Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-kliem tiegħek—Huwa “Iva u fl-istess ħin Le”?

Il-kliem tiegħek—Huwa “Iva u fl-istess ħin Le”?

Ikkunsidra din is-sitwazzjoni: Anzjan li hu membru tal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet ftiehem biex jaħdem maʼ ħu żagħżugħ fil-ministeru l-Ħadd filgħodu. Dakinhar l-anzjan jirċievi telefonata urġenti minn ħu li martu għadha kif kienet involuta f’inċident tat-traffiku u ttieħdet l-isptar. Hu jistaqsi lill-anzjan biex jgħinu jsib tabib li se jikkoopera fil-kwistjoni tad-demm. Allura l-anzjan jikkanċella l-arranġament li kellu mal-ħu żagħżugħ biex jagħti appoġġ kollu mħabba lil familja li qed tiffaċċja emerġenza.

Immaġina sitwazzjoni oħra: Omm waħedha u ż-żewġt itfal tagħha jiġu mistidnin minn koppja fil-kongregazzjoni tagħhom biex iqattgħu lejla flimkien. Meta tgħid lil uliedha dwar l-istedina, wiċċhom jixgħel bil-ferħ. Bil-ħerqa jħarsu ’l quddiem għaliha. Madankollu, il-ġurnata taʼ qabel ma jkunu sejrin, il-koppja tgħid lill-omm li nqalgħet xi ħaġa bla mistenni u li se jkollhom jikkanċellaw. Iktar tard hi ssir taf għala l-koppja kkanċellaw. Wara li stidnuhom, il-koppja ġew mistidnin minn xi ħbieb biex imorru għandhom f’dik l-istess lejla, u huma aċċettaw.

M’għandniex xi ngħidu, bħala Kristjani għandna nżommu kelmitna. Qatt m’għandna ngħidu ‘iva u fl-istess ħin le,’ jiġifieri, qatt m’għandna ngħidu li se nagħmlu xi ħaġa u mbagħad inbiddlu fehmitna mingħajr raġuni valida. (2 Kor. 1:18) Madankollu, bħalma juru ż-żewġ eżempji, mhux kull sitwazzjoni tkun l-istess. Jistaʼ jkun hemm drabi meta donnu ma jkollniex għażla ħlief li nikkanċellaw xi arranġament li nkunu għamilna. L-appostlu Pawlu darba sab ruħu f’sitwazzjoni bħal din.

PAWLU ĠIE AKKUŻAT LI MA JŻOMMX KELMTU

Fis-sena 55 EK, waqt li Pawlu kien f’Efesu matul it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, kellu l-ħsieb li jaqsam il-Baħar Eġew għal Korintu u minn hemm jivvjaġġa lejn il-Maċedonja. Hu u sejjer lura Ġerusalemm ippjana li jżur lill-kongregazzjoni f’Korintu għat-tieni darba, milli jidher biex jiġbor l-għotja li għamlu b’qalb tajba għal ħuthom f’Ġerusalemm. (1 Kor. 16:3) Dan jidher ċar mit-2 Korintin 1:15, 16, li jgħid: “B’din il-fiduċja, qabel kont bi ħsiebni niġi għandkom, biex tkunu tistgħu tifirħu għat-tieni darba, u wara waqfa qasira magħkom, immur il-Maċedonja, u nerġaʼ niġi għandkom mill-Maċedonja u tiġu biċċa mit-triq miegħi lejn il-Lhudija.”

 Jidher li f’ittra li kien bagħtilhom qabel, Pawlu kien informa lil ħutu Korintin bil-pjan tiegħu. (1 Kor. 5:9) Madankollu, ftit wara li kiteb din l-ittra, Pawlu semaʼ mingħand dawk tad-dar taʼ Kloe li kien hemm tilwim serju fil-kongregazzjoni. (1 Kor. 1:10, 11) Pawlu ddeċieda li jaġġusta l-pjan oriġinali tiegħu, u kiteb l-ittra li issa nafuha bħala l-1 Korintin. Fiha Pawlu bi mħabba ta pariri u korrezzjoni. Semma wkoll li kien biddel ir-rotta tiegħu u informahom li l-ewwel kien se jmur il-Maċedonja u mbagħad Korintu.—1 Kor. 16:5, 6. *

Jidher li meta l-aħwa f’Korintu rċivew l-ittra tiegħu, xi wħud mill-“appostli raffinati żżejjed” f’din il-kongregazzjoni akkużawh li ma kienx iżomm kelmtu. Biex jiddefendi ruħu, Pawlu staqsa: “Meta kelli dan il-ħsieb, ma qgħadtx nieħu l-affarijiet biċ-ċajt, hux hekk? Jew dak li nkun bi ħsiebni nagħmel, inkun bi ħsiebni nagħmlu skond il-laħam, biex inkun nistaʼ ngħid ‘Iva, Iva’ u ‘Le, Le’?”—2 Kor. 1:17; 11:5.

Forsi nistaqsu, F’dawn iċ-ċirkustanzi kien l-appostlu Pawlu verament ‘qed jieħu l-affarijiet biċ-ċajt’? Dażgur li le! Il-kelma tradotta “biċ-ċajt” tagħti s-sens li wieħed ma jżommx kelmtu, bħallikieku ma tistax tistrieħ fuqu. Il-mistoqsija taʼ Pawlu “nkun bi ħsiebni nagħmlu skond il-laħam?” imissha għenet lill-Kristjani f’Korintu biex jaraw li d-deċiżjoni taʼ Pawlu li jbiddel il-pjanijiet tiegħu ma kinitx għax ma kienx taʼ min joqgħod fuqu.

Pawlu wieġeb l-akkuża tagħhom meta kiteb: “Imma tistgħu tafdaw f’Alla li l-kliem li għednielkom m’huwiex Iva u fl-istess ħin Le.” (2 Kor. 1:18) Pawlu ċertament li ried l-aħjar għal ħutu f’Korintu meta biddel l-arranġamenti tiegħu. Fit-2 Korintin 1:23, naqraw li biddel il-pjan oriġinali tiegħu li jmur Korintu biex ‘jeħlishielhom.’ Tabilħaqq, kien tahom opportunità biex jirranġaw l-affarijiet qabel ma jmur iżuruhom. Bħalma ttama, waqt li kien il-Maċedonja, Pawlu semaʼ mingħand Titu li l-ittra tiegħu kienet tassew qanqlithom biex jitnikktu u jindmu, u dan ferrħu ħafna.—2 Kor. 6:11; 7:5-7.

ĠESÙ HU L-GARANZIJA

L-akkuża li ma kienx iżomm kelmtu setgħet tat x’tifhem li jekk Pawlu ma kienx taʼ min joqgħod fuqu fil-ħajja taʼ kuljum, lanqas ma setaʼ jiġi fdat fix-xogħol tiegħu tal-ippritkar. Però, Pawlu fakkar lill-Korintin li kien ippritkalhom lil Ġesù Kristu. “L-Iben t’Alla, Kristu Ġesù, li ġie pridkat fostkom permezz tagħna, jiġifieri, permezz tiegħi u taʼ Silvanu u taʼ Timotju, ma sarx Iva u fl-istess ħin Le, imma l-Iva sar Iva fil-każ tiegħu.” (2 Kor. 1:19) Kien ix-xempju taʼ Pawlu, Ġesù Kristu, mhux taʼ min joqgħod fuqu b’xi mod? Le! Matul il-ħajja u l-ministeru tiegħu, Ġesù dejjem tkellem il-verità. (Ġw. 14:6; 18:37) Jekk dak li pprietka Ġesù kien kompletament minnu u taʼ min joqgħod fuqu u Pawlu pprietka l-istess messaġġ, mela l-ippritkar tal-appostlu kien taʼ min joqgħod fuqu wkoll.

M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova hu “l-Alla tal-verità.” (Salm 31:5) Dan nistgħu narawh minn dak li Pawlu kiteb wara: “Il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu,” jiġifieri, permezz taʼ Kristu. L-integrità perfetta taʼ Ġesù waqt li kien fuq l-art neħħiet kull dubju li setaʼ kien hemm dwar il-wegħdi taʼ Ġeħova. Pawlu jkompli: “Għalhekk ukoll permezz [taʼ Ġesù] ngħidu ‘Amen’ lil Alla biex nagħtuh glorja.” (2 Kor. 1:20) Ġesù hu l-garanzija persunali, jew l-“Amen,” li kull wegħda li jagħmel Alla Ġeħova se titwettaq!

 Bħalma Ġeħova u Ġesù dejjem jgħidu l-verità, hekk ukoll Pawlu dejjem kien onest fi kliemu. (2 Kor. 1:19) Hu ma kienx imur kontra kelmtu, xi ħadd li jagħmel il-wegħdi “skond il-laħam.” (2 Kor. 1:17) Minflok, hu kien ‘jimxi bl-ispirtu.’ (Gal. 5:16) Meta ttratta m’oħrajn dejjem ried l-aħjar għalihom. L-Iva tiegħu kienet tfisser Iva!

L-IVA TIEGĦEK TFISSER IVA?

Illum, huwa komuni li nies li ma jgħixux fi qbil mal-prinċipji Bibliċi jagħmlu wegħdi u mbagħad jiksruhom jekk tinqalaʼ problema żgħira jew għax jippreferu jagħmlu xi ħaġa oħra. Fi kwistjonijiet taʼ negozju “Iva” mhux dejjem tfisser “Iva,” anki meta jkun sar ftehim bil-miktub. Ħafna m’għadhomx iqisu ż-żwieġ, ftehim bejn tnejn min-nies, bħala wegħda għal għomorhom. Minflok, ir-rata tad-divorzju m’ogħla s-sema turi li ħafna jqisu ż-żwieġ bħala rabta temporanja li faċilment jistgħu jħolluha.—2 Tim. 3:1, 2.

Xi ngħidu għalik? L-Iva tiegħek tfisser Iva? Veru, bħalma rajna fil-bidu taʼ dan l-artiklu, forsi jkollok tikkanċella xi appuntament, mhux għax ma tkunx iżżomm kelmtek, imma minħabba ċirkustanzi li ma tkunx tistaʼ tikkontrollahom. Imma jekk int bħala Kristjan tagħmel wegħda, għandek tagħmel kulma tistaʼ biex iżżommha. (Salm 15:4; Mt. 5:37) Jekk tagħmel hekk, se ssir magħruf bħala xi ħadd taʼ min jafdah, li jżomm kelmtu, u li dejjem jgħid il-verità. (Efes. 4:15, 25; Ġak. 5:12) Meta n-nies jindunaw li jistgħu jafdawk f’affarijiet taʼ kuljum, għandhom mnejn ikunu iktar lesti li jisimgħuk meta taqsam magħhom il-verità dwar is-Saltna t’Alla. Għalhekk, ejja nagħmlu ċert li l-Iva tagħna verament tfisser Iva!

^ par. 7 Ftit żmien wara li kiteb l-1 Korintin, Pawlu veru għadda minn Troas biex jivvjaġġa lejn il-Maċedonja, fejn kiteb it-2 Korintin. (2 Kor. 2:12; 7:5) Iktar tard żar Korintu.