Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien

Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien

“Uri konsiderazzjoni lejn il-persuna taʼ raġel xiħ.”LEV. 19:32.

1. L-umanità tinsab f’liema qagħda kerha?

ĠEĦOVA qatt ma ried li l-bnedmin ibatu, jiddgħajfu, u jixjieħu. Għall-kuntrarju, l-iskop tiegħu kien li l-irġiel u n-nisa jgawdu saħħa perfetta f’Ġenna tal-art. Imma issa “l-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.” (Rum. 8:22) Kif taħseb li jħossu Alla meta jara l-konsegwenzi tad-dnub fuq il-bnedmin? Barra minn hekk, ħafna wħud avanzati fl-età jiġu traskurati fi żmien li jkollhom bżonn iktar għajnuna.—Salm 39:5; 2 Tim. 3:3.

2. Il-Kristjani għala japprezzaw il-fatt li fil-kongregazzjoni hemm dawk imdaħħlin fiż-żmien?

2 Il-poplu taʼ Ġeħova japprezza l-fatt li fil-kongregazzjonijiet hemm uħud imdaħħlin fiż-żmien. Aħna nibbenefikaw mill-għerf tagħhom u niġu inkuraġġiti mill-eżempju tagħhom tal-fidi. Ħafna minna niġu minnhom dawn l-uħud għeżież imdaħħlin fiż-żmien. Però, kemm jekk niġu minn aħwa avanzati fl-età u kemm jekk le, aħna jinteressana minnhom. (Gal. 6:10; 1 Pt. 1:22) Ilkoll kemm aħna se nibbenefikaw hekk kif neżaminaw il-ħarsa t’Alla lejn dawk imdaħħlin fiż-żmien. Se nikkunsidraw ukoll ir-responsabbiltajiet taʼ membri tal-familja kif ukoll tal-kongregazzjoni biex jieħdu ħsieb dawn l-uħud tant għeżież.

 “TARMINIX”

3, 4. (a) Il-kittieb taʼ Salm 71 għamel liema talba sinċiera lil Ġeħova? (b) Membri tal-kongregazzjoni mdaħħlin fiż-żmien x’jistgħu jitolbu lil Alla?

3 Salm 71:9 jgħid: “Tarminix fi żmien ix-xjuħija; meta l-qawwa tiegħi tkun qed tonqos, titlaqnix.” X’aktarx li kien David li kiteb dan il-kliem. Hu qeda lil Alla minn żgħożitu sa xjuħitu, u Ġeħova użah biex jagħmel affarijiet tal-għaġeb. (1 Sam. 17:33-37, 50; 1 Slat. 2:1-3, 10) Għalkemm kien għamel ħafna għal Ġeħova, issa li David kien xjaħ ħass il-bżonn li jitlob lil Ġeħova biex jieħu ħsiebu.—Aqra Salm 71:17, 18.

4 Ħafna llum huma bħal David. Minkejja età avanzata u “jiem l-għali,” huma jkomplu jfaħħru lil Alla l-aħjar li jistgħu. (Ekk. 12:1-7) Ħafna minnhom forsi ma jistgħux jagħmlu kulma kienu jagħmlu fil-passat, anki fil-ministeru. Imma anki huma jistgħu jitolbu lil Ġeħova bil-ħrara biex ikompli jberikhom u jieħu ħsiebhom. Dawn l-uħud leali mdaħħlin fiż-żmien jistgħu jkunu ċerti li Alla se jwieġeb it-talb tagħhom. Dan nafuh għax Ġeħova nebbaħ lil David biex jitlob dwar l-istess tħassib raġunevoli.

5. Ġeħova kif iqis lill-uħud leali mdaħħlin fiż-żmien?

5 Ġeħova jgħożżhom ferm lill-uħud leali mdaħħlin fiż-żmien u jistenna li l-qaddejja tiegħu jirrispettawhom. (Salm 22:24-26; Prov. 16:31; 20:29) Levitiku 19:32 jgħid: “Quddiem ix-xagħar griż għandek tqum, u uri konsiderazzjoni lejn il-persuna taʼ raġel xiħ, u ibżaʼ minn Alla tiegħek. Jien Ġeħova.” Iva, meta nkiteb dan il-kliem kienet responsabbiltà serja li l-uħud avanzati fl-età fil-kongregazzjoni jintwerew konsiderazzjoni, jew jiġu onorati, u l-istess illum. Iżda min għandu r-responsabbiltà biex jieħu ħsiebhom?

IR-RESPONSABBILTÀ TAL-FAMILJA

6. Ġesù liema eżempju ħalla f’li jieħu ħsieb lil ommu?

6 Il-Kelma t’Alla tgħidilna: “Onora lil missierek u lil ommok.” (Eżo. 20:12; Efes. 6:2) Ġesù enfasizza dan il-kmandament billi kkundanna lill-Fariżej u l-iskribi li rrifjutaw li jipprovdu għall-ġenituri tagħhom. (Mk. 7:5, 10-13) Ġesù nnifsu ħalla eżempju tajjeb. Pereżempju, meta kien qed imut fuq iz-zokk tat-tortura, Ġesù qal lid-dixxiplu maħbub tiegħu Ġwanni biex jieħu ħsieb lil ommu, li milli jidher kienet romlot.—Ġw. 19:26, 27.

7. (a) L-appostlu Pawlu semma liema prinċipju dwar il-familji? (b) X’inhu l-kuntest taʼ kliem Pawlu?

7 L-appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb li l-Kristjani għandhom jipprovdu għal dawk taʼ darhom. (Aqra l-1 Timotju 5:4, 8, 16.) Ikkunsidra l-kuntest taʼ dak li Pawlu kiteb lil Timotju. Hu ddiskuta min jikkwalifika u min le biex jingħata appoġġ finanzjarju mill-kongregazzjoni. Pawlu qal li t-tfal, it-tfal tat-tfal, u qraba Kristjani oħrajn kellhom ir-responsabbiltà primarja biex jieħdu ħsieb ir-romol imdaħħlin fiż-żmien. B’hekk, ma kellu jkun hemm ebda piż finanzjarju mhux neċessarju fuq il-kongregazzjoni. Bl-istess mod illum, aħna nuru li nħobbu lil Alla billi nipprovdu materjalment għal qraba fil-bżonn.

8. Il-Bibbja għala ma tagħtix istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif tingħata għajnuna lill-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien?

8 Fi kliem sempliċi, tfal adulti Kristjani għandhom l-obbligu li jagħmlu ċert li l-bżonnijiet materjali tal-ġenituri tagħhom jiġu sodisfati. Pawlu kien qed jitkellem dwar qraba li jemmnu, imma ġenituri li mhumiex membri tal-kongregazzjoni Kristjana m’għandhomx jiġu traskurati. Il-mod kif it-tfal jagħtu l-għajnuna jvarja. M’hemmx żewġ sitwazzjonijiet l-istess.  Il-bżonnijiet, il-personalità, u s-saħħa taʼ dawk involuti huma differenti. Xi wħud imdaħħlin fiż-żmien għandhom ħafna tfal; oħrajn għandhom tifel jew tifla waħda biss. Xi wħud jistgħu jiksbu xi għajnuna mingħand il-gvern, imma oħrajn ma jistgħux. Anki l-preferenzi persunali taʼ dawk li jeħtieġu l-għajnuna jkunu differenti. Għalhekk, ma jkunx għaqli jew taʼ mħabba jekk nikkritikaw il-mod kif xi ħadd qed jipprova jieħu ħsieb qraba mdaħħlin fiż-żmien. Wara kollox, Ġeħova jistaʼ jbierek kwalunkwe deċiżjoni Skritturali u jara li tirnexxi, kif għamel għall-poplu tiegħu sa minn żmien il-qedem.—Num. 11:23.

9-11. (a) Xi wħud liema deċiżjonijiet diffiċli forsi jkollhom jieħdu? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Tfal adulti għala m’għandhomx jgħaġġlu biex jitilqu mis-servizz fultajm? Semmi eżempju.

9 Meta l-ġenituri u t-tfal jgħixu ’l bogħod minn xulxin, jistaʼ jkun taʼ sfida biex lill-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien tingħatalhom l-għajnuna li jeħtieġu. It-tfal forsi jkollhom iżuru lill-ġenituri tagħhom malajr malajr minħabba xi waqgħa, xi ksur fl-għadam, jew xi problema serja oħra. Wara dan, il-ġenituri forsi jkollhom bżonn l-għajnuna għal żmien qasir jew saħansitra għal tul taʼ żmien. *

10 Dawk fis-servizz fultajm li għandhom inkarigi ’l bogħod mid-dar forsi jkollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli ferm. Beteliti, missjunarji, u indokraturi li jivvjaġġaw kollha jqisu l-inkarigu tagħhom bħala li hu prezzjuż, barka mingħand Ġeħova. Xorta waħda, jekk il-ġenituri tagħhom jimirdu, l-ewwel reazzjoni tagħhom forsi tkun, ‘Se jkollna nitilqu l-inkarigu tagħna u mmorru lura d-dar biex nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna.’ Madankollu, ikun għaqli jekk jitolbu u jaħsbu dwar dak li l-ġenituri verament jeħtieġu jew iridu. Ħadd m’għandu jgħaġġel biex jitlaq xi privileġġ taʼ servizz, u dan forsi ma jkunx dejjem neċessarju. Jistaʼ jkun li l-problema taʼ saħħa hi biss temporanja? Hemm xi wħud fil-kongregazzjoni tal-ġenituri li jkunu lesti biex jgħinuhom, u b’hekk iħallu lil uliedhom ikomplu fl-inkarigu tagħhom?—Prov. 21:5.

11 Pereżempju, ikkunsidra l-eżempju taʼ żewġ aħwa rġiel li kienu jaqdu ’l bogħod mid-dar. Wieħed kien missjunarju fl-Amerika t’Isfel, u l-ieħor kien jaħdem fil-kwartieri ġenerali, fi Brooklyn, New York. Meta l-ġenituri tagħhom kellhom bżonn l-għajnuna, l-aħwa flimkien man-nisa tagħhom żaru lill-ġenituri tagħhom fil-Ġappun biex jaraw x’setgħu jagħmlu. Maż-żmien, il-koppja fl-Amerika t’Isfel kienu qed jikkunsidraw li jitilqu l-inkarigu tagħhom biex imorru lura d-dar. Imbagħad ċemplulhom l-anzjani tal-kongregazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Dawn l-anzjani kienu tkellmu dwar is-sitwazzjoni u riedu li l-missjunarji jibqgħu kemm jistgħu fl-inkarigu tagħhom. L-anzjani apprezzaw is-servizz taʼ din il-koppja u kienu determinati li jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinuhom jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom. Dawk kollha fil-familja apprezzaw l-għajnuna kollha mħabba tal-anzjani.

12. Meta familja Kristjana tiddeċiedi kif se tieħu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien, minn xiex iridu jkunu ċerti?

12 Hi x’inhi d-deċiżjoni li tieħu familja Kristjana biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ ġenituri mdaħħlin fiż-żmien, ilkoll għandhom jagħmlu ċert li d-deċiżjonijiet tagħhom jonoraw l-isem t’Alla. Qatt ma rridu nkunu bħall-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù. (Mt. 15:3-6) Minflok, irridu nonoraw lil Ġeħova u lill-kongregazzjoni.—2 Kor. 6:3.

 IR-RESPONSABBILTÀ TAL-KONGREGAZZJONI

13, 14. Il-Bibbja kif turi li l-kongregazzjonijiet għandhom jgħinu biex jieħdu ħsieb lill-membri mdaħħlin fiż-żmien?

13 Mhux kulħadd jistaʼ jgħin lill-qaddejja fultajm kif għamlet il-kongregazzjoni msemmija hawn fuq. Imma l-Bibbja turi li l-kongregazzjonijiet għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil uħud leali avanzati fl-età. Fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm fl-ewwel seklu, “ma kien hemm ħadd fosthom fil-bżonn.” Dan ma jfissirx li kollha kienu għonja. Infatti jidher li xi wħud kellhom verament ftit materjalment, imma kien ikun hemm tqassim “bejn kulħadd, skond il-bżonn taʼ kull wieħed.” (Atti 4:34, 35) Iżda iktar tard inqalgħet problema serja fil-kongregazzjoni. Xi romol ma kinux qed jingħataw “it-tqassim taʼ l-ikel taʼ kuljum.” Allura x’għamlu l-appostli? Inkarigaw irġiel responsabbli biex jagħmlu ċert li r-romol jiġu trattati b’mod ġust u jingħataw biżżejjed ikel. (Atti 6:1-5) F’Pentekoste tas-sena 33 EK, ħafna viżitaturi barranin saru Kristjani u baqgħu Ġerusalemm biex isaħħu l-fidi tagħhom. Avolja t-tqassim tal-ikel kien biss temporanju, id-deċiżjoni tal-appostli turi li l-kongregazzjonijiet jistgħu jgħinu biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet t’aħwa leali mdaħħlin fiż-żmien.

14 Pawlu spjega lil Timotju meta jkun xieraq li l-kongregazzjoni tgħin lir-romol Kristjani bil-bżonnijiet materjali tagħhom. (1 Tim. 5:3-16) Ġakbu ġie mnebbaħ jikteb li l-Kristjani għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-iltiema, ir-romol, u oħrajn li jgħaddu minn żminijiet diffiċli. (Ġak. 1:27; 2:15-17) L-appostlu Ġwanni wkoll spjega: “Kulmin għandu biex jgħix f’din id-dinja u jara lil ħuh fil-bżonn u ma jkunx irid juri ħniena miegħu, kif tistaʼ tibqaʼ fih l-imħabba t’Alla?” (1 Ġw. 3:17) Jekk Kristjani individwali għandhom dawn l-obbligi lejn dawk fil-bżonn, mhuwiex dan minnu wkoll fil-każ tal-kongregazzjonijiet?

15. X’jistaʼ jeffettwa l-għajnuna li forsi jkollhom bżonn aħwa mdaħħlin fiż-żmien?

15 F’xi pajjiżi, il-gvern forsi jgħin lil dawk imdaħħlin fiż-żmien billi jipprovdi pensjonijiet u għajnuniet oħra. (Rum. 13:6) F’postijiet oħrajn, dawn l-għajnuniet ma jeżistux. Allura, l-għajnuna li l-qraba u l-kongregazzjonijiet ikollhom jagħtu se tiddependi mis-sitwazzjoni. Jekk l-ulied Kristjani jgħixu ’l bogħod mill-ġenituri tagħhom, dan jistaʼ jeffettwa kemm l-ulied ikunu jistgħu jagħtu għajnuna. It-tfal iridu jikkomunikaw mal-anzjani tal-kongregazzjoni tal-ġenituri tagħhom biex  jagħmlu żgur li kulħadd jifhem iċ-ċirkustanzi tal-familja. Pereżempju, l-anzjani forsi jkunu jistgħu jgħinu lill-ġenituri jsiru jafu liema għajnuna jagħti l-gvern lil dawk avanzati fl-età. Għandhom mnejn anki jinnotaw affarijiet li t-tfal jeħtieġu jkunu jafu bihom, bħal ittri importanti li ma jkunux infetħu jew mediċini li l-ġenituri ma jkunux ħadu. Jekk it-tfal u l-anzjani jikkomunikaw bil-miftuħ u b’mod ċar, forsi jkunu jistgħu jsibu soluzzjonijiet. Meta jkun hemm xi ħadd fil-qrib li jistaʼ jagħti daqqa t’id jew jagħti pariri lill-membri tal-familja li jgħixu ’l bogħod, dan jistaʼ jgħin biex sitwazzjoni ma tiggravax, u l-familja tkun tistaʼ sserraħ ftit moħħha.

16. Xi Kristjani x’għamlu biex jgħinu lil uħud avanzati fl-età fil-kongregazzjoni?

16 Peress li jħobbu lil dawn l-uħud għeżież imdaħħlin fiż-żmien, xi Kristjani taw mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex jgħinu bi kwalunkwe mod li jistgħu. Huma jittrattaw lil dawn l-uħud bħall-familja tagħhom stess. Biex jieħdu ħsieb uħud avanzati fl-età, xi aħwa jaqsmu x-xogħol billi jmorru darba kull wieħed. Avolja huma personalment ma jistgħux jaqdu fis-servizz fultajm, dawn l-aħwa li tant jimpurtahom forsi jkunu jistgħu jgħinu biex l-ulied jibqgħu fl-inkarigu tagħhom. Aħwa bħal dawn għandhom attitudni eċċellenti! M’għandniex xi ngħidu, jagħtu kemm jagħtu għajnuna oħrajn, it-tfal xorta għandhom ir-responsabbiltà biex jagħmlu kulma jistgħu għall-ġenituri tagħhom.

ONORA LIL DAWK AVANZATI FL-ETÀ BI KLIEM INKURAĠĠANTI

17, 18. L-attitudni x’effett għandha fuq l-għajnuna li jingħataw dawk imdaħħlin fiż-żmien?

17 Meta jżommu attitudni pożittiva, dawk imdaħħlin fiż-żmien u l-uħud li jieħdu ħsiebhom jistgħu jagħmlu sitwazzjoni diffiċli iktar faċli. Kultant ix-xjuħija tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun iħossu skuraġġit jew saħansitra dipress. Allura forsi jkun hemm bżonn taʼ sforz speċjali biex tonora u tinkuraġġixxi lill-aħwa avanzati fl-età. Kif tistaʼ tagħmel dan? Żomm il-konversazzjonijiet magħhom pożittivi. Dawn l-uħud għeżież baqgħu leali lejn Ġeħova u jixirqilhom it-tifħir tagħna. Ġeħova ma jinsiex dak kollu li għamlu biex jaqduh, u lanqas aħna m’għandna ninsewh.—Aqra Malakija 3:16; Ebrej 6:10.

18 Barra minn dan, xogħlijiet diffiċli taʼ kuljum jistgħu jkunu iktar faċli meta kemm dawk imdaħħlin fiż-żmien kif ukoll l-uħud li jieħdu ħsiebhom jiċċajtaw meta jkun xieraq. (Ekk. 3:1, 4) Ħafna minn dawk avanzati fl-età jagħmlu ħilithom biex ma jistennewx iżżejjed. Huma jifhmu li għandhom mnejn jingħataw iktar attenzjoni u jkollhom iktar żjajjar jekk ikunu dħulin. Ħafna li jżuru lil dawk imdaħħlin fiż-żmien spiss jgħidu, “Mort biex ninkuraġġixxi lil ħabib tiegħi, imma spiċċajt ġejt inkuraġġit jien.”—Prov. 15:13; 17:22.

19. X’jistaʼ jgħin lill-kbar u ż-żgħar jibqgħu sodi fi żminijiet diffiċli?

19 Aħna nixxennqu għal dak iż-żmien meta x-xjuħija, it-tbatija, u l-imperfezzjoni jintemmu. Sadanittant, il-qaddejja t’Alla għandhom jiffokaw fuq it-tama tagħhom għal futur li se jibqaʼ għal dejjem. Aħna nafu li l-fidi fil-wegħdi t’Alla żżommna sodi fi żminijiet diffiċli. Minħabba li għandna l-fidi, “ma naqtgħux qalbna, imma anki jekk il-bniedem li aħna minn barra qed jispiċċa, żgur li l-bniedem li aħna minn ġewwa qed jiġġedded minn jum għall-ieħor.” (2 Kor. 4:16-18; Ebr. 6:18, 19) X’hemm iktar li jistaʼ jgħin lil dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb uħud imdaħħlin fiż-żmien? Se niddiskutu xi suġġerimenti t’għajnuna fl-artiklu li jmiss.

^ par. 9 L-artiklu li jmiss se jiddiskuti ftit mill-affarijiet li forsi huma disponibbli għal dawk avanzati fl-età u għal uliedhom.