“Jekk bniedem jgħix ħafna snin, ħa jifraħ matulhom kollha.”EKK. 11:8.

1. Ġeħova liema barkiet jagħtina biex inkunu ferħanin?

ĠEĦOVA jridna nkunu ferħanin, u hu jferraʼ fuqna ħafna barkiet li għandhom jagħmluna ferħanin. Biss biss, hu tana l-ħajja. Għalhekk, nistgħu nużaw ħajjitna biex infaħħru lil Alla, ladarba hu ġibidna lejn il-qima vera. (Salm 144:15; Ġw. 6:44) Ġeħova jiżgurana minn imħabbtu u jgħinna nistabru fis-servizz li nagħtuh. (Ġer. 31:3; 2 Kor. 4:16) Aħna ngawdu l-ġenna spiritwali fejn insibu kemm ikel spiritwali b’abbundanza kif ukoll fratellanza kollha mħabba. Minbarra dan, għandna tama prezzjuża għall-futur.

2. Xi qaddejja leali t’Alla maʼ xiex jitqabdu?

2 Minkejja li għandna dawn ir-raġunijiet biex inkunu ferħanin, xi qaddejja leali t’Alla jitqabdu maʼ sentimenti negattivi dwarhom infushom. Għandhom mnejn iħossu li la huma u lanqas is-servizz li jagħtu lil Ġeħova m’għandu daqstant valur għalih. Għal dawk li l-ħin kollu jħossu sentimenti negattivi, il-ħsieb li jgawdu “ħafna snin” jistaʼ jidher biss bħala ħolma. Il-ħajja għalihom mhi xejn ħlief “jiem mudlama.”—Ekk. 11:8.

3. X’jistaʼ jikkaġuna sentimenti negattivi?

3 Għal aħwa bħal dawn, sentimenti negattivi għandhom mnejn jiġu kaġunati minn diżappunti, mard, jew għax iħossu l-limitazzjonijiet tax-xjuħija. (Salm 71:9; Prov. 13:12; Ekk. 7:7)  Iktar minn hekk, kull Kristjan irid jiffaċċja r-realtà li l-qalb hi qarrieqa u li forsi tikkundannana avolja Alla għandu mnejn ikun kuntent bina. (Ġer. 17:9; 1 Ġw. 3:20) Ix-Xitan jakkuża b’mod falz lill-qaddejja t’Alla. U dawk li jaħsbuha bħal Satana għandhom mnejn jipprovaw iġegħluna naħsbu bħalma qal Elifaż li ma kellux fidi—li ma niswew xejn f’għajnejn Alla. Din kienet gidba fi żmien Ġob u hekk hi llum.—Ġob 4:18, 19.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

4 Ġeħova fl-Iskrittura juri ċar li hu se jkun maʼ dawk li jissieltu maʼ ħsibijiet negattivi. (Salm 23:4) Mod wieħed kif ikun magħna hu permezz tal-Kelma tiegħu. Il-Bibbja hi ‘qawwija permezz t’Alla biex twaqqaʼ affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod,’ inkluż ideat żbaljati u negattivi. (2 Kor. 10:4, 5) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nużaw il-Bibbja biex tgħinna nikkultivaw u nżommu ħarsa pożittiva. Tistaʼ tibbenefika personalment minn dan, kif ukoll tistaʼ ssib modi kif tinkuraġġixxi lil oħrajn.

UŻA L-BIBBJA BIEX TIKKULTIVA ĦARSA POŻITTIVA

5. Liema eżami jistaʼ jgħinna biex ikollna ħarsa pożittiva?

5 L-appostlu Pawlu ddeskriva xi affarijiet li jistgħu jgħinuna nikkultivaw ħarsa pożittiva. Hu ħeġġeġ lill-kongregazzjoni f’Korintu: “Ibqgħu għarblu [jew, eżaminaw] jekk intomx fil-fidi.” (2 Kor. 13:5) “Il-fidi” hi t-twemmin Kristjan kollu kemm hu kif insibuh fil-Bibbja. Jekk kliemna u l-azzjonijiet tagħna jaqblu maʼ dan it-twemmin, allura ngħaddu mill-eżami u nuru li qegħdin “fil-fidi.” Ovvjament, irridu nobdu t-tagħlim Kristjan kollu li hemm fil-Bibbja. Ma nistgħux naqbdu u nagħżlu liema partijiet se nobdu.—Ġak. 2:10, 11.

6. Għala għandna neżaminaw lilna nfusna biex naraw ‘jekk aħniex fil-fidi’? (Ara l-ewwel stampa.)

6 Għandek mnejn toqgħod lura milli tagħmel dan l-eżami, speċjalment jekk tħoss li m’intix se tgħaddi minnu. Madankollu, il-ħarsa taʼ Ġeħova lejna hi iktar importanti minn tagħna, u l-ħsibijiet tiegħu huma ħafna ogħla minn tagħna. (Is. 55:8, 9) Hu ma jeżaminax l-aduraturi tiegħu biex jikkundannahom, imma biex isib il-kwalitajiet tajbin tagħhom u jgħinhom. Meta tuża l-Kelma t’Alla biex teżamina lilek innifsek ħalli tara ‘jekk intix fil-fidi,’ se tara iktar lilek innifsek kif jarak Alla. Dan jistaʼ jgħinek biex ma taħsibx li int bla siwi f’għajnejn Alla, imma minflok li int prezzjuż għalih bħalma tassigurana l-Bibbja. Ir-riżultat jistaʼ jkun bħal meta tiftaħ il-purtieri biex tħalli d-dawl tax-xemx jidħol f’kamra mudlama.

7. Kif nistgħu nibbenefikaw minn eżempji Bibliċi taʼ lealtà?

7 Mod effettiv kif tagħmel dan l-eżami tiegħek innifsek hu billi timmedita fuq l-eżempji taʼ nies leali li jissemmew fil-Bibbja. Qabbel iċ-ċirkustanzi jew is-sentimenti tagħhom maʼ tiegħek, u aħseb x’kont tagħmel li kieku kont flokhom. Ejja naraw tliet eżempji li juru kif tistaʼ tuża l-Bibbja biex tivverifika li int “fil-fidi,” u b’hekk tikkultiva ħarsa pożittiva tiegħek innifsek.

L-ARMLA FIL-BŻONN

8, 9. (a) X’kienu ċ-ċirkustanzi tal-armla fil-bżonn? (b) Liema sentimenti negattivi setaʼ kellha l-armla?

8 Fit-tempju f’Ġerusalemm, Ġesù ra x’kienet qed tagħmel armla fil-bżonn. L-eżempju tagħha jistaʼ jgħinna nżommu ħarsa pożittiva minkejja l-limitazzjonijiet tagħna. (Aqra Luqa 21:1-4.) Ikkunsidra ċ-ċirkustanzi tal-armla.  Hi mhux biss kellha tkampa man-niket minħabba l-mewt taʼ żewġha imma wkoll mal-mexxejja reliġjużi li kien iktar jinteressahom “li jibilgħu djar ir-romol” milli jgħinu lil uħud bħal dawn. (Lq. 20:47) Tant kienet fqira li għat-tempju setgħet tagħti biss dak li ħaddiem kien jaqlaʼ fi ftit minuti.

9 Ipprova immaġina kif ħassitha l-armla hekk kif daħlet fil-bitħa tat-tempju b’żewġ muniti żgħar. Kienet hi qed taħseb dwar kemm kienet se tagħti ftit meta mqabbel maʼ dak li forsi setgħet tagħti meta żewġha kien ħaj? Kienet se tħossha imbarazzata xħin tara lil dawk taʼ qabilha jitfgħu għotjiet kbar, u forsi tiddubita jekk l-offerta tagħha kinitx verament taʼ valur? Anki jekk ħassitha hekk, hi xorta għamlet dak li setgħet għall-qima vera.

10. Ġesù kif wera li l-armla kienet taʼ valur għal Alla?

10 Ġesù wera li kemm l-armla kif ukoll l-għotja tagħha kienu taʼ valur għal Ġeħova. Hu qal li hi “tefgħet iktar minnhom ilkoll,” jiġifieri mill-għonja. Id-donazzjoni tagħha kienet se titħallat maʼ t’oħrajn, imma Ġesù ġibed l-attenzjoni lejha u faħħarha. Il-ħaddiema tat-teżorerija li iktar tard sabu dawk iż-żewġ muniti żgħar ma kinux jafu kemm dawn il-muniti u min tefagħhom kienu prezzjużi għal Ġeħova. Madankollu, il-ħarsa t’Alla kienet l-iktar importanti, mhux dak li ħasbu n-nies jew saħansitra kif kienet tqis lilha nfisha l-armla. Tistaʼ int tuża dan ir-rakkont biex tara jekk intix fil-fidi?

11. X’tistaʼ titgħallem mir-rakkont tal-armla?

11 Iċ-ċirkustanzi tiegħek għandhom mnejn jeffettwaw dak li tistaʼ tagħti lil Ġeħova. Minħabba età jew mard, l-ammont taʼ ħin li xi wħud iqattgħu jippritkaw l-aħbar tajba jistaʼ jkun limitat ħafna. Għandhom huma jħossu li l-ħin li qattgħu fis-servizz mhux taʼ min jirrapportah? Anki jekk int iżgħar jew f’saħħtek, għandu mnejn tħoss li l-isforzi tiegħek  huma biss parti żgħira mis-sigħat kollha li l-poplu t’Alla jqattaʼ kull sena fil-qima lejh. Xorta waħda, mir-rakkont tal-armla fqira nitgħallmu li Ġeħova jara u jgħożż kull ħaġa li nagħmlu għalih, speċjalment jekk nagħmlu dan minkejja li jkollna ċirkustanzi diffiċli. Aħseb dwar il-qima tiegħek lil Ġeħova matul is-sena li għaddiet. Kien hemm waħda mis-sigħat li ddedikajt lilu li kienet teħtieġ sagrifiċċju speċjali min-naħa tiegħek? Jekk inhu hekk, tistaʼ tkun żgur li hu jqis taʼ valur dak li għamilt għalih matul dik is-siegħa. Meta, bħall-armla fil-bżonn, tagħmel dak kollu li tistaʼ fis-servizz lil Ġeħova, għandek raġuni soda biex temmen li int “fil-fidi.”

“ĦUDLI RUĦI”

12-14. (a) Sentimenti negattivi x’effett ħallew fuq Elija? (b) Elija għala għandu mnejn ħassu b’dan il-mod?

12 Il-profeta Elija kien leali lejn Ġeħova u kellu fidi soda. Madankollu, kien hemm żmien li tant ħassu mnikket li talab lil Ġeħova biex itemmlu ħajtu, billi qal: “Biżżejjed! Issa, O Ġeħova, ħudli ruħi.” (1 Slat. 19:4) Dawk li qatt ma ħassewhom hekk għandhom mnejn jaħsbu li t-talba t’Elija kienet biss “diskors bla ħsieb.” (Ġob 6:3) Madankollu, dak li ħass kien reali. Imma nnota li Ġeħova ma kkastigahx għax ried imut, anzi għenu.

13 Elija għala beda jħossu b’dan il-mod? Ftit qabel dan, hu għamel miraklu li ta prova li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u dan wassal għall-qtil taʼ 450 profeta taʼ Bagħal. (1 Slat. 18:37-40) Elija x’aktarx ittama li l-poplu t’Alla issa kien se jdur lura lejn il-qima vera, imma ma ġarax hekk. Is-sultana mill-agħar Ġeżabel bagħtet tgħid lil Elija li kienet se toqtlu. Peress li beżaʼ li jiġi maqtul, Elija ħarab billi għadda minn Ġuda lejn in-Nofsinhar u mar fl-art xagħrija.—1 Slat. 19:2-4.

14 Meta kien waħdu, Elija rrifletta fuq xogħlu bħala profeta li fil-fehma tiegħu deher bla siwi. Hu qal lil Ġeħova: “M’iniex aħjar minn missirijieti.” Il-punt tiegħu kien li ħassu mhu tajjeb għal xejn bħat-trab u l-għadam tal-antenati mejtin tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu, ma kien jiswa għal xejn u ma kienx taʼ valur għal Ġeħova jew għal xi ħadd ieħor.

15. Alla kif aċċerta lil Elija li Hu kien għadu jqisu prezzjuż?

15 Imma Dak li Jistaʼ Kollox ra lil Elija b’mod differenti. Elija baqaʼ prezzjuż f’għajnejn Alla, u Ġeħova ħa passi biex jaċċertah minn din ir-realtà. Alla bagħat anġlu biex isaħħaħ lil Elija. Ġeħova pprovda wkoll ikel u xorb biex isostnu lil Elija fil-vjaġġ tiegħu taʼ 40 jum lejn il-Muntanja Ħoreb fin-Nofsinhar. Iktar minn hekk, Alla b’qalb tajba kkoreġa l-idea żbaljata t’Elija li ma kienx hemm Iżraelin oħrajn li baqgħu leali lejn Ġeħova. Taʼ interess, Alla lil Elija tah inkarigi ġodda u hu aċċettahom. Elija bbenefika mill-għajnuna taʼ Ġeħova, u kompla x-xogħol tiegħu bħala profeta msaħħaħ mill-ġdid.—1 Slat. 19:5-8, 15-19.

16. Ġeħova b’liema modi sostniek?

16 L-esperjenza t’Elija tistaʼ tgħinek tivverifika li int fil-fidi u tistaʼ tqanqlek biex ikollok ħarsa pożittiva. L-ewwel, aħseb fil-modi li Ġeħova sostniek. Jistaʼ jkun li wieħed mill-qaddejja tiegħu, forsi anzjan jew Kristjan matur ieħor, għenek meta kellek bżonn? (Gal. 6:2) Il-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna, u l-laqgħat tal-kongregazzjoni, għenuk biex tħoss li Ġeħova jimpurtah minnek? La terġaʼ tibbenefika b’wieħed minn dawn il-modi, aħseb dwar is-Sors veru tal-għajnuna tiegħek u rringrazzjah mill-qalb bit-talb.—Salm 121:1, 2.

17. Ġeħova x’jgħożż fil-qaddejja tiegħu?

 17 It-tieni, irrikonoxxi li ħarsa negattiva tistaʼ tkun qarrieqa. Kif Alla jqisna hu dak li verament jgħodd. (Aqra Rumani 14:4.) Ġeħova jgħożż id-devozzjoni tagħna u l-lealtà li nuruh; ma jkejjilx il-valur tagħna skont kemm naħdmu għalih. U jistaʼ jkun, bħalma kien fil-każ t’Elija, li wettaqt iktar milli taħseb għal Ġeħova. X’aktarx li għent lil oħrajn fil-kongregazzjoni bla ma taf, kif ukoll uħud fit-territorju li saru jafu bil-verità minħabba l-isforzi tiegħek.

18. L-inkarigu li jagħtik Ġeħova x’juri?

18 Fl-aħħar, qis kull inkarigu li ġej mingħand Ġeħova bħala prova li hu miegħek. (Ġer. 20:11) Bħal Elija, forsi taqtaʼ qalbek minħabba li s-servizz tiegħek jidher li mhux qed ikollu suċċess jew minħabba li xi mira spiritwali tidher li ma tistax tilħaqha. Madankollu, int xorta għandek l-akbar privileġġ li jistaʼ jkollu kull wieħed minna—li tipprietka l-aħbar tajba u li ġġorr isem Alla. Allura, ibqaʼ leali lejn Ġeħova. Imbagħad, bħalma qal Ġesù, se tkun tistaʼ ‘tifraħ maʼ sidek.’—Mt. 25:23.

IT-“TALBA TAʼ MIN IKUN QED ISOFRI”

19. Kif ħassu l-kittieb taʼ Salm 102?

19 Il-kittieb taʼ Salm 102 kien iddisprat. Kien qed “isofri,” jiġifieri jbati minn uġigħ fiżiku jew niket emozzjonali, u ma kellux is-saħħa biex ikampa mal-problemi tiegħu. (Salm 102, sopraskrizzjoni) Fi kliemu naraw li hu kien moħħu fl-uġigħ, fis-solitudni, u fis-sentimenti persunali tiegħu. (Salm 102:3, 4, 6, 11) Hu kien jaħseb li Ġeħova ried jarmih.—Salm 102:10.

20. It-talb kif jistaʼ jgħin lil min qed jitqabad maʼ ħsibijiet negattivi?

20 Però, is-salmista xorta setaʼ juża ħajtu biex ifaħħar lil Ġeħova. (Aqra Salm 102:19-21.) Bħalma naraw minn Salm 102, anki dawk li jkunu fil-fidi jistgħu jkunu muġugħa u ma jkunux jistgħu jaħsbu fuq xi ħaġa oħra. Is-salmista ħassu bħal “għasfur waħdu fuq bejt,” bħallikieku ma kellux ħlief problemi. (Salm 102:7) Jekk ġieli tħossok hekk, iftaħ qalbek maʼ Ġeħova kif għamel is-salmista. It-talb taʼ min ikun qed isofri—it-talb tiegħek—jistaʼ jgħinek hekk kif titqabad maʼ ħsibijiet negattivi. Ġeħova jwiegħed li “hu se jdur lejn it-talba taʼ dawk imneżżgħin minn kollox, u t-talba tagħhom ma jistmerrhiex.” (Salm 102:17) Emmen din il-wegħda.

21. Xi ħadd li qed jissielet maʼ sentimenti negattivi kif jistaʼ jkollu ħarsa iktar pożittiva?

21 Salm 102 juri wkoll kif jistaʼ jkollok ħarsa iktar pożittiva. Is-salmista għamel hekk billi dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq ir-relazzjoni li kellu maʼ Ġeħova. (Salm 102:12, 27) Hu ħassu mfarraġ għax kien jaf li Ġeħova dejjem se jkun hemm għall-poplu Tiegħu biex isostnih meta jkun għaddej mill-provi. Għalhekk, jekk temporanjament sentimenti negattivi qed iżommuk lura milli tagħmel daqskemm tixtieq fis-servizz t’Alla, itlob dwar dan. Itlob lil Alla biex jismaʼ t-talb tiegħek ħalli mhux biss tħossok aħjar imma wkoll “biex l-isem taʼ Ġeħova jiġi dikjarat.”—Salm 102:20, 21.

22. Kull wieħed minna kif jistaʼ jogħġob lil Ġeħova?

22 Iva, nistgħu nużaw il-Bibbja biex nagħtu prova lilna nfusna li qegħdin fil-fidi u li aħna prezzjużi f’għajnejn Ġeħova. Veru, f’din is-sistema mhux dejjem se nkunu nistgħu nneħħu s-sentimenti negattivi kollha jew ma nħossuniex skuraġġiti. Xorta waħda, kull wieħed minna jistaʼ jogħġob lil Ġeħova u jikseb is-salvazzjoni billi jibqaʼ jistabar lealment fis-servizz tiegħu.—Mt. 24:13.