Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Nilħqu l-qalb ta’ qraba li mhumiex tal-istess twemmin

Nilħqu l-qalb ta’ qraba li mhumiex tal-istess twemmin

“MUR id-dar għand qrabatek, u għidilhom dak kollu li Ġeħova għamel miegħek u l-ħniena li wriek,” qal Ġesù Kristu. F’dak iż-żmien x’aktarx kien f’Gadara, fix-Xlokk tal-Baħar tal-Galilija, jitkellem maʼ raġel li ried isir segwaċi tiegħu. Il-kliem taʼ Ġesù juri li hu fehem karatteristika bażika tal-bnedmin—ix-xewqa li jaqsmu affarijiet taʼ interess u taʼ importanza mal-qraba.—Mk. 5:19.

Anki llum spiss naraw din il-karatteristika, għalkemm f’xi kulturi hi iktar evidenti milli f’oħrajn. B’hekk, meta individwu jsir aduratur tal-Alla l-veru, Ġeħova, normalment ikun jixtieq jaqsam it-twemmin ġdid tiegħu maʼ qrabatu. Imma kif għandu jagħmel dan? Kif jistaʼ jilħaq il-qalb taʼ qraba li għandhom reliġjon differenti jew li m’għandhom ebda reliġjon? Il-Bibbja tagħti pariri pożittivi u realistiċi.

“SIBNA ’L-MESSIJA”

Fl-ewwel seklu, Indrì kien wieħed minn tal-ewwel li identifika lil Ġesù bħala l-Messija. U minnufih lil min mar jgħid b’dak li sar jaf? “L-ewwel dan [Indrì] sab lil ħuh Xmun u qallu: ‘Sibna ’l-Messija’ (kelma li meta tiġi tradotta tfisser Kristu).” Indrì ħa lil Pietru għand Ġesù, u b’hekk lil Pietru tah l-opportunità li jsir wieħed mid-dixxipli taʼ Ġesù.—Ġw. 1:35-42.

Madwar sitt snin wara, meta Pietru kien qiegħed f’Ġaffa, hu ġie mistieden jivvjaġġa lejn Ċesarija, fit-Tramuntana, biex iżur id-dar taʼ Kornelju, fizzjal tal-armata. Pietru lil min sab miġbur fid-dar? “Naturalment, Kornelju kien qed jistenniehom [lil Pietru u lil dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu] u kien ġabar flimkien lil qrabatu u lil xi ħbieb tal-qalb.” B’hekk, Kornelju ta lil qrabatu l-opportunità li jisimgħu lil Pietru u jieħdu deċiżjoni bbażata fuq dak li semgħu.—Atti 10:22-33.

 X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Indrì u Kornelju ttrattaw lill-qraba tagħhom?

Kemm Indrì u kemm Kornelju ħadu azzjoni. Indrì introduċa personalment lil Pietru maʼ Ġesù, u Kornelju għamel arranġamenti biex qrabatu jisimgħu dak li kellu xi jgħid Pietru. Imma Indrì u Kornelju la għamlu pressjoni fuq qrabathom u lanqas ipprovaw iqarrqu bihom biex huma jsiru segwaċi taʼ Kristu. X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Nagħmlu tajjeb jekk naġixxu b’mod simili. Forsi nistgħu naqsmu xi ħsibijiet maʼ qrabatna u noħolqu opportunitajiet biex jiġu f’kuntatt maʼ veritajiet tal-Bibbja u m’aduraturi sħabna. Xorta waħda, aħna nirrispettaw il-libertà tal-għażla tagħhom u ma nagħmlux pressjoni fuqhom li ddejjaqhom. Biex nagħtu eżempju dwar kif nistgħu ngħinu lil qrabatna, ikkunsidra l-eżempju taʼ Jürgen u Petra, koppja miżżewġa fil-Ġermanja.

Petra studjat il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u maż-żmien tgħammdet. Żewġha, Jürgen, kien fizzjal fl-armata. Għall-ewwel, Jürgen xejn ma ħa pjaċir bid-deċiżjoni taʼ martu. Imma maż-żmien irrealizza li x-Xhieda jippritkaw il-verità mill-Bibbja. Anki hu ddedika ħajtu lil Ġeħova, u llum jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni lokali. Hu liema parir jagħti dwar li nilħqu l-qalb taʼ qarib li ma jemminx bħalna?

Jürgen jgħid: “M’għandniex nipprovaw nisforzaw u nibbombardjaw lil qrabatna b’affarijiet spiritwali. Dan jistaʼ sempliċement iġegħelhom iktar ma jaċċettawx. Fl-aħħar mill-aħħar, jaf ikun aħjar jekk xi kultant ngħidulhom xi ħaġa żgħira bit-tattika. Huwa tajjeb ukoll jekk lil qrabatna nlaqqgħuhom maʼ ħutna li jkunu tamparhom u jkollhom l-istess interessi. Jekk tagħmel dan se jkun iktar faċli biex tgħinhom.”

L-appostlu Pietru u l-qraba taʼ Kornelju mill-ewwel laqgħu l-messaġġ tal-Bibbja. Oħrajn fl-ewwel seklu li semgħu bil-verità kellhom bżonn iktar żmien biex jieħdu deċiżjoni.

XI NGĦIDU GĦAL ĦUT ĠESÙ?

Diversi qraba taʼ Ġesù wrew fidi fih matul il-ministeru pubbliku tiegħu. Pereżempju, jidher possibbli li l-appostli Ġakbu u Ġwanni kienu kuġini taʼ Ġesù u li ommhom, Salomè, kienet zitu. Jistaʼ jkun li hi kienet waħda mill-“ħafna nisa oħrajn, li kienu jaqdu [lil Ġesù u l-appostli] minn dak li kellhom.”—Lq. 8:1-3.

Però, membri oħrajn mill-familja taʼ Ġesù mhux mill-ewwel eżerċitaw il-fidi. Pereżempju, darba minnhom, iktar minn sena wara l-magħmudija taʼ Ġesù, folol inġabru ġo dar biex jisimgħuh. “Imma meta qrabatu semgħu b’dan, ħarġu biex jaqbduh, għax bdew jgħidu: ‘Tilef moħħu.’” Xi żmien wara, meta ħut Ġesù mill-omm staqsewh fejn kien sejjer, hu ma wiġibhomx direttament. Għala? Għax “fil-fatt, ħutu ma kinux qed jeżerċitaw il-fidi fih.”—Mk. 3:21; Ġw. 7:5.

X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù ttratta lil qrabatu? Hu ma ħax għalih meta xi wħud sostnew li kien tilef moħħu. Saħansitra wara li ġie maqtul u rxoxtat, Ġesù ta iktar inkuraġġiment lil qrabatu billi deher lil Ġakbu, ħuh mill-omm. Milli jidher, dan għen biex jikkonvinċi lil Ġakbu u anki lil ħutu l-oħrajn mill-omm li Hu kien verament  il-Messija. Infatti, huma kienu mal-appostli u oħrajn f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm u milli jidher irċivew l-ispirtu qaddis. Maż-żmien, Ġakbu u Ġuda, ħu ieħor taʼ Ġesù mill-omm, gawdew privileġġi meraviljużi.—Atti 1:12-14; 2:1-4; 1 Kor. 15:7.

XI WĦUD JEĦTIEĠU ĦAFNA ŻMIEN

Bħal fl-ewwel seklu, illum xi qraba jkunu jeħtieġu ammont taʼ żmien mhux ħażin qabel ma jaqbdu t-triq li tagħti għall-ħajja. Ħu pereżempju lil Roswitha, li kienet Kattolika Rumana attiva meta żewġha tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1978. Għax kienet devota fit-twemmin tagħha, Roswitha għall-ewwel kienet topponi lil żewġha. Imma matul is-snin, ma baqgħetx topponih daqstant u bdiet tara li x-Xhieda jgħallmu l-verità. Fl-2003 tgħammdet hi wkoll. X’għen biex ikun hemm bidla? Żewġha ma ħax għalih meta għall-ewwel bdiet topponih, imma minflok, lil Roswitha taha opportunitajiet biex tbiddel l-opinjoni tagħha. U hi liema parir tagħti? “Jistaʼ jitwettaq ħafna ġid jekk dak li jkun jistabar u jibqaʼ jistabar.”

Monika tgħammdet fl-1974, u ż-żewġ uliedha subien saru Xhieda madwar għaxar snin wara. Għalkemm żewġha, Hans, qatt m’oppona t-twemmin tagħha, hu dam sal-2006 biex tgħammed. Peress li għaddew minn din is-sitwazzjoni, il-familja liema parir tagħti? “Ibqaʼ leali lejn Ġeħova, u tagħmilx kompromess tal-fidi.” Naturalment kien importanti li lil Hans kontinwament juruh li jħobbuh. U huma qatt ma qatgħu qalbhom minnu li eventwalment kien se jsir Xhud.

SIB SERĦAN MILL-ILMA TAL-VERITÀ

Ġesù darba qabbel il-messaġġ tal-verità maʼ ilma li jagħti l-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 4:13, 14) Aħna rridu li l-qraba tagħna jsibu serħan billi jixorbu mill-ilma frisk u nadif tal-verità. Żgur li ma rriduhomx jifgaw minħabba li jiġu sforzati jixorbu ħafna ilma f’daqqa. Jekk iħossuhomx imserrħin jew fgati jistaʼ jiddependi minn kif nispjegawlhom it-twemmin tagħna. Il-Bibbja tgħid li “qalb il-ġust timmedita sabiex twieġeb” u li “qalb l-għaref iġġiegħel lil fommu juri d-dehen u żżid il-persważjoni lil xofftejh.” Kif nistgħu napplikaw dawn il-pariri?—Prov. 15:28; 16:23.

Mara għandha mnejn tkun tixtieq tispjega t-twemmin tagħha lil żewġha. Jekk hi “timmedita sabiex twieġeb,” se tagħżel kliemha bil-għaqal u ma titkellimx bl-addoċċ. Hi m’għandhiex tagħti l-impressjoni li tħossha ġusta żżejjed jew superjuri. Id-diskors tagħha maħsub sew jistaʼ jkun taʼ serħan u jippromwovi l-paċi. Żewġha meta jkun rilassat u faċli biex tavviċinah? Liema suġġetti jħobb jaqra jew jitkellem dwarhom? Interessat hu fix-xjenza, il-politika, jew l-isports? Kif tistaʼ hi tqanqal il-kurżità tiegħu dwar il-Bibbja imma fl-istess ħin tirrispetta s-sentimenti u l-opinjonijiet tiegħu? Jekk taħseb fuq dan, hi se tiġi megħjuna titkellem u taġixxi bid-dehen.

Li nilħqu l-qalb taʼ membri tal-familja li għadhom mhumiex Xhieda mhijiex sempliċement kwistjoni taʼ li nispjegawlhom it-twemmin tagħna ftit ftit. Il-kondotta tajba tagħna għandha tkun fi qbil maʼ dak li ngħidu.

KONDOTTA EŻEMPLARI

“Ibqaʼ applika l-prinċipji Bibliċi fil-ħajja taʼ kuljum. Dan hu mod effettiv ħafna biex iġġiegħel lill-qarib jieqaf u jaħseb, anki jekk mhux se jammetti dan,” jispjega Jürgen, li ssemma fuq. Hans, li tgħammed xi 30 sena wara martu, jaqbel miegħu. “Kondotta Kristjana eżemplari hi importanti sabiex il-qraba jaraw l-effett pożittiv tal-verità f’ħajjitna.” Il-qraba tagħna għandhom ikunu jistgħu jaraw li t-twemmin tagħna jagħmilna differenti minn t’oħrajn b’mod pożittiv, mhux b’mod negattiv jew offensiv.

“Kondotta Kristjana eżemplari hi importanti sabiex il-qraba jaraw l-effett pożittiv tal-verità f’ħajjitna.”—Hans

L-appostlu Pietru ta pariri għaqlin lin-nisa li żwieġhom mhumiex tal-istess twemmin: “Kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond. U tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra, l-immaljar tax-xagħar u l-ilbis t’ornamenti tad-deheb jew taʼ ħwejjeġ, imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb,  imżejna bi spirtu kwiet u ġwejjed li ma jitħassarx u li hu taʼ valur kbir f’għajnejn Alla.”—1 Pt. 3:1-4.

Pietru kiteb li raġel jistaʼ jintrebaħ mill-kondotta eżemplari taʼ martu. B’din il-gwida Skritturali f’moħħha, oħt jisimha Christa ilha tipprova tmiss qalb żewġha bil-kondotta tagħha minn mindu tgħammdet fl-1972. Għalkemm żewġha xi darba kien jistudja max-Xhieda, hu għadu m’għamilx il-verità tiegħu. Hu attenda xi laqgħat Kristjani u jingwalaha sew maʼ dawk fil-kongregazzjoni. Huma, min-naħa tagħhom, jirrispettaw id-dritt tiegħu li jagħżel. Christa kif tipprova tilħaqlu qalbu?

“Jien determinata li nibqaʼ nobdi lil Ġeħova. Fl-istess ħin, nipprova nirbaħ lil żewġi ‘mingħajr ebda kelma’ permezz tal-kondotta tajba tiegħi. Meta ma jkun se jinkiser l-ebda prinċipju Bibliku, nagħmel dak kollu li nistaʼ biex naqtagħlu xewqtu. U, naturalment, nirrispetta l-libertà tal-għażla tiegħu u nħalli kollox f’idejn Ġeħova.”

Il-mod kif taġixxi Christa juri l-valur li tkun flessibbli. Hi tkompli żżomm rutina tajba spiritwalment billi tattendi regolarment il-laqgħat u jkollha sehem sinifikanti fil-ministeru Kristjan. Madankollu, hi turi konsiderazzjoni, billi tirrealizza li żewġha għandu d-dritt għall-imħabba, il-ħin, u l-attenzjoni tagħha. Kull min għandu qraba li mhumiex tal-istess twemmin jagħmel tajjeb li jkun flessibbli u juri konsiderazzjoni. Il-Bibbja tispjega: “Għal kollox hemm żmien stabbilit.” Dan jinkludi ħin li nqattgħuh mal-membri tal-familja, speċjalment mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ, li ma jemmnux bħalna. Il-ħin li nqattgħu flimkien jinkuraġġixxi l-komunikazzjoni. L-esperjenza turi li komunikazzjoni tajba tnaqqas ir-riskju li dak li jkun iħossu waħdu, imwarrab, jew għajjur.—Ekk. 3:1.

TAQTAX QALBEK!

“Huwa importanti li nuru li nħobbu lill-membru tal-familja u li nitolbu għalih,” jgħid Holger, li missieru tgħammed 20 sena wara li tgħammdu membri oħra tal-familja. Christa tkompli tgħid li ‘hi qatt mhi se taqtaʼ qalbha u li tibqaʼ tittama li żewġha, fl-aħħar mill-aħħar, jieħu waqfa man-naħa taʼ Ġeħova u jaċċetta l-verità.’ Dejjem għandu jkollna attitudni pożittiva lejn qrabatna li ma jemmnux bħalna.

Il-mira tagħna hi li nżommu r-relazzjonijiet b’saħħithom, li nagħtu opportunità lil qrabatna biex jirrikonoxxu l-verità, u li mmissulhom qalbhom bil-messaġġ tal-Bibbja. U dejjem għandna nġibu ruħna “bil-ħlewwa u b’rispett profond.”—1 Pt. 3:15.