“Għajnejn Ġeħova huma kullimkien, għassa tal-ħżiena u t-tajbin.”—PROV. 15:3.

1, 2. Il-mod kif Ġeħova jgħasses fuqna kif inhu differenti minn kif jgħassu fuqna l-kameras tat-traffiku?

F’ĦAFNA pajjiżi, l-awtoritajiet waħħlu l-kameras biex jiċċekkjaw it-traffiku u jirrekordjaw l-aċċidenti. Dawn jirrekordjaw ukoll sewwieqa li jolqtu lil xi ħadd li jkun qed jaqsam it-triq u li jibqgħu sejrin minflok ma jgħinu lill-vittma. Ir-rekordings jgħinu l-awtoritajiet isibu u jarrestaw lil dawn l-uħud. Minħabba dawn il-kameras kollha, il-kriminali qed isibuha iktar diffiċli biex jaħarbu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom.

2 Il-Bibbja tgħid li għajnejn Ġeħova “huma kullimkien.” (Prov. 15:3) Ifisser dan li hu l-ħin kollu għassa fuqna sempliċement biex jara jekk niksrux xi wieħed mil-liġijiet tiegħu? Qiegħed hu jistenna biex jikkastigana malli nieħdu l-iċken żball? Lanqas xejn! (Ġer. 16:17; Ebr. 4:13) Ġeħova jħares lejna għax iħobbna u jridna nkunu fis-sigurtà u ferħanin.1 Pt. 3:12.

3. Ġeħova b’liema ħames modi jieħu ħsiebna?

3 X’se jgħinna napprezzaw il-fatt li Alla jgħasses fuqna għax iħobbna? Se niddiskutu ħames modi kif Ġeħova jieħu  ħsiebna. (1) Hu jwissina qabel ma nagħmlu xi ħaġa ħażina. (2) Hu jikkoreġina meta naqbdu triq ħażina. (3) Hu jiggwidana bil-prinċipji Bibliċi. (4) Hu jgħinna meta niffaċċjaw il-provi. (5) Hu jippremjana meta nagħmlu dak li hu sewwa.

ĠEĦOVA JWISSINA

4. Alla għala ta lil Kajjin twissija qabel ma dineb?

4 L-ewwel, ejja nikkunsidraw kif Alla jwissina qabel ma nagħmlu xi ħaġa ħażina. (1 Kron. 28:9) Pereżempju, Kajjin “imtela b’rabja kbira” meta Ġeħova ma laqax l-offerta tiegħu. (Aqra Ġenesi 4:3-7.) Ġeħova ħeġġeġ lil Kajjin ħalli ‘jdur biex jagħmel it-tajjeb.’ Jekk ma kienx se jagħmel hekk, Ġeħova wissieh: “Id-dnub lest għalik wara biebek.” Alla staqsieh: “Se trażżnu int?” Hu ried lil Kajjin jagħti widen għat-twissija u ‘jiġi milqugħ,’ jiġifieri, ikompli jkollu relazzjoni tajba m’Alla.

5. Ġeħova b’liema modi jwissina?

5 Xi ngħidu għalina llum? Għajnejn Ġeħova jaraw x’hemm f’qalbna; ma nistgħux naħbu minnu s-sentimenti u l-motivi veri tagħna. Hu jħobbna u jridna nagħmlu s-sewwa, imma ma jisforzaniex nagħmlu dan. Permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja, hu jwissina meta nkunu sejrin f’direzzjoni ħażina. Kif? Fil-qari tagħna tal-Bibbja taʼ kuljum, spiss naqraw xi silta li tgħinna negħlbu tendenzi ħżiena u sentimenti mhux xierqa. Barra minn hekk, il-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna għandhom mnejn jiddiskutu xi problema li forsi nkunu qed nissieltu magħha u juruna kif nistgħu negħlbuha. Fil-laqgħat tagħna, ilkoll kemm aħna ningħataw pariri meta eżatt ikollna bżonnhom!

6, 7. (a) Liema prova għandna li Ġeħova jinteressah minn kull wieħed mill-qaddejja tiegħu? (b) Int kif tistaʼ tibbenefika mill-attenzjoni persunali taʼ Ġeħova?

6 It-twissijiet kollha fil-Bibbja tassew juru li Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Huwa minnu li miljuni taʼ nies jibbenefikaw mill-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet tagħna, u l-laqgħat tagħna. Imma Ġeħova ġibed l-attenzjoni tiegħek lejn il-Kelma tiegħu biex tkun tistaʼ tagħmel is-sewwa. Dan juri li hu jinteressah minnek personalment.

Il-kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-Bibbja tgħinna nevitaw il-perikli taʼ madwarna (Ara paragrafi 6, 7)

7 Biex nibbenefikaw mit-twissijiet t’Alla, l-ewwel irridu nagħrfu li hu verament jimpurtah minna. Imbagħad irridu nwieġbu b’mod pożittiv għall-Kelma tiegħu, billi nistinkaw biex inneħħu kull ħsieb li ma jogħġobx lil Alla. (Aqra Isaija 55:6, 7.) Jekk nagħtu kas it-twissijiet li ningħataw, se nevitaw ħafna wġigħ taʼ qalb. Madankollu, ejja ngħidu li nċedu għall-ħażen. Imbagħad Missierna kollu mħabba x’għajnuna jagħtina?

MISSIERNA KOLLU MĦABBA JIKKOREĠINA

8, 9. Meta xi ħadd jagħtina xi parir mill-Bibbja, dan kif juri li Ġeħova jimpurtah minna? Agħti eżempju.

8 Meta Ġeħova jikkoreġina nkunu nafu li jimpurtah minna. (Aqra Ebrej 12:5, 6.) Veru, ma niħdux pjaċir meta ningħataw xi parir jew dixxiplina. (Ebr. 12:11) Però, aħseb dwar xi jrid jikkunsidra dak li jkun qed jagħtina l-parir. Hemm bżonn li jkun jaf x’qed nagħmlu li jistaʼ jeffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova, għandu jinteressah mis-sentimenti tagħna, u jrid ikun lest jagħmel il-ħin u l-isforz meħtieġ biex jurina mill-Bibbja kif nistgħu nerġgħu nersqu qrib lejn Ġeħova. Aħna nirrispettaw  dawn il-pariri għax Ġeħova hu s-sors tagħhom.

9 Pereżempju, wieħed ħu kellu vizzju jara l-pornografija qabel ma ġie fil-verità. Meta tgħallem il-verità għeleb il-vizzju. Maż-żmien, hu xtara mowbajl ġdid u reġaʼ qabad il-vizzju li kellu u beda jara l-pornografija fuq siti tal-Internet. (Ġak. 1:14, 15) Deher ċar li x-xewqa li kellu fil-passat għall-pornografija kienet għadha bħal ġamar jaqbad ġo fih. Darba minnhom, hu sellef il-mowbajl tiegħu lil anzjan, u kif kien qed jużah telgħu siti pornografiċi. L-anzjan minnufih ta parir lill-ħu. Il-ħu ta widen għall-parir u eventwalment għeleb dan il-vizzju. Ġeħova jara d-dnubiet moħbijin tagħna u jistaʼ jikkoreġina qabel ma nirrovinaw ir-relazzjoni tagħna miegħu. Kemm aħna grati li Ġeħova jimpurtah minna!

NIBBENEFIKAW META NAPPLIKAW PRINĊIPJI BIBLIĊI

10, 11. (a) Kif ‘nagħtu kas’ il-gwida t’Alla? (b) Irrakkonta l-esperjenza taʼ familja li b’mod għaqli segwiet il-gwida taʼ Ġeħova?

10 Is-salmista kanta lil Ġeħova: “Bil-parir tiegħek tmexxini.” (Salm 73:24) Aħna nistgħu ‘nagħtu kas’ il-pariri taʼ Ġeħova billi nfittxu fil-Kelma tiegħu. B’dan il-mod, nistgħu nsiru nafu kif jaħseb hu, insegwu l-gwida tiegħu, u jibqaʼ jkollna relazzjoni tajba miegħu. Il-pariri taʼ Ġeħova jgħinuna wkoll biex immantnu lilna nfusna u lill-familja tagħna.Prov. 3:6.

11 Pereżempju, wieħed bidwi, martu, u l-familja kbira tagħhom kienu jgħixu f’razzett mikri fil-Filippini. Kemm hu kif ukoll martu kienu pijunieri regulari. Imbagħad, bħal sajjetta fil-bnazzi, sid ir-razzett bagħtilhom nota u fiha qalilhom li ma setgħux jibqgħu jgħixu hemmhekk. Baqgħu xxokkjati u iktar tard saru jafu li xi ħadd b’mod falz kien akkużahom li kienu diżonesti. Għalkemm il-ħu kien inkwetat dwar fejn kien se jsib dar għal familtu, hu qal: “Ġeħova se jipprovdi. Hu dejjem jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna, jiġri x’jiġri.” Il-fiduċja tal-ħu kienet f’lokha. Ftit jiem wara, il-familja serrħu moħħhom meta saru jafu li ma kienx se jkollhom jitilqu mir-razzett. X’kien ġara? Sid l-art kien ra li minkejja  l-akkuża, din il-familja, gwidati minn prinċipji Bibliċi, baqgħu juru rispett u jżommu l-paċi. Dan tant impressjonah lis-sid tal-art li mhux talli ħalliehom jibqgħu hemm imma talli tahom iktar art biex jikkultivawha. (Aqra l-1 Pietru 2:12.) Iva, Ġeħova jiggwidana permezz tal-Kelma tiegħu biex jgħinna nkampaw mad-diffikultajiet tal-ħajja.

ĦABIB LI JGĦINNA NISSAPORTU L-PROVI

12, 13. Meta forsi jkun diffiċli li nemmnu li Alla jimpurtah minna?

12 Però, kultant sitwazzjoni taʼ prova ddum għaddejja ħafna. Forsi nkunu qed nissieltu maʼ marda kronika, m’oppożizzjoni fit-tul minn membri tal-familja, jew maʼ persekuzzjoni kontinwa. U xi ngħidu meta kultant ikollna nuqqas taʼ qbil serju maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni minħabba differenzi fil-personalità?

13 Pereżempju, ħu forsi jgħid xi ħaġa li tweġġgħek ħafna. Għandek mnejn taħseb: ‘M’għandux jiġri hekk fl-organizzazzjoni t’Alla!’ Iżda l-ħu li weġġgħek jingħata iktar responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, u oħrajn iħobbuh ħafna. Forsi tgħid: ‘Dan kif jistaʼ jkun? Mela Ġeħova mhux jara x’qed jiġri? Mhux se jagħmel xi ħaġa dwar dan?’Salm 13:1, 2; Ħab. 1:2, 3.

14. Ġeħova għala għandu mnejn iħalli lil ħutna jagħtuna parir iebes?

14 Ġeħova jara ħafna iktar minn dak li naraw aħna, u għandu mnejn iħalli sitwazzjoni għaddejja għal raġunijiet importanti. Pereżempju, xi ħadd forsi jagħtina parir li fil-ħarsa tagħna ma jkunx ħaqqna, u għalhekk inħossuna mweġġgħin. Imma Alla forsi jara s-sitwazzjoni minn lenti differenti. Jistaʼ jkun li wara kollox kien ħaqqna ningħataw dak il-parir? Fil-bijografija tiegħu, Ħuna Karl Klein qal li darba minnhom Ħuna Rutherford tah parir iebes. Xi żmien wara, meta Ħuna Rutherford sellimlu bi tbissima, Ħuna Klein bilkemm sellimlu lura. Ħuna Rutherford induna li Ħuna Klein kien għadu mweġġaʼ minħabba l-parir li kien tah. Ħuna Rutherford wissa lil Ħuna Klein: “Oqgħod attent! Ix-Xitan lest biex jaħtfek.” Dan il-parir verament għen lil Ħuna Klein. Meta iktar tard sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna, hu qal li kien tgħallem li ħutna għandhom dritt jagħtuna pariri u li jekk nobogħduhom talli jagħmlu hekk, ix-Xitan se jaħtafna. *

15. Xi rridu nżommu f’moħħna meta niffaċċjaw il-provi?

15 Xorta waħda, forsi nibdew nitilfu l-paċenzja meta l-provi donnhom ma jkunux iridu jispiċċaw. Kif nistgħu nkampaw? Ejja ngħidu li qed issuq karozza fi triq prinċipali u tinqabad fit-traffiku. Ma tafx kemm se ddum tistenna. Jekk tirrita ruħek u tipprova ssib triq oħra, għandek mnejn tintilef. Tistaʼ tispiċċa ddum iktar biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek milli kieku qgħadt tistenna bil-paċenzja. Bl-istess mod, jekk inkunu paċenzjużi u nsegwu prinċipji Bibliċi, Ġeħova se jgħinna nissaportu.

16. X’inhi raġuni oħra għala Ġeħova għandu mnejn iħallina ngħaddu mill-provi?

16 Ġeħova għandu mnejn jippermetti l-provi għax ikun irid li nitħarrġu bihom. (Aqra l-1 Pietru 5:6-10.) Le, Alla  ma jikkaġunax il-provi. (Ġak. 1:13) “L-avversarju tagħkom, ix-Xitan,” qed jikkaġuna l-biċċa l-kbira mit-tbatijiet. Iżda Alla jistaʼ juża sitwazzjoni diffiċli biex jgħinna nikbru spiritwalment. Hu jara t-tbatija tagħna, u “għax hu jimpurtah” minna, se jara li tibqaʼ għaddejja “għal ftit” biss. Tapprezza int il-ħarsien kollu mħabba taʼ Ġeħova meta tkun għaddej mill-provi, u tħossok fiduċjuż li se jiftaħlek it-triq?2 Kor. 4:7-9.

IL-PREMJU MINGĦAND ĠEĦOVA

17. Ġeħova għala jfittex fil-qalb taʼ kull individwu?

17 Ġeħova jfittex fil-qalb taʼ kull individwu biex jara min verament iħobbu. Il-profeta Ħanani qal lis-Sultan Asa: “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Ġeħova se “juri s-saħħa tiegħu” lejk, dan ifisser li se jipproteġik u jippremjak.

18. Meta tħoss li m’intix apprezzat, x’għandek tiftakar dwar Ġeħova? (Ara l-ewwel stampa.)

18 Alla jridna ‘nfittxu dak li hu tajjeb,’ ‘inħobbu dak li hu tajjeb,’ u ‘nagħmlu t-tajjeb’ biex hu jkun jistaʼ “juri ħniena” magħna. (Għam. 5:14, 15; 1 Pt. 3:11, 12) Ġeħova jinnota n-nies sewwa u jberikhom. (Salm 34:15) Pereżempju, aħseb fil-majjistri Ebrajċi Sifra u Puwa. Meta Iżrael kien fil-jasar fl-Eġittu, dawn iż-żewġ nisa beżgħu minn Alla iktar milli beżgħu mill-Fargħun, li kien ordnalhom biex joqtlu lis-subien Ebrajċi kollha hekk kif jitwieldu. Milli jidher, il-kuxjenza tagħhom imħarrġa minn Alla qanqlithom biex isalvaw lit-trabi. Iktar tard, Alla lil Sifra u Puwa tahom li jkollhom il-familji tagħhom stess. (Eżo. 1:15-17, 20, 21) Ġeħova ra l-għemejjel tajbin tagħhom. Kultant, forsi nħossu li ħadd ma jimpurtah mit-tajjeb li nagħmlu. Imma Ġeħova jimpurtah. Hu jinnota kull għemil tajjeb li wettaqna, u se jroddilna lura.Mt. 6:4, 6; 1 Tim. 5:25; Ebr. 6:10.

19. Oħt kif tgħallmet li Ġeħova jinnota għemejjel tajbin?

19 Oħt fl-Awstrija tgħallmet li Alla kien innota x-xogħol iebes tagħha. Peress li hi taʼ dixxendenza Ungeriża, ingħatalha l-indirizz taʼ persuna li titkellem bl-Ungeriż biex tikkuntattjaha fil-ministeru. Hi mill-ewwel marret fl-indirizz, imma ma kien hemm ħadd id-dar. Hi marret darba wara l-oħra. Kultant, kienet tħoss li kien ikun hemm xi ħadd imma ma kienx qed jiftħilha. Ħalliet xi letteratura, ittri persunali, l-informazzjoni tagħha ħalli jikkuntattjawha, u affarijiet oħra bħal dawn. Wara sena u nofs taʼ żjajjar ripetuti, il-bieb sa fl-aħħar infetaħ! Mara dħulija laqgħet lill-oħt u qalet: “Idħol jekk jogħġbok. Qrajt kull ħaġa li ħallejtli u kont qed nistenniek.” L-inkwilina kienet qed tieħu l-kimoterapija u ma kellhiex aptit titkellem man-nies. Inbeda studju tal-Bibbja. Iva, Alla ppremja lill-oħt għall-isforzi diliġenti tagħha!

20. Kif tħossok dwar l-interess persunali li Ġeħova juri fik?

20 Bħalma tgħallimna f’dan l-artiklu, Ġeħova jara kulma nagħmlu u jfittex fil-qalb taʼ kull individwu. Ma nħossuniex li qed jipprova jsib in-nuqqasijiet tagħna jew jieħu nota taʼ kull żball li nagħmlu. Minflok, aħna ninġibdu lejn Ġeħova għax nafu li hu jimpurtah minna u li verament irid jgħinna u jippremjana għat-tajjeb li nagħmlu.

^ par. 14 Il-bijografija taʼ Ħuna Klein ġiet ippubblikata fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 t’Ottubru 1984.