Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Thennew għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf!

Thennew għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf!

“Ħa nithennew u nifirħu bil-kbir . . . għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf.”—RIV. 19:7.

1, 2. (a) Iż-żwieġ taʼ min se jikkaġuna ħafna ferħ fis-sema? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu?

DEJJEM tieħu l-ħin biex tipprepara għal tieġ. Imma se niffokaw fuq tieġ speċjali ferm—wieħed irjali. Immaġina ftit! Ilhom isiru tħejjijiet għalih xi elfejn sena. Issa, iż-żmien riesaq bil-ħeffa biex l-għarus jingħaqad mal-għarusa tiegħu. Dalwaqt il-palazz tas-Sultan se jimtela b’mużika ferriħija, u ilħna mis-smewwiet se jkantaw: “Faħħru lil Jah, għax Ġeħova Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jsaltan. Ħa nithennew u nifirħu bil-kbir, u ħa nagħtuh il-glorja, għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf, u martu ħejjiet ruħha.”—Riv. 19:6, 7.

2 “Il-Ħaruf” li ż-żwieġ tiegħu se jikkaġuna ħafna ferħ fis-sema mhu ħadd ħlief Ġesù Kristu. (Ġw. 1:29) Kif inhu liebes għat-tieġ? Min hi l-għarusa tiegħu? Kif tħejjiet għat-tieġ? Meta se jiżżewġu? Dan iż-żwieġ se jikkaġuna l-ferħ fis-sema, imma se jkunu ferħanin ukoll dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art? B’ħerqa kbira, se nikkunsidraw  dawn il-mistoqsijiet hekk kif inkomplu neżaminaw Salm 45.

ĦWEJĠU JFUĦU

3, 4. (a) Is-salmista x’jgħid dwar il-ħwejjeġ tat-tieġ tal-Għarus, u xi jġiegħlu jifraħ saħansitra iktar? (b) Min huma “l-bniet tas-slaten” u “mart is-sultan” li jifirħu mal-Għarus?

3 Aqra Salm 45:8, 9L-Għarus, Ġesù Kristu, jilbes il-ħwejjeġ irjali tat-tieġ. Ħwejġu għandhom riħa pjaċevoli bħal dik tal-“aqwa fwejjaħ,” bħal pereżempju l-mirra u l-kassja, li kienu fost l-ingredjenti taż-żejt tad-dlik qaddis li kien jintuża f’Iżrael.—Eżo. 30:23-25.

4 Il-mużika mill-isbaħ fil-palazz tal-Għarus iżżidlu l-ferħ hekk kif joqrob iż-żmien biex jiżżewweġ. Ferħana wkoll hi “mart is-sultan,” il-parti tal-organizzazzjoni t’Alla fis-sema, li tinkludi “l-bniet tas-slaten,” jiġifieri, l-anġli qaddisin. Ilħna mis-sema jgħidu: “Ħa nithennew u nifirħu bil-kbir . . . għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf.”

L-GĦARUSA MĦEJJIJA GĦAT-TIEĠ

5. Min hi “l-mara tal-Ħaruf”?

5 Aqra Salm 45:10, 11. Nafu min hu l-Għarus, imma min hi l-għarusa tiegħu? Mhijiex persuna letterali. Minflok, tirrappreżenta lill-grupp kollu tal-144,000 Kristjan midluk. Ġesù hu l-kap taʼ din il-kongregazzjoni midluka. (Aqra Efesin 5:23, 24.) Dawn il-midlukin se jsiru parti mis-Saltna t’Alla maħkuma mill-Messija. (Lq. 12:32) Dawn il-144,000 Kristjan midluk bl-ispirtu “jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf kulfejn imur.” (Riv. 14:1-4) Isiru “l-mara tal-Ħaruf,” u joqogħdu miegħu ġo daru fis-sema.—Riv. 21:9; Ġw. 14:2, 3.

6. Il-midlukin għala jissejħu “bint is-sultan,” u għala jintqalilhom biex ‘jinsew lil nieshom’?

6 Minbarra li tissejjaħ “O bint,” l-għarusa tissejjaħ ukoll “bint is-sultan.” (Salm 45:13) Dan “is-sultan” min hu? Il-Kristjani midlukin huma adottati bħala “wlied” Ġeħova. (Rum. 8:15-17) Ladarba se jsiru għarusa fis-sema, il-midlukin jintqalilhom: ‘Insew lil nieskom u ’l dar missierkom.’ Għandhom iżommu moħħhom “fiss fuq l-affarijiet taʼ fuq, mhux fuq dawk taʼ l-art.”—Kol. 3:1-4.

7. (a) Kristu kif kien qed iħejji lill-għarusa futura tiegħu? (b) L-għarusa kif tħares lejn l-Għarus futur tagħha?

7 Għal ħafna sekli, Kristu kien qed iħejji lill-għarusa futura tiegħu għaż-żwieġ fis-sema. L-appostlu Pawlu spjega li Kristu “ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha, biex iqaddisha, u jaħsilha bil-banju taʼ l-ilma permezz tal-kelma, sabiex il-kongregazzjoni jagħmilha tidher quddiemu fil-ġmiel kollu tagħha, bla ebda tebgħa jew tikmix jew ħaġa oħra bħal dawn, imma sabiex tkun qaddisa u bla difett.” (Efes. 5:25-27) Pawlu qal lill-Kristjani midlukin f’Korintu tal-qedem: “Jien għajjur għalikom b’għira bħal dik t’Alla, għax jien stess wegħedtkom fiż-żwieġ lil għarus wieħed biex nippreżentakom bħala verġni safja lill-Kristu.” (2 Kor. 11:2) Is-Sultan Ġesù Kristu japprezza ‘s-sbuħija’ spiritwali tal-għarusa futura tiegħu. U l-għarusa tirrikonoxxih bħala ‘sidha’ u ‘tmil quddiemu’ bħala r-raġel futur tagħha.

L-GĦARUSA “TINĠIEB GĦAND IS-SULTAN”

8. Għala hu xieraq li l-għarusa tiġi deskritta bħala li hi “glorjuża ferm”?

8 Aqra Salm 45:13, 14a. L-għarusa tidher “glorjuża ferm” għat-tieġ irjali. F’Rivelazzjoni 21:2, l-għarusa tiġi mxebbha maʼ belt, Ġerusalemm  il-Ġdida, u hi “mżejna għal żewġha.” Din il-belt fis-sema għandha “l-glorja t’Alla” u tiddi “bħal ħaġra l-iktar prezzjuża, bħal ħaġra tad-djaspru tleqq daqs il-kristall.” (Riv. 21:10, 11) Il-ġmiel taʼ Ġerusalemm il-Ġdida jiġi deskritt b’mod mill-isbaħ fil-ktieb tar-Rivelazzjoni. (Riv. 21:18-21) Mhux taʼ b’xejn li s-salmista jgħid li l-għarusa hi “glorjuża ferm”! Wara kollox, it-tieġ irjali qed iseħħ fis-sema.

9. Min hu “s-sultan” li tinġieb għandu l-għarusa, u l-għarusa kif inhi mlibbsa?

9 L-għarusa tinġieb għand l-Għarus tagħha, is-Sultan Messjaniku. Hu ħejjieha billi ħasilha “bil-banju taʼ l-ilma permezz tal-kelma.” Hi “qaddisa u bla difett.” (Efes. 5:26, 27) Ukoll, l-għarusa tiegħu trid tkun imlibbsa sew għall-okkażjoni. U hekk hu, għax “se tinġieb għand is-sultan” bi ħwejjeġ “irrakkmati bid-deheb” u “bi lbies minsuġ.” Għaż-żwieġ tal-Ħaruf “ngħatalha li tiżżejjen b’għażel fin, nadif, u jiddi, għax l-għażel fin jirrappreżenta l-atti ġusti tal-qaddisin.”—Riv. 19:8.

“WASAL IŻ-ŻWIEĠ”

10. Iż-żwieġ tal-Ħaruf meta se jsir?

10 Aqra Rivelazzjoni 19:7. Iż-żwieġ tal-Ħaruf meta se jsir? Għalkemm “martu ħejjiet ruħha” għaż-żwieġ, dak li jintqal wara ma jiddeskrivix it-tieġ innifsu. Minflok, jipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-fażi finali tat-tribulazzjoni l-kbira. (Riv. 19:11-21) Ifisser dan li ż-żwieġ se jsir qabel ma s-Sultan itemm ir-rebħa tiegħu? Le. Il-viżjonijiet fil-ktieb tar-Rivelazzjoni mhumiex miktubin f’ordni kronoloġiku. F’Salm 45, it-tieġ irjali jsir wara li s-Sultan Ġesù Kristu jħażżem sejfu u jmur biex jirbaħ kontra l-għedewwa tiegħu.—Salm 45:3, 4.

11. Kristu f’liema ordni se jtemm ir-rebħa tiegħu?

11 Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li l-ġrajjiet se jseħħu f’dan l-ordni: L-ewwel, “il-prostituta l-kbira,” Babilonja l-Kbira, jiġifieri, ir-reliġjon falza kollha, se tinqered. (Riv. 17:1, 5, 16, 17; 19:1, 2) Imbagħad Kristu se jmur jeqred il-bqija tas-sistema mill-agħar taʼ Satana hawn fuq l-art billi jeqridha f’Armageddon, il-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14-16; 19:19-21) Fl-aħħar, is-Sultan se jtemm ir-rebħa tiegħu billi jixħet lil Satana u d-demonji tiegħu fl-abbiss fejn ma se jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lil ħadd. Ikun bħallikieku mietu.—Riv. 20:1-3.

12, 13. (a) Iż-żwieġ tal-Ħaruf meta se jsir? (b) Fis-sema, min se jifraħ minħabba ż-żwieġ tal-Ħaruf?

12 Fl-aħħar jiem, il-Kristjani midlukin li jibqgħu leali sal-mewt jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. Xi żmien wara l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, Ġesù se jiġbor għandu l-kumplament tal-midlukin li jifformaw l-għarusa. (1 Tess. 4:16, 17) Għaldaqstant, qabel ma tfaqqaʼ l-gwerra t’Armageddon, il-membri kollha tal-“għarusa” se jkunu fis-sema. Wara dik il-gwerra, iż-żwieġ tal-Ħaruf jistaʼ jsir. Kemm se jkun okkażjoni taʼ hena dan iż-żwieġ! Rivelazzjoni 19:9 jgħid: “Henjin dawk li huma mistidnin għall-ikla taʼ fil-għaxija taż-żwieġ tal-Ħaruf.” Tabilħaqq, l-għarusa se tkun hienja ħafna. U s-Sultan se jithenna għax l-għadd sħiħ tal-imseħbin irjali tiegħu b’mod simboliku se jkunu qed ‘jieklu u jixorbu fuq il-mejda tiegħu f’saltnatu.’ (Lq. 22:18, 28-30) Madanakollu, mhux l-Għarus u l-għarusa biss se jithennew minħabba ż-żwieġ tal-Ħaruf.

13 Bħalma semmejna qabel, fis-smewwiet  l-anġli f’daqqa se jkantaw: “Ħa nithennew u nifirħu bil-kbir, u ħa nagħtuh il-glorja [lil Ġeħova], għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf, u martu ħejjiet ruħha.” (Riv. 19:6, 7) Iżda, xi ngħidu għall-qaddejja taʼ Ġeħova fuq l-art? Se jifirħu huma wkoll?

“SE JINĠIEBU BL-HENA”

14. Bħalma jissemma f’Salm 45, min huma “t-tfajliet verġni” tal-għarusa?

14 Aqra Salm 45:12, 14b, 15. Il-profeta Żakkarija bassar li fi żmien it-tmiem, in-nies tal-ġnus bi gratitudni se jissieħbu mal-fdal t’Iżrael spiritwali. Hu kiteb: “Għad iseħħ f’dawk il-jiem li għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus se jaqbdu, iva, se jaqbdu tarf il-libsa taʼ raġel Lhudi, u jgħidu: ‘Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.’” (Żak. 8:23) F’Salm 45:12, dawn l-“għaxart irġiel” simboliċi jissejħu “bint Tir” u “l-għonja tal-poplu.” Huma jiġu għand il-fdal midluk b’għotjiet, u “jfittxu l-approvazzjoni” u l-għajnuna spiritwali tagħhom. Mill-1935, miljuni taʼ nies ħallew lill-fdal ‘iwassluhom lejn is-sewwa.’ (Dan. 12:3) Dawn l-imseħbin leali tal-Kristjani midlukin naddfu ħajjithom, u b’hekk saru verġni spiritwali. Dawn “it-tfajliet verġni” tal-għarusa, il-folla l-kbira taʼ nagħaġ oħrajn, iddedikaw ruħhom lil Ġeħova u wrew li huma sudditi leali tas-Sultan Ġesù Kristu.

15. “It-tfajliet verġni” kif ħadmu flimkien mal-fdal tal-midlukin li għad hawn fuq l-art?

15 Il-fdal tal-midlukin kienu partikularment grati lejn dawn “it-tfajliet  verġni” għall-għajnuna żeluża tagħhom f’li jippritkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna” fl-art abitata kollha. (Mt. 24:14) “L-ispirtu u l-għarusa” mhumiex l-uniċi wħud li qed “jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’” imma anki dawk li jisimgħu jgħidu: “Ejja!” (Riv. 22:17) Iva, in-“nagħaġ oħrajn” semgħu lill-midlukin jgħidu “Ejja!” u ngħaqdu magħhom f’li jgħidu “Ejja!” lill-abitanti tal-art.—Ġw. 10:16.

16. Ġeħova ta lin-nagħaġ oħrajn liema privileġġ?

16 Il-fdal tal-midlukin iħobbu lil sħabhom u huma ferħanin li jkunu jafu li Missier l-Għarus, Ġeħova, ta lin-nagħaġ oħrajn fuq l-art il-privileġġ li jithennew ukoll minħabba ż-żwieġ tal-Ħaruf li se jsir fis-sema. Kien imbassar li dawn “it-tfajliet verġni” kienu “se jinġiebu bl-hena u bil-ferħ.” Iva, in-nagħaġ oħrajn, li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art, se jifirħu flimkien mal-univers kollu meta ż-żwieġ tal-Ħaruf isir fis-sema. Bix-xieraq, il-ktieb tar-Rivelazzjoni jirrappreżenta lill-membri tal-‘folla l-kbira’ bħala li huma “weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” Huma jagħtu lil Ġeħova servizz sagru fil-bitħa tat-tempju spiritwali tiegħu fuq l-art.—Riv. 7:9, 15.

“FLOK MISSIRIJIETEK SE JKUN HEMM ULIEDEK”

17, 18. (a) Iż-żwieġ tal-ħaruf iġib liema barkiet? (b) Kristu għal min se jsir missier matul ir-Renju Millennjali tiegħu?

17 Aqra Salm 45:16. “It-tfajliet verġni” tal-għarusa taʼ Kristu fis-sema se jkollhom raġuni oħra biex jifirħu meta jaraw li ż-żwieġ iġib barkiet fid-dinja l-ġdida. Is-Sultan Ġesù Kristu se jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq l-art u se jirxoxta lil ‘missirijietu,’ jiġifieri, l-antenati li kellu meta għex fuq l-art. Peress li se jġibhom lura għall-ħajja, dawn se jsiru “wliedu” fuq l-art. (Ġw. 5:25-29; Ebr. 11:35) Minn fost dawn se jaħtar “prinċpijiet fl-art kollha.” Bla dubju, Kristu se jaħtar lil oħrajn minn fost l-anzjani leali taʼ żmienna biex jieħdu t-tmexxija fid-dinja l-ġdida.—Is. 32:1.

18 Matul ir-Renju Millennjali tiegħu, Kristu se jsir missier għal oħrajn ukoll. Infatti, l-abitanti kollha tal-art li jirċievu l-ħajja taʼ dejjem se jiksbuha għax jeżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. (Ġw. 3:16) B’hekk, isir il-“Missier Etern” tagħhom.—Is. 9:6, 7.

IMQANQLIN BIEX NAGĦMLU ISEM IS-SULTAN MAGĦRUF

19, 20. Il-ġrajjiet eċċitanti msemmijin f’Salm 45, kif jeffettwaw il-Kristjani veri kollha llum?

19 Aqra Salm 45:1, 17. Tabilħaqq, il-ġrajjiet imniżżlin f’Salm 45 jikkonċernaw lill-Kristjani kollha. Il-fdal tal-midlukin fuq l-art jitgħaxxqu jkunu jafu li dalwaqt se jkunu magħqudin maʼ ħuthom fis-sema u mal-Għarus tagħhom. In-nagħaġ oħrajn jitqanqlu biex ikomplu jkunu sottomessi lejn is-Sultan glorjuż tagħhom u huma grati għall-privileġġ taʼ li jkunu mseħbin mal-fdal tal-membri tal-għarusa tiegħu fuq l-art. Il-barkiet li Kristu u l-għarusa tiegħu se jagħtu lill-bnedmin kollha wara li jiżżewġu se jkunu bil-wisq iktar meraviljużi milli qatt nistgħu nimmaġinaw.—Riv. 7:17; 21:1-4.

20 Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn it-twettiq tal-“ħaġa tajba” rigward is-Sultan Messjaniku, m’aħniex imqanqlin biex ‘insemmu ismu,’ jew nagħmluh magħruf? Jalla nkunu fost dawk li se ‘jfaħħru lis-Sultan għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.’