-Bibbja u xi noti li kellha fi ktieb iswed żgħir. Meta iktar tard indunat li ma konniex se nikxfuha mal-awtoritajiet, hi tatna xi pubblikazzjonijiet Bibliċi. Wara li kien jispiċċa kull studju konna naħbu sew il-pubblikazzjonijiet. *

Minkejja l-oppożizzjoni u ostakli oħrajn, Oħtna Huntingford kienet tipprietka l-aħbar tajba biż-żelu. Iż-żelu tagħha impressjonani u qanqalni biex nieħu l-waqfa tiegħi għall-verità. Sena wara li l-ġenituri tiegħi tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla. Jien tgħammidt fis-27 taʼ Frar 1949, f’ħawt li l-bdiewa kienu jużawh biex jisqu l-annimali. Kelli 17-il sena. Wara dan, kont determinat li nidħol fil-ministeru fultajm.

ĠEĦOVA GĦENNI NKUN KURAĠĠUŻ

Bqajt sorpriż meta stidnuni biex immur naqdi f’Betel fl-1952

Ma bdejtx naqdi bħala pijunier mill-ewwel.  Għal xi żmien, kont naħdem f’bank u f’uffiċċju għax kont ikkonvinċejt lili nnifsi li kelli bżonn il-flus biex inkun nistaʼ nagħmel pijunier. Madankollu, bħala żagħżugħ mingħajr esperjenza, il-flus lanqas kont nilħaq naqlagħhom li ma nonfoqhomx. Allura, ħu jismu Ted Sargent ħeġġiġni biex inkun kuraġġuż u nafda f’Ġeħova. (1 Kron. 28:10) B’dik l-imbottatura żgħira, bdejt naqdi bħala pijunier f’Novembru tal-1951. Kelli biss 40 dollaru, rota użata, u basket tas-servizz ġdid. Imma Ġeħova dejjem għamel ċert li jkolli dak li kelli bżonn. Kemm jien grat li Ted inkuraġġieni biex nibda naqdi bħala pijunier! Dan wassal għal iktar barkiet.

Darba minnhom filgħaxija f’Awwissu tal-1952, irċivejt telefonata minn Toronto. L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kanada stidinni biex nibda naqdi f’Betel f’Settembru. Għalkemm kont mistħi u qatt ma kont żort il-fergħa, kont eċċitat għax pijunieri oħrajn kienu qaluli affarijiet sbieħ dwar Betel. Meta wasalt hemmhekk, mill-ewwel ħassejtni qisni qiegħed id-dar.

“URI LILL-AĦWA LI JIMPURTAK MINNHOM”

Sentejn wara li wasalt Betel, ġejt maħtur minflok Bill Yacos bħala qaddej tal-kongregazzjoni (issa msejjaħ koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani) f’waħda mill-kongregazzjonijiet f’Toronto. Kelli biss 23 sena, u ħassejtni bħal tifel mingħajr esperjenza li trabba f’razzett. Imma Ħuna Yacos, b’umiltà u mħabba wrieni x’għandi nagħmel. U Ġeħova verament għenni.

Ħuna Yacos—ħu mbaċċaċ u dejjem bi tbissima—kien jinteressah min-nies. Hu kien iħobb lill-aħwa, u huma kienu jħobbu lilu. Kien regolarment iżurhom fi djarhom imma mhux meta kien ikollhom il-problemi biss. Bill Yacos inkuraġġieni biex nagħmel l-istess u biex naħdem flimkien mal-aħwa fil-ministeru tal-għalqa. “Ken,” qalli hu, “uri lill-aħwa li jimpurtak minnhom. Dan se jgħatti ħafna nuqqasijiet.”

MARTI TURI MĦABBA LEALI

Ġeħova għenni b’mod speċjali minn Jannar tal-1957. Dak ix-xahar jien iżżewwiġt lil Evelyn, li ggradwat mill-14-il klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad. Qabel ma żżewwiġna, hi kienet taqdi fil-provinċja taʼ Quebec, fejn jitkellmu bil-Franċiż. Peress li dak iż-żmien il-Knisja Kattolika Rumana kellha kontroll kbir fuq Quebec, kien diffiċli għal Evelyn li tipprietka hemmhekk. Imma hi kienet leali lejn Ġeħova u baqgħet tipprietka.

Evelyn appoġġat lealment lili wkoll. (Efes. 5:31) Infatti, il-lealtà tagħha ġiet ittestjata malli żżewwiġna! Konna ppjanajna li mmorru Florida, l-Istati Uniti tal-Amerika, imma l-għada li żżewwiġna, il-fergħa talbitni biex nattendi laqgħa taʼ ġimgħa fil-Betel tal-Kanada. Naturalment, din il-laqgħa fixklet il-pjanijiet tagħna, imma jien u Evelyn ridna nagħmlu kwalunkwe ħaġa li Ġeħova jitlobna. Għalhekk, ikkanċellajna l-qamar il-għasel tagħna. Matul dik il-ġimgħa, hi ħadmet fis-servizz tal-għalqa viċin il-fergħa. Għalkemm it-territorju kien differenti ħafna minn dak taʼ Quebec, hi għamlet l-aħjar li setgħet.

 Fi tmiem dik il-ġimgħa, ġrat xi ħaġa mhix mistennija. Ġejt inkarigat bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fit-Tramuntana taʼ Ontario. Kont għadni kif iżżewwiġt, kelli biss 25 sena, u ma tantx kelli esperjenza. Imma konna fiduċjużi li Ġeħova kien se jgħinna. Fl-eqqel tax-xitwa tal-Kanada, tlajna fuq ferrovija billejl maʼ diversi indokraturi li jivvjaġġaw tal-esperjenza li kienu sejrin lura lejn l-inkarigi tagħhom. Huma inkuraġġewna ħafna. Wieħed ħu ma ridniex nagħmlu l-lejl sħiħ bilqiegħda skomdi, allura insista li jagħtina l-gabina tiegħu li kellha sodda. L-għada, 15-il ġurnata biss wara li żżewwiġna, żorna l-grupp żgħir f’Hornepayne, kif semmejt fil-bidu tal-artiklu.

Kien hemm iktar bidliet għalija u għal Evelyn. Waqt li konna qed naqdu fix-xogħol tad-distrett lejn l-aħħar tas-sena tal-1960, irċivejt stedina biex nattendi s-36 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad, kors taʼ għaxar xhur li kien se jibda fi Frar tal-1961 fi Brooklyn, New York. M’għandniex xi ngħidu, jien kont ferħan imma mhux għalkollox minħabba li Evelyn ma kinitx inkluża fl-istedina. Minflok, bħal nisa oħrajn f’pożizzjoni simili, Evelyn intalbet tikteb ittra li fiha tgħid li kienet lesta li nkunu separati minn tal-inqas għaxar xhur. Evelyn bkiet, imma qbilna li għandi nattendi l-iskola, u kienet kuntenta li jien kont se nirċievi dan it-taħriġ imprezzabbli.

Sadanittant, Evelyn qdiet fil-fergħa tal-Kanada. Hi kellha l-privileġġ speċjali li toqgħod f’kamra m’oħt għażiża mill-midlukin, Margaret Lovell. M’għandniex xi ngħidu, jien u Evelyn immissjajna ħafna lil xulxin. Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, issetiljajna fl-inkarigi temporanji tagħna. Il-fatt li kienet lesta tagħmel sagrifiċċji sabiex inkunu iktar utli għal Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu messli qalbi.

Wara li kont ilni tliet xhur biss Gilegħad, irċivejt stedina mingħand Ħuna Nathan Knorr, li dak iż-żmien kien qed jieħu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. Hu staqsieni jekk kontx lest li mmur lura l-Kanada biex ngħallem temporanjament l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna. Qalli li x’aktarx qatt ma kont se nerġaʼ niġi mistieden biex nattendi l-Iskola taʼ Gilegħad wara li nkun lestejt l-inkarigu fil-Kanada. Ħuna Knorr spjega li mhux bilfors kelli naċċetta l-inkarigu. Minflok, stajt nagħżel li nlesti l-kors taʼ Gilegħad u mbagħad probabbilment kont niġi inkarigat biex inkun missjunarju f’pajjiż barrani. Hu qal li stajt nitkellem maʼ marti u mbagħad nieħu deċiżjoni.

Ladarba Evelyn kienet diġà qaltli kif kienet tqis l-inkarigi teokratiċi, jien minnufih għedt lil Ħuna Knorr, “Kwalunkwe ħaġa li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tridna nagħmlu, aħna kuntenti li nagħmluha.” Dejjem ħassejna li jkunu xi jkunu l-preferenzi tagħna, aħna għandna mmorru kull fejn tibgħatna l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

 B’hekk, f’April tal-1961, jien tlaqt minn Brooklyn u mort lura l-Kanada biex ngħallem l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna. Iktar tard, bdejna naqdu bħala membri tal-familja taʼ Betel. Imbagħad, b’sorpriża għalija, irċivejt stedina biex nattendi l-40 klassi taʼ Gilegħad, li kienet se tibda fl-1965. Għal darb’oħra, Evelyn kellha tikteb ittra li fiha tgħid li taċċetta li nkunu ’l bogħod minn xulxin. Imma ftit ġimgħat wara tgħidx kemm fraħna meta hi wkoll irċiviet stedina biex tattendi l-iskola miegħi.

Meta wasalna l-Iskola taʼ Gilegħad, Ħuna Knorr qalilna li l-istudenti li kienu fil-klassijiet li jitkellmu bil-Franċiż, bħalma konna aħna, kienu se jintbagħtu l-Afrika. Madankollu, fil-programm tal-gradwazzjoni, aħna rġajna ġejna assenjati l-Kanada! Jien kelli biss 34 sena u ġejt maħtur bħala l-indokratur tal-fergħa. Meta fakkart lil Ħuna Knorr li kont għadni żgħir, hu għenni nkun iktar kunfidenti. Mill-bidu nett, ipprovajt nitkellem m’oħrajn li kellhom iktar esperjenza qabel ma nieħu deċiżjonijiet importanti.

BETEL—POST FEJN TITGĦALLEM U TGĦALLEM

Is-servizz f’Betel tani opportunitajiet mill-aqwa biex nitgħallem minn oħrajn. Jien nirrispetta u nammira ferm lill-membri l-oħra tal-Kumitat tal-Fergħa. Tgħallimt ħafna wkoll mill-mijiet t’aħwa mill-aħjar—żgħar u kbar—li ltqajt magħhom hawnhekk fil-fergħa u fid-diversi kongregazzjonijiet li qdejna fihom.

Is-servizz f’Betel tani l-opportunità wkoll li ngħallem lil oħrajn u nsaħħilhom il-fidi. L-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt.” Qallu wkoll: “Dak li smajt mingħandi u li ssaħħaħ minn ħafna xhieda għaddih lil nies leali li, mill-banda l-oħra, ikunu kwalifikati biżżejjed biex jgħallmu lil oħrajn.” (2 Tim. 2:2; 3:14) Xi kultant, Kristjani sħabi jistaqsuni liema lezzjonijiet tgħallimt matul is-57 sena li ili naqdi f’Betel. It-tweġiba tiegħi hi sempliċi: “Dejjem agħmel dak li tkun tridek tagħmel l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U kun fiduċjuż li Ġeħova se jgħinek.”

Għadni niftakar qisu lbieraħ meta wasalt l-ewwel darba l-Betel bħala żagħżugħ mistħi u mingħajr esperjenza. Imma f’dawn is-snin kollha, Ġeħova kien qed ‘jaqbadni minn idi l-leminija.’ Hu spiss uża aħwa kollhom imħabba biex jgħinuni meta kelli l-iktar bżonn. B’dan il-mod, Ġeħova qed jgħidli: “Tibżax. Jien stess ngħinek.”—Is. 41:13.

^ par. 10 Fit-22 taʼ Mejju 1945, il-gvern tal-Kanada neħħa l-projbizzjoni minn fuq ix-xogħol tagħna.