Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif tibqa’ tagħmel sagrifiċċji persunali

Kif tibqa’ tagħmel sagrifiċċji persunali

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu.”MT. 16:24.

1. Ġesù kif ħalla eżempju perfett taʼ sagrifiċċju persunali?

META Ġesù kien fuq l-art, hu ħalla eżempju perfett taʼ sagrifiċċju persunali. Hu warrab ix-xewqat u l-kumditajiet tiegħu sabiex jagħmel ir-rieda t’Alla. (Ġw. 5:30) Billi baqaʼ leali sal-mewt fuq iz-zokk tat-tortura, hu wera li ma kienx hemm limitu għas-sagrifiċċju persunali tiegħu.—Flp. 2:8.

2. Kif nistgħu nagħmlu sagrifiċċji persunali, u għala għandna nagħmlu hekk?

2 Bħala segwaċi taʼ Ġesù, aħna wkoll irridu nagħmlu sagrifiċċji persunali. Fi kliem sempliċi, individwu li jagħmel sagrifiċċji persunali jkun lest li jħalli l-interessi tiegħu sabiex jgħin lil oħrajn. F’ċertu sens, dan hu l-kontra tal-egoiżmu. (Aqra Mattew 16:24.) Jekk ma nkunux egoisti nistgħu niġu megħjuna biex inpoġġu s-sentimenti u l-preferenzi persunali tagħna wara dawk taʼ ħaddieħor. (Flp. 2:3, 4) Fil-fatt, Ġesù għallem li l-qofol tal-qima tagħna hu li ma nkunux egoisti. Kif inhu dan? L-imħabba Kristjana, li tqanqalna biex nagħmlu sagrifiċċji persunali, hi l-marka li tidentifika lid-dixxipli veri taʼ Ġesù. (Ġw. 13:34, 35) U aħseb fil-barkiet li ngawdu minħabba li aħna parti minn fratellanza dinjija li tagħmel sagrifiċċji persunali!

3. X’jistaʼ jżommna lura milli nagħmlu sagrifiċċji persunali?

3 Xorta waħda, aħna niffaċċjaw għadu li bil-mod il-mod jistaʼ jżommna lura milli nagħmlu sagrifiċċji persunali. Dan  l-għadu hu t-tendenza tagħna biex inkunu egoisti. Ftakar kif Adam u Eva wrew li kienu egoisti. Eva wriet xewqa egoistika biex tkun bħal Alla. Żewġha wera xewqa egoistika biex jogħġobha. (Ġen. 3:5, 6) Wara li biegħed lil Adam u Eva mill-qima vera, ix-Xitan kompla jħajjar lin-nies biex ikunu egoisti. Saħansitra pprova dan maʼ Ġesù. (Mt. 4:1-9) Fi żmienna, Satana rnexxielu jqarraq bil-biċċa l-kbira tan-nies billi jġegħelhom ikunu egoisti f’ħafna modi. Jekk ma noqogħdux attenti, aħna wkoll nistgħu niġu influwenzati mill-egoiżmu taʼ din id-dinja.—Efes. 2:2.

4. (a) Nistgħu fil-preżent inneħħu t-tendenzi egoistiċi? Spjega. (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

4 L-egoiżmu jistaʼ jitqabbel mas-sadid. Jekk xi ħaġa tal-ħadid tkun esposta għall-elementi għandha mnejn tibda tissaddad. Il-periklu veru hu meta s-sadid jiġi injorat u jitħalla jiżviluppa sal-punt li l-oġġett ma jkunx jistaʼ jissewwa. B’mod simili, għalkemm fil-preżent ma nistgħux inneħħu l-imperfezzjoni u t-tendenzi egoistiċi tagħna, irridu noqogħdu attenti għall-perikli li hemm u nkomplu niġġieldu tendenzi bħal dawn. (1 Kor. 9:26, 27) Kif nistgħu nagħrfu jekk għandniex sinjali taʼ egoiżmu fina? U kif nistgħu nagħmlu iktar sagrifiċċji persunali?

UŻA L-BIBBJA BIEX TARA JEKK INTIX EGOIST

5. (a) Il-Bibbja kif inhi bħal mera? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Meta nfittxu biex naraw jekk aħniex egoisti, x’għandna nevitaw?

5 Bħalma nistgħu nużaw mera biex naraw l-apparenza fiżika tagħna, nistgħu nużaw il-Bibbja biex naraw il-persuna ġewwinija tagħna u nirranġaw kwalunkwe difett li nistgħu nsibu. (Aqra Ġakbu 1:22-25.) Però, mera se tkun t’għajnuna biss jekk nużawha tajjeb. Pereżempju, jekk sempliċement nagħtu daqqa t’għajn fil-mera, jistaʼ jkun li ma narawx xi tebgħa żgħira li tkun sinifikanti. Jew jekk inħarsu lejn mera minn ċertu angolu, għandu mnejn naraw lil xi ħadd ieħor. B’mod simili, jekk irridu nużaw il-Bibbja biex naraw xi difett, bħall-egoiżmu, ma rridux naqrawha taʼ fuq fuq jew nużawha biex naraw id-difetti taʼ xi ħadd ieħor.

6. Kif nistgħu ‘nibqgħu’ fil-liġi perfetta?

6 Biex nagħti eżempju, nistgħu naqraw il-Kelma t’Alla regolarment, saħansitra kuljum, u xorta waħda ma narawx traċċi taʼ egoiżmu li jkunu qed jiżviluppaw ġo fina. Dan kif inhu possibbli? Ikkunsidra dan: Fl-eżempju taʼ Ġakbu, il-problema ma kinitx li r-raġel ma ħarisx bir-reqqa. Ġakbu kiteb li r-raġel “iħares lejn wiċċu.” Hawnhekk Ġakbu uża kelma Griega li tfisser eżami bir-reqqa. Allura f’dan il-każ, x’kienet il-problema tar-raġel? Ġakbu kompla: “Jitlaq ’l hemm, u minnufih jinsa liema xorta taʼ bniedem hu.” Iva, hu jitlaq minn ħdejn il-mera mingħajr ma jirranġa dak li jara. B’kuntrast, raġel taʼ suċċess mhux biss “iħares fiss lejn il-liġi perfetta” imma wkoll “jibqaʼ jagħmel hekk.” Minflok ma jinsa l-liġi tal-Kelma t’Alla, hu jibqaʼ jsegwi t-tagħlim tagħha. Ġesù għamel punt simili meta qal: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi.”—Ġw. 8:31.

7. Kif nistgħu nużaw il-Bibbja biex naraw jekk għandniex traċċi egoistiċi?

7 Għalhekk, biex jirnexxilek tegħleb it-traċċi tal-egoiżmu, l-ewwel għandek taqra l-Kelma t’Alla bir-reqqa. Dan jistaʼ jgħinek tara fejn għandek bżonn tirranġa. Imma jeħtieġ li tagħmel iktar minn hekk. Ħaffer iktar fil-fond billi tagħmel riċerka. Meta tkun qed taqra rakkont  tal-Bibbja, immaġina li int kont hemm billi tistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Kieku jien kif kont naġixxi f’din is-sitwazzjoni? Kont verament naġixxi b’mod xieraq?’ Iktar importanti minn hekk, wara li timmedita fuq dak li tkun qrajt, stinka biex tapplikah. (Mt. 7:24, 25) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nużaw ir-rakkonti tas-Sultan Sawl u l-appostlu Pietru biex jgħinuna nibqgħu nagħmlu sagrifiċċji persunali.

IS-SULTAN SAWL—EŻEMPJU TAʼ TWISSIJA

8. Sawl b’liema attitudni beda l-ħakma tiegħu, u hu kif wera dan?

8 Is-Sultan Sawl iservi bħala twissija għalina dwar kif l-egoiżmu jistaʼ bil-mod il-mod ma jħalliniex nibqgħu nagħmlu sagrifiċċji persunali. Sawl kien modest u umli meta beda l-ħakma tiegħu. (1 Sam. 9:21) Hu b’umiltà għażel li ma jikkastigax lill-Iżraelin li tkellmu kontra l-ħakma tiegħu, avolja kienu qed jisfidaw l-awtorità li kien tah Alla. (1 Sam. 10:27) Is-Sultan Sawl aċċetta l-gwida tal-ispirtu t’Alla meta mexxa lill-Iżraelin f’battalja taʼ suċċess kontra l-Għammonin. Wara dan, bl-umiltà ta l-krettu tar-rebħa lil Ġeħova.—1 Sam. 11:6, 11-13.

9. Sawl kif beda jaħseb b’mod egoist?

9 Iktar tard, Sawl ħalla ħsibijiet egoistiċi u l-kburija jiżviluppaw f’qalbu, bħal sadid li jeqred. Meta għeleb lill-Għamalekin f’battalja, hu poġġa x-xewqat tiegħu stess qabel l-ubbidjenza lejn Ġeħova. Sawl b’regħba ħa l-priża minflok ma qeridha kif kien ikkmandah Alla. U Sawl tant kien kburi li bena monument għalih innifsu. (1 Sam. 15:3, 9, 12) Meta l-profeta Samwel qallu li Ġeħova ma kienx ħa pjaċir, Sawl ipprova jiġġustifika lilu nnifsu billi ffoka fuq il-parti tal-kmand t’Alla li kien obda u billi waħħal f’ħaddieħor għall-iżbalji tiegħu. (1 Sam. 15:16-21) Iktar minn hekk, il-kburija ġiegħlet lil Sawl ikun iktar konċernat li jingħoġob min-nies milli jogħġob lil Alla. (1 Sam. 15:30) Kif nistgħu nużaw dan ir-rakkont dwar Sawl bħala mera biex niġu megħjunin nibqgħu nagħmlu sagrifiċċji persunali?

10, 11. (a) L-esperjenza taʼ Sawl x’tgħallimna rigward li nibqgħu nagħmlu sagrifiċċji persunali? (b) Kif nistgħu ma nsegwux l-eżempju ħażin taʼ Sawl?

10 L-ewwel, l-esperjenza taʼ Sawl turi li m’għandniex inkunu kunfidenti żżejjed, billi nassumu li la qabel għamilna sagrifiċċji persunali awtomatikament se nibqgħu nagħmlu hekk. (1 Tim. 4:10) Żomm f’moħħok li Sawl beda tajjeb u li għal xi żmien kellu l-approvazzjoni t’Alla, imma hu ma ġġilidx it-tendenzi egoistiċi li bdew jinbtu fih. Fl-aħħar mill-aħħar, Ġeħova ċaħad lil Sawl minħabba li m’obdiex.

11 It-tieni, irridu noqogħdu attenti li ma niffokawx biss fuq dak li sejrin tajjeb fih u ninjoraw fejn għandna bżonn nirranġaw. Dan ikun bħallikieku qed nużaw mera biex nieħdu pjaċir naraw ħwejjeġ ġodda u fl-istess ħin ma nindunawx li għandna wiċċna maħmuġ. Anki jekk forsi m’aħniex kburin jew kunfidenti żżejjed bħalma kien Sawl, żgur li għandna naħdmu biex nevitaw kwalunkwe tendenza li tistaʼ twassalna biex insegwu dan l-eżempju ħażin. Jekk ningħataw parir, ejja noqogħdu attenti li ma niġġustifikawx lilna nfusna, inċekknu l-problema, jew inwaħħlu f’ħaddieħor. Minflok ma nkunu bħal Sawl, ikun ħafna aħjar jekk nieħdu l-parir.—Aqra Salm 141:5.

12. Jekk inkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji persunali kif nistgħu niġu megħjuna jekk nagħmlu dnub serju?

12 Madankollu, xi ngħidu jekk nagħmlu dnub serju? Sawl ried iżomm  ir-reputazzjoni tiegħu, u dan ma ħalliehx jirkupra spiritwalment. B’kuntrast, jekk inkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji persunali nistgħu niġu megħjuna negħlbu l-mistħija u nieħdu l-għajnuna li jkollna bżonn. (Prov. 28:13; Ġak. 5:14-16) Pereżempju, ħu beda jara l-pornografija meta kellu 12-il sena u baqaʼ jagħmel dan bil-moħbi għal iktar minn għaxar snin. Hu jgħid: “Sibtha bi tqila biex ngħid lil marti u lill-anzjani b’dak li kont qed nagħmel. Imma issa li stqarrejt dan, inħossni bħallikieku neħħejt għoqla minn fuq l-istonku. Xi wħud minn sħabi ma tantx ħadu pjaċir meta tneħħejt minn qaddej ministerjali, qisu ddiżappuntajthom. Madankollu naf li issa Ġeħova iktar qed jieħu pjaċir bis-servizz tiegħi milli meta kont qed nara l-pornografija, u l-ħarsa tiegħu hi l-iktar importanti.”

PIETRU GĦELEB L-EGOIŻMU

13, 14. Pietru kif wera tendenzi egoistiċi?

13 L-appostlu Pietru wera li kien lest li jagħmel sagrifiċċji persunali meta kien qed jiġi mħarreġ minn Ġesù. (Lq. 5:3-11) Madankollu, kellu jiġġieled tendenzi egoistiċi. Pereżempju, hu kien mgħaddab għall-aħħar meta l-appostli Ġakbu u Ġwanni talbu lil Ġesù biex ikollhom pożizzjonijiet prominenti ħdejh fis-Saltna t’Alla. Forsi Pietru ħaseb li wieħed minn dawn il-postijiet kellu jkun għalih minħabba li Ġesù kien diġà qal li Pietru kien se jkollu rwol speċjali. (Mt. 16:18, 19) Kien x’kien il-każ, Ġesù wissa lil Ġakbu u lil Ġwanni, kif ukoll lil Pietru u l-kumplament tal-appostli, biex ma jkunux egoisti jew iġibu ruħhom bħallikieku kienu aħjar minn ħuthom.—Mk. 10:35-45.

14 Anki wara li Ġesù pprova jikkoreġi l-mod kif kien jaħsibha Pietru, Pietru xorta wera tendenzi egoistiċi. Meta Ġesù qal lill-appostli li għal xi żmien kienu se jabbandunawh, Pietru ċekken lil oħrajn u għolla lilu nnifsu billi sostna li hu biss kien se jibqaʼ leali. (Mt. 26:31-33) Imma l-kunfidenza żejda fih innifsu kienet bla bażi, għax dak il-lejl stess m’għamilx sagrifiċċju persunali. Biex jipprova jipproteġi lilu nnifsu, Pietru  ċaħad lil Ġesù tliet darbiet.—Mt. 26:69-75.

15. L-eżempju taʼ Pietru għala jqawwi l-qalb?

15 Minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-ħajja taʼ Pietru hi eżempju li jqawwi l-qalb. Bi sforz persunali u l-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, Pietru rnexxielu jegħleb it-tendenzi ħżiena tiegħu u juri rażan u jagħmel sagrifiċċju persunali bi mħabba. (Gal. 5:22, 23) Hu ssaporta provi li jistgħu jitqiesu iktar ħorox minn dawk li tfixkel fihom iktar qabel. Pereżempju, hu wera umiltà bil-mod kif aġixxa meta l-appostlu Pawlu ċanfru pubblikament. (Gal. 2:11-14) U wara li ġie mċanfar, Pietru ma żammx f’qalbu billi ħass li r-reputazzjoni tiegħu ġiet effettwata miċ-ċanfira taʼ Pawlu. Pietru kompla juri mħabba lejn Pawlu. (2 Pt. 3:15) L-eżempju taʼ Pietru jistaʼ jgħinna biex inkomplu nagħmlu sagrifiċċji persunali.

Wara li ġie koreġut, Pietru kif irreaġixxa? Kieku aħna nirreaġixxu b’mod simili? (Ara paragrafu 15)

16. Kif nistgħu nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji persunali f’ċirkustanzi diffiċli?

16 Aħseb dwar kif tirreaġixxi f’ċirkustanzi diffiċli. Meta Pietru u l-appostli kienu ġew mitfugħin il-ħabs u mbagħad imsawtin minħabba l-ippritkar tagħhom, huma ferħu “għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba [isem Ġesù].” (Atti 5:41) Int ukoll tistaʼ tqis il-persekuzzjoni bħala opportunità biex timita lil Pietru u biex timxi fil-passi taʼ Ġesù billi tkun lest li tagħmel sagrifiċċji persunali. (Aqra l-1 Pietru 2:20, 21.) Din l-attitudni tistaʼ wkoll tgħinek jekk ingħatajt dixxiplina mill-anzjani. Minflok ma tieħu għalik, segwi l-eżempju taʼ Pietru.—Ekk. 7:9.

17, 18. (a) X’nistgħu nistaqsu lilna nfusna dwar il-miri spiritwali tagħna? (b) X’nistgħu nagħmlu jekk nindunaw li għandna xi traċċi taʼ egoiżmu f’qalbna?

17 Int tistaʼ tibbenefika wkoll mill-eżempju taʼ Pietru f’dawk li huma miri spiritwali. Tistaʼ tirsisti għalihom b’tali mod li turi li lest li tagħmel sagrifiċċji persunali. Madankollu, oqgħod attent li ma tirsistix biex takkwista l-prominenza. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Jien għala nixtieq nitjieb jew inżid fis-servizz tiegħi lil Ġeħova? Huwa biex naqlaʼ t-tifħir jew ikolli iktar awtorità, bħalma riedu Ġakbu u Ġwanni?’

18 Jekk tinduna li għandek xi traċċi taʼ egoiżmu f’qalbek, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tikkoreġi l-ħsib u s-sentimenti tiegħek, u mbagħad aħdem iktar iebes biex tiffoka fuq il-glorja tiegħu minflok fuq tiegħek. (Salm 86:11) Tistaʼ wkoll tirsisti għal miri li ma jitfgħux attenzjoni fuqek. Pereżempju, forsi tikkultiva iktar bis-sħiħ xi aspett tal-frott tal-ispirtu li ssibu speċjalment taʼ sfida. Jew jekk tipprepara bir-reqqa għas-sehem li jkollok fil-laqgħat imma ma tkunx trid tnaddaf is-Sala tas-Saltna, tistaʼ tagħmilha l-mira tiegħek li tapplika l-pariri li nsibu f’Rumani 12:16.—Aqra.

19. X’nistgħu nagħmlu sabiex ma naqtgħux qalbna b’dak li naraw fil-mera tal-Kelma t’Alla?

19 Meta nħarsu bir-reqqa lejna nfusna fil-mera tal-Kelma t’Alla u naraw xi nuqqasijiet, saħansitra evidenza taʼ egoiżmu, għandu mnejn nibdew naqtgħu qalbna. Jekk jiġrilek hekk, irrifletti fuq ir-raġel taʼ suċċess fit-tixbiha taʼ Ġakbu. Ġakbu m’enfasizzax li r-raġel malajr irranġa l-problemi li nduna bihom jew li rnexxielu jneħħi kull tebgħa; minflok, Ġakbu qal li r-raġel ‘kompla fil-liġi perfetta.’ (Ġak. 1:25) Hu ftakar dak li ra fil-mera u baqaʼ jaħdem biex jitjieb. Iva, żomm ħarsa pożittiva tiegħek innifsek u ħarsa bilanċjata tal-imperfezzjonijiet tiegħek. (Aqra Ekkleżjasti 7:20.) Ġeħova hu lest li jgħinek, bħalma għen lil ħafna aħwa. Jekk issegwi t-tagħlim tal-Bibbja u tkompli tagħmel sagrifiċċji persunali, se jkollok l-approvazzjoni u l-barka t’Alla.