Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Fi żminijiet Bibliċi, x’kien ifisser meta individwu kien iċarrat ħwejġu apposta?

L-ISKRITTURA tiddeskrivi għadd taʼ sitwazzjonijiet li fihom individwi qattgħu ħwejjiġhom stess. Azzjoni bħal din tistaʼ tidher stramba għal min ikun qed jaqra llum, imma fost il-Lhud din kienet espressjoni taʼ emozzjoni qawwija minħabba d-disperazzjoni, l-għali, l-umiljazzjoni, l-għadab, jew in-niket.

Pereżempju, Ruben “ċarrat ħwejġu” meta sar jaf li l-pjan tiegħu biex jeħles lil ħuh Ġużeppi ġie mfixkel minħabba li Ġużeppi kien ġie mibjugħ bħala lsir. Missierhom, Ġakobb, “ċarrat ħwejġu” meta assuma li bhima salvaġġa kienet kielet lil Ġużeppi. (Ġen. 37:18-35) Ġob “ċarrat il-libsa bla kmiem tiegħu” meta ntqallu li wliedu kollha kienu ġew maqtulin. (Ġob 1:18-20) Messaġġier “bi ħwejġu mċarrtin” deher quddiem il-Qassis il-Kbir Għeli biex jgħidlu li l-Iżraelin kienu ġew megħlubin fil-battalja, li ż-żewġ ulied t’Għeli kienu ġew maqtulin, u li l-arka tal-patt kienet inħatfet. (1 Sam. 4:12-17) Meta Ġosija semaʼ l-kliem tal-Liġi u nduna bl-iżbalji tal-poplu tiegħu, “ċarrat ħwejġu.”—2 Slat. 22:8-13.

Fil-ġuri taʼ Ġesù, il-Qassis il-Kbir Kajfa “ċarrat ħwejġu” meta b’mod żbaljat qies dak li semaʼ bħala dagħwa. (Mt. 26:59-66) Skont il-liġi reliġjuża stabbilita mir-rabbini, kull min kien jismaʼ lil xi ħadd jidgħi bl-isem divin kien obbligat iqattaʼ ħwejġu. Madankollu, opinjoni rabbinika oħra li ġiet wara l-qerda tat-tempju taʼ Ġerusalemm kienet tgħid li “min jismaʼ lil xi ħadd jidgħi bl-Isem Divin f’dan iż-żmien m’għandux għalfejn iċarrat ħwejġu, għax inkella ħwejġu jispiċċaw ċraret.”

Naturalment, ma kien ikollu l-ebda valur f’għajnejn Alla li wieħed iċarrat ħwejġu jekk l-individwu ma kienx ikun verament imnikket. Infatti, Ġeħova qal lill-poplu tiegħu biex ‘iċarrtu qlubhom, u mhux ħwejjiġhom’ u biex imorru lura għandu.—Ġoel 2:13.