Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 Bijografija

Il-ministeru fultajm—Fejn wassalni

Il-ministeru fultajm—Fejn wassalni

Hekk kif naħseb dwar il-65 sena li qattajt fil-ministeru fultajm, minn qalbi nistaʼ ngħid li ħajti kienet mimlija ġranet sbieħ. Dan ma jfissirx li ma kellix ġranet taʼ niket kif ukoll ġranet taʼ skuraġġiment. (Salm 34:12; 94:19) Imma meta nqis kollox, kelli ħajja premjanti ħafna u taʼ skop!

FIS-7 taʼ Settembru 1950, jien sirt membru tal-familja Betel fi Brooklyn. Dak iż-żmien, il-familja Betel kienet tikkonsisti minn 355 ħu u oħt taʼ diversi nazzjonalitajiet u l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw minn 19-il sena sa 80 sena. Ħafna minnhom kienu Kristjani midlukin.

KIF BDEJT NAQDI LIL ĠEĦOVA

Ommi għallmitni naqdi lill-“Alla l-hieni” tagħna. (1 Tim. 1:11) Hi bdiet taqdi lil Ġeħova meta jien kont għadni tfajjel. Fl-1 taʼ Lulju 1939, fl-età t’għaxar snin, jien tgħammidt f’assemblea tas-circuit f’Columbus, Nebraska, l-Istati Uniti tal-Amerika. Konna madwar mitt ruħ u ltqajna f’post mikri biex nisimgħu rekording tal-lekċer “Faxxiżmu jew Libertà,” li kien għamel Joseph Rutherford. F’nofs it-taħdita, inġabret marmalja quddiem is-sala żgħira fejn konna qed niltaqgħu. Daħlu bil-forza, waqqfu l-laqgħa tagħna, u ġegħluna nitilqu mill-belt. Inġbarna f’razzett taʼ wieħed ħu viċin il-belt u smajna l-kumplament tal-programm. Kif tistaʼ tobsor, qatt ma nsejtha d-data tal-magħmudija tiegħi!

Ommi stinkat ħafna biex trabbini fil-verità. Għalkemm missieri kien raġel sewwa u missier tajjeb, ftit li xejn kien juri interess fir-reliġjon jew fis-saħħa spiritwali tiegħi. Ommi u Xhieda oħrajn fil-Kongregazzjoni t’Omaha tawni l-inkuraġġiment li kien tant meħtieġ.

BIDLA FID-DIREZZJONI

Meta kont se nispiċċa l-iskola sekondarja, kelli niddeċiedi x’kont se nagħmel b’ħajti. Matul il-vaganzi tas-sajf, dejjem kont naqdi bħala pijunier awżiljarju, flimkien m’oħrajn li kienu tampari.

Żewġ aħwa ġuvintur li kienu għadhom kemm iggradwaw mis-sebaʼ klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad—John Chimiklis u Ted Jaracz—intbagħtu biex jaqdu fix-xogħol tal-ivvjaġġar fl-inħawi tagħna. Skantajt meta sirt naf li kellhom biss ftit iktar minn 20 sena. Jien dak iż-żmien kelli 18-il sena u daqt kont se nispiċċa mill-iskola. Għadni niftakar meta Ħuna Chimiklis staqsieni x’kont se nagħmel b’ħajti. Meta għedtlu, hu ħeġġiġni: “Sewwa, idħol fil-ministeru fultajm bla  dewmien. Ma tafx fejn jistaʼ jwasslek.” Dan il-parir, flimkien mal-eżempju taʼ dawn l-aħwa, ħalla effett kbir fuqi. Allura wara li tlaqt mill-iskola, bdejt naqdi bħala pijunier fl-1948.

KIF DĦALT NAĦDEM F’BETEL

F’Lulju tal-1950, jien u l-ġenituri tiegħi morna l-konvenzjoni internazzjonali f’Yankee Stadium fil-belt taʼ New York. Waqt li kont il-konvenzjoni, attendejt il-laqgħa għal dawk interessati li jaqdu f’Betel. Bgħatt ittra li fiha ktibt li kien ikun pjaċir tiegħi li naqdi hemmhekk.

Għalkemm missieri ma kienx jopponi għall-fatt li kont pijunier u ngħix id-dar, hu ħass li għandi nħallas xi ħaġa għall-kamra u l-ikel tiegħi. Allura ġurnata minnhom fil-bidu t’Awwissu, jien u sejjer biex infittex xogħol, l-ewwel waqaft biex nara x’posta konna rċivejna. Hemmhekk sibt ittra għalija minn Brooklyn. Kienet iffirmata minn Nathan H. Knorr, li kiteb: “Irċivejna l-applikazzjoni tiegħek biex taqdi f’Betel. Nifhem li int taqbel li tibqaʼ f’Betel għall-kumplament taʼ ħajtek. Għaldaqstant, nixtieq li fis-7 taʼ Settembru 1950 tiġi Betel f’dan l-indirizz: 124 Columbia Heights, Brooklyn, New York.”

Meta missieri ġie lura mix-xogħol dakinhar, għedtlu li kont sibt xogħol. Qalli, “Tajjeb, fejn se taħdem?” Wiġibtu, “Fil-Betel taʼ Brooklyn, b’10 dollari fix-xahar.” Hu nħasad ftit, imma qal li jekk xtaqt nagħmel hekk, għandi nistinka biex nirnexxi f’xogħli. Ftit wara dan, fil-konvenzjoni f’Yankee Stadium fl-1953, hu tgħammed!

Maʼ Alfred Nussrallah, sieħbi fix-xogħol taʼ pijunier

B’ferħ, Alfred Nussrallah, sieħbi fix-xogħol taʼ pijunier, ukoll ġie mistieden jaqdi f’Betel fl-istess żmien, u morna hemm flimkien. Iktar tard iżżewweġ, u hu u martu, Joan, marru Gilegħad, u ntbagħtu fis-servizz missjunarju fil-Libanu, u mbagħad fix-xogħol tal-ivvjaġġar lura fl-Istati Uniti.

INKARIGI F’BETEL

L-ewwel inkarigu tiegħi f’Betel kien fil-Legatorija, fejn kont inħit il-paġni tal-kotba flimkien. L-ewwel pubblikazzjoni li ħdimt fuqha kien il-ktieb What Has Religion Done for Mankind? Wara xi tmien xhur fil-Legatorija, intbgħatt fid-Dipartiment tas-Servizz biex naħdem taħt id-direzzjoni taʼ Ħuna Thomas J. Sullivan. Kulħadd kien jieħu pjaċir jaħdem miegħu u jibbenefika mill-għerf u d-dehen spiritwali li kien kiseb tul is-snin fl-organizzazzjoni.

Wara li kont qattajt kważi tliet snin fid-Dipartiment tas-Servizz, Max Larson, l-indokratur tal-fabbrika, qalli li Ħuna Knorr xtaq ikellimni. Bdejt naħseb li kont għamilt xi ħaġa ħażina. Serraħt moħħi meta Ħuna Knorr qalli li ried ikun jaf jekk kontx biħsiebni nitlaq minn Betel fil-futur qarib. Kellu bżonn lil xi ħadd biex jaħdem fl-uffiċċju tiegħu temporanjament u ried jara jekk kontx kapaċi għall-inkarigu. Għedtlu li ma kontx biħsiebni nitlaq minn Betel. Kif żvolġew l-affarijiet, kelli l-privileġġ li naqdi fl-uffiċċju tiegħu għal 20 sena.

Spiss għedt li qatt ma stajt inħallas għall-edukazzjoni li rċivejt hekk kif ħdimt maʼ Ħuna Sullivan u Ħuna Knorr, kif ukoll m’oħrajn f’Betel, bħal Milton Henschel, Klaus Jensen, Max Larson, Hugo Riemer, u Grant Suiter. *

L-aħwa li qdejt magħhom kienu organizzati sew għax-xogħol li kienu jagħmlu għall-ġid tal-organizzazzjoni. Ħuna Knorr kien ħaddiem ħabrieki  li xtaq jara l-attività tas-Saltna timxi ’l quddiem kemm jistaʼ jkun. Dawk li qdew fl-uffiċċju tiegħu sabuha faċli biex ikellmuh. Anki jekk kellna opinjoni differenti dwar xi kwistjoni, stajna nesprimu ruħna bil-miftuħ u xorta jkollna l-fiduċja tiegħu.

Darba minnhom, Ħuna Knorr kellimni dwar il-bżonn li nieħu ħsieb affarijiet li forsi jitqiesu bħala ċuċati. Biex jagħtini eżempju, qalli li meta kien l-indokratur tal-fabbrika, Ħuna Rutherford kien iċempillu u jgħidlu: “Ħuna Knorr, meta tiġi mill-fabbrika għall-ikel, ġibli ftit gomom miegħek. Għandi bżonnhom fuq l-iskrivanija tiegħi.” Ħuna Knorr qal li l-ewwel ħaġa li kien jagħmel kienet li jmur fil-kamra fejn kienu jinżammu l-gomom u jitfaʼ ftit fil-but. Imbagħad f’nofsinhar kien jiħodhom fl-uffiċċju taʼ Ħuna Rutherford. Kienet ħaġa żgħira, imma kienet t’għajnuna għal Ħuna Rutherford. Imbagħad Ħuna Knorr qalli: “Jien nieħu pjaċir ikolli lapsijiet ittemprati fuq l-iskrivanija tiegħi. Allura jekk jogħġbok ara li jkunu hemm kull filgħodu.” Għal bosta snin, jien għamilt ċert li l-lapsijiet tiegħu jkunu ttemprati.

Ħuna Knorr spiss kien jitkellem dwar il-bżonn li nisimgħu b’attenzjoni meta konna niġu mitlubin nieħdu ħsieb xi inkarigu partikulari. Darba minnhom, tani istruzzjoni ċara dwar kif nieħu ħsieb ċerta kwistjoni, imma ma smajtux b’attenzjoni. Minħabba f’hekk, ġegħeltu jħossu imbarazzat ħafna. Tgħidx xi dwejjaq għamilt, allura ktibtlu ittra qasira u fiha għedtlu kemm iddispjaċieni minn dak li għamilt u li ħassejt li jkun aħjar jekk ma nibqax naħdem fl-uffiċċju tiegħu. Iktar tard dik l-għodwa stess, Ħuna Knorr ġie ħdejn l-iskrivanija tiegħi. “Robert,” qalli, “għandi n-nota tiegħek. Inti żbaljajt. Kellimtek dwaru, u jien ċert li fil-futur se toqgħod iktar attent. Issa ejja t-tnejn li aħna nkomplu bix-xogħol.” Kemm apprezzajt l-interess kollu mħabba tiegħu.

XEWQA LI NIŻŻEWWEĠ

Wara li kont ilni naqdi f’Betel tmien snin, ma kellix ħsieb li ma nibqax fis-servizz taʼ Betel. Iżda dan inbidel. Madwar iż-żmien li kellna l-konvenzjoni internazzjonali f’Yankee Stadium u l-Polo Grounds fl-1958, rajt lil Lorraine Brookes, li kont iltqajt magħha fl-1955 meta kienet qed taqdi bħala pijuniera f’Montreal, il-Kanada. Bqajt impressjonat bl-attitudni tagħha lejn is-servizz fultajm u l-fatt li kienet lesta tmur kull fejn l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova setgħet tibgħatha. Il-mira taʼ Lorraine kienet li tmur l-Iskola taʼ Gilegħad. Meta kellha 22 sena, ġiet aċċettata biex tattendi s-27 klassi, fl-1956. Wara li ggradwat ġiet inkarigata tmur il-Brażil bħala missjunarja. Jien u Lorraine erġajna sirna nafu lil xulxin fl-1958, u hi aċċettat il-proposta tiegħi taʼ żwieġ. Ippjanajna li niżżewġu s-sena taʼ wara u xtaqna naqdu bħala missjunarji flimkien.

 Meta għedt lil Ħuna Knorr bil-pjanijiet tiegħi, hu ssuġġerixxa li nistennew għal tliet snin, imbagħad niżżewġu, u naqdu fil-Betel taʼ Brooklyn. Dak iż-żmien, biex koppja jibqgħu Betel wara li jiżżewġu, wieħed minnhom ried ikun ilu jaqdi f’Betel għal għaxar snin jew iktar u l-persuna l-oħra minn tal-inqas għal tliet snin. Allura Lorraine qablet li taqdi sentejn fil-Betel tal-Brażil u mbagħad sena fil-Betel taʼ Brooklyn qabel ma żżewwiġna.

L-uniku kuntatt li kellna matul l-ewwel sentejn tal-għerusija tagħna kien bl-ittri. Xejn ma kien irħis biex iċċempel, u dak iż-żmien ma kienx hemm e-mail! Meta żżewwiġna fis-16 taʼ Settembru 1961, kellna l-unur li Ħuna Knorr għamlilna t-taħdita tat-tieġ. Veru, dawk il-ftit snin li kellna nistennew donnhom ma riedu jgħaddu b’xejn. Imma issa, hekk kif b’ħafna sodisfazzjon u ferħ inħarsu lura lejn iktar minn 50 sena taʼ żwieġ, xejn ma jiddispjaċina li stennejna!

PRIVILEĠĠI TAʼ SERVIZZ

Fl-1964, ingħatajt il-privileġġ li nżur pajjiżi oħra bħala indokratur taż-żona. Dak iż-żmien, in-nisa ma setgħux imorru maʼ żwieġhom f’dawn iż-żjajjar. Fl-1977, dan inbidel, u n-nisa bdew jivvjaġġaw maʼ żwieġhom. Dik is-sena, jien u Lorraine morna maʼ Grant u Edith Suiter hekk kif żorna l-uffiċċji tal-fergħa fil-Ġermanja, l-Awstrija, il-Greċja, Ċipru, it-Turkija, u l-Iżrael. B’kollox żort xi 70 pajjiż madwar id-dinja.

F’waħda minn dawn iż-żjajjar fil-Brażil fl-1980, wieħed mill-postijiet fil-vjaġġ kien Belém, belt fuq l-ekwatur fejn Lorraine kienet qdiet bħala missjunarja. Waqafna wkoll biex inżuru lill-aħwa f’Manaus. F’taħdita li ngħatat fi stejdjum, rajna grupp bilqiegħda ħdejn xulxin li ma segwewx id-drawwa komuni tal-Brażiljani fejn in-nisa jbusu lil xulxin fuq ħaddejhom u l-irġiel jieħdu b’idejn xulxin. Għala le?

Kienu l-għeżież ħutna minn komunità tal-lebbrużi li tinsab fil-qalba tal-foresta tropikali tal-Amazon. Għal raġunijiet taʼ saħħa, huma evitaw li jkollhom kuntatt m’oħrajn fl-attendenza. Madankollu, ċertament messewlna qalbna, u qatt ma se ninsew kemm dehru ferħanin! Kemm hu minnu l-kliem t’Isaija: “Il-qaddejja tiegħi se jgħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.”—Is. 65:14.

ĦAJJA PREMJANTI U TAʼ SKOP

Jien u Lorraine spiss naħsbu dwar is-60 sena u fuqhom li qattajna f’servizz dedikat lil Ġeħova. Aħna kuntenti ferm bil-modi kif ġejna mberkin billi ħallejna lil Ġeħova jidderiġina permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Għalkemm ma nistax nivvjaġġa madwar id-dinja bħalma kont qabel, għadni niflaħ nagħmel ix-xogħol tiegħi taʼ kuljum bħala ajjutant tal-Ġemgħa li Tiggverna, billi naħdem mal-Kumitat tal-Koordinaturi u l-Kumitat tas-Servizz. Kemm napprezza l-privileġġ tas-sehem żgħir tiegħi f’li nappoġġa l-fratellanza madwar id-dinja b’dan il-mod. Ikompli jgħaġġibna meta naraw l-għadd kbir taʼ żgħażagħ li daħlu fis-servizz fultajm bl-istess attitudni t’Isaija, li qal: “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Is. 6:8) Din il-folla taʼ individwi turi kemm hu minnu l-kliem tal-indokratur tas-circuit li ħafna żmien ilu qalli: “Idħol fil-ministeru fultajm bla dewmien. Ma tafx fejn jistaʼ jwasslek.”

^ par. 20 Għall-bijografiji taʼ wħud minn dawn l-aħwa, ara dawn il-ħarġiet tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż: Thomas J. Sullivan (15 t’Awwissu 1965); Klaus Jensen (15 t’Ottubru 1969); Max Larson (1 taʼ Settembru 1989); Hugo Riemer (15 taʼ Settembru 1964); u Grant Suiter (1 taʼ Settembru 1983).