Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

L-armla minn Sarefat ġiet premjata għall-fidi tagħha

L-armla minn Sarefat ġiet premjata għall-fidi tagħha

ARMLA fqira tgħannaq lill-uniku tifel tagħha. Ma tistax temmen lil għajnejha. Ftit qabel, bil-ġentilezza kollha żammet lil ġismu li kien bla ħajja f’dirgħajja. Issa l-mara tħares lejn binha li ġie rxoxtat u hi ferħana se ttir meta tarah jitbissem. Dak li qed joqgħod għandha jgħid: “Ara, ibnek ħaj.”

Dan l-irxoxt drammatiku seħħ kważi 3,000 sena ilu. Tistaʼ taqra dwaru fl-1 Slaten kapitlu 17. Dak li qed joqgħod għand l-armla hu Elija, profeta t’Alla. U l-armla? Hi omm li isimha mhuwiex magħruf u li kienet tgħix fil-belt taʼ Sarefat. L-irxoxt taʼ binha kien wieħed mill-iktar ġrajjiet f’ħajjitha li saħħilha l-fidi. Hekk kif niffokaw fuqha, se nitgħallmu xi lezzjonijiet importanti.

ELIJA JSIB ARMLA LI GĦANDHA L-FIDI

Ġeħova kien iddeċieda li f’Iżrael ikun hemm nixfa għal żmien twil fi żmien is-sultan mill-agħar Aħab. Wara li Elija qal li se jkun hemm nixfa, Alla ħbieh minn Aħab u b’mod mirakoluż temaʼ lill-profeta bil-ħobż u l-laħam permezz taċ-ċawluni. Ġeħova mbagħad qal lil Elija: “Qum, mur Sarefat, li hi taʼ Sidon, u għammar hemmhekk. Ara! Jien se nikkmanda lil waħda mara, armla, biex tipprovdilek l-ikel.”—1 Slat. 17:1-9.

Meta Elija wasal Sarefat, ra armla fqira tiġbor il-ħatab. Kienet se tkun hi l-mara li kellha tipprovdi l-ikel lill-profeta? Kif setgħet tagħmel dan, ladarba hi stess kienet fqira ħafna? Minkejja d-dubji li Elija setaʼ kellu, hu beda konversazzjoni mal-mara. “Jekk jogħġbok,” hu qal, “ġibli boqqa ilma f’reċipjent biex nixrob.” Meta marret biex iġġiblu ftit ilma, Elija żied jgħid: “Jekk jogħġbok, ġibli wkoll biċċa ħobż miegħek.” (1 Slat. 17:10, 11) L-armla ma ħabblitx rasha biex  tagħti x’jixrob lil dan l-istranġier, imma kienet problema biex tagħtih il-ħobż.

“Daqskemm Ġeħova Alla tiegħek hu ħaj,” hi wieġbet, “m’għandix ftajjar, imma għandi ponn dqiq fil-ġarra l-kbira u ftit żejt fil-ġarra ż-żgħira; u, ara, qed niġbor ftit ħatab, u mbagħad irrid nidħol u nagħmel xi ħaġa għalija u għal ibni, u nikluha u mmutu.” (1 Slat. 17:12) Ejja naħsbu ftit dwar dak li jikxef dan il-kliem.

L-armla setgħet tara li Elija kien Iżraeli li kien qed jaqdi lil Alla. Dan hu evidenti minn kliemha “daqskemm Ġeħova Alla tiegħek hu ħaj.” Jidher li għalkemm kellha xi għarfien dwar l-Alla tal-Iżraelin, ma kinitx qed taqdih. Hi ma rreferietx għal Ġeħova bħala li hu “Alla tiegħi.” Hi għexet f’Sarefat, belt li milli jidher kienet tiddependi mill-belt taʼ Sidon, fil-Feniċja. Hemm probabbiltà kbira li n-nies minn Sarefat kienu jqimu lil Bagħal. Minkejja dan, f’din l-armla, Ġeħova ra xi ħaġa speċjali f’qalbha.

Għalkemm l-armla fqira minn Sarefat kienet tgħix fost l-idolatri, hi eżerċitat il-fidi kif se naraw. Ġeħova bagħat lil Elija għandha għall-ġid tal-mara u tal-profeta stess. Minn dan nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti ħafna.

Mhux l-abitanti kollha taʼ Sarefat kienu ħżiena għal kollox. Il-fatt li Ġeħova bagħat lil Elija għand din l-armla juri li Hu jagħti kas uħud sinċieri li għadhom mhux qed Jaqduh. Fil-fatt, ‘f’kull ġens min jibżaʼ minn Alla u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.’—Atti 10:35.

Kemm hemm nies li jgħixu fit-territorju tiegħek li huma bħall-armla minn Sarefat? Għalkemm forsi huma mdawrin minn membri tar-reliġjon falza, abbli jixxennqu għal xi ħaġa aħjar. Jistaʼ jkun li ftit li xejn jafu dwar Ġeħova jew xejn affattu. Għaldaqstant, għandhom bżonn l-għajnuna biex jaċċettaw il-qima vera. Qiegħed tfittex u tgħin lil uħud bħal dawn?

“L-EWWEL AGĦMEL FTIRA ŻGĦIRA GĦALIJA”

Ikkunsidra bir-reqqa dak li Elija talab lill-armla biex tagħmel. Kienet għadha kif qaltlu li wara li tagħmel ikla oħra għaliha u għal binha, kienu se jikluha u jmutu. Iżda x’qalilha Elija? “Tibżax. Idħol u agħmel kif għedt. Biss l-ewwel agħmel ftira żgħira għalija minn dak li hemm, u ġibhieli hawn barra, u mbagħad wara tistaʼ tagħmel xi ħaġa għalik u għal ibnek. Għax hekk qal Ġeħova l-Alla taʼ Israel, ‘Il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma tinħeliex, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma tispiċċax sal-jum li fih Ġeħova jibgħat ix-xita fuq wiċċ l-art.’”—1 Slat. 17:11-14.

Xi wħud forsi jgħidu, ‘Qed tiċċajta hux? Mhux hekk nibqgħu, nagħti l-aħħar ikla tiegħi!’ Imma l-armla mhux hekk irreaġixxiet. Minkejja li ma kellhiex ħafna għarfien dwar Ġeħova, emmnet lil Elija u għamlet dak li talabha. Biex tobdi lil Elija kellha turi fidi kbira. Hekk għamlet, u b’hekk ħadet deċiżjoni mill-aħjar.

Alla ma abbandunax lill-armla fqira. Eżatt bħalma wiegħed Elija, Ġeħova żidilha l-ikel sabiex ikollha biżżejjed biex titmaʼ lil Elija, lilha nfisha, u lil binha sakemm tgħaddi n-nixfa. Fil-fatt, “il-ġarra l-kbira tad-dqiq ma nħlietx, u l-ġarra ż-żgħira taż-żejt ma spiċċatx, skond il-kelma li  Ġeħova qal permezz t’Elija.” (1 Slat. 17:16; 18:1) Kieku din il-mara aġixxiet b’mod differenti, il-biċċa ħobż li għamlet mill-ammont żgħir taʼ dqiq u żejt setgħet tkun l-aħħar ikla tagħha. Minflok, hi wriet il-fidi, fdat f’Ġeħova, u temgħet lil Elija l-ewwel.

Lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu minn dan hi li Alla jbierek lil dawk li juru fidi fih. Meta tiffaċċja xi prova t’integrità u teżerċita l-fidi, Ġeħova jgħinek. Hu jkun Dak li jipprovdi, Dak li jipproteġi, u Ħabib sabiex jgħinek tkampa mal-provi tiegħek.—Eżo. 3:13-15.

Fl-1898, artiklu f’Zion’s Watch Tower għallem din il-lezzjoni: Kieku l-armla kellha fidi u obdiet lil Elija, kienet se tirċievi l-għajnuna mingħand Ġeħova. Kieku ma wrietx fidi f’Ġeħova, imbagħad forsi kienet tintgħażel armla oħra li kienet turi fidi. L-artiklu jkompli jgħid li hu l-istess għalina. Kultant Ġeħova jippermetti li l-fidi tagħna tiġi provata. Jekk ikollna l-fidi, “ikollna l-barka; jekk le, nitilfuha.”

Meta ngħaddu mill-provi, hemm bżonn li nfittxu l-gwida t’Alla mill-Iskrittura u mill-pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja. Imbagħad irridu naġixxu fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġeħova tkun kemm tkun diffiċli biex naċċettawha. Inkunu tassew imberkin jekk naġixxu fi qbil maʼ dan il-proverbju għaqli: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.”—Prov. 3:5, 6.

L-ARMLA ĠĠARRAB PROVA OĦRA

Il-fidi tal-armla kienet se tgħaddi minn prova oħra. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid, “Wara dawn l-affarijiet, bin il-mara, sidt id-dar, marad, u l-marda tiegħu tant iggravat li ma kienx baqagħlu iżjed nifs fih.” Minħabba li kienet qed tfittex raġuni għal din it-traġedja, l-omm imnikkta qalet lil Elija: “X’għandi x’naqsam miegħek, O bniedem taʼ l-Alla l-veru? Int ġejt għandi biex tfakkarni fl-iżball tiegħi u toqtolli lil ibni.” (1 Slat. 17:17, 18) Xi jfisser dan il-kliem iebes?

Ftakret il-mara f’xi dnub li niggżilha l-kuxjenza? Ħasbet hi li l-mewt taʼ binha kien kastig minn Alla u li Elija kien messaġġier tal-mewt mingħand Alla? Il-Bibbja ma tgħidilniex, però nafu dan: L-armla ma akkużat lil Alla bl-ebda inġustizzja.

Elija żgur li kien ixxokkjat bil-mewt tal-iben tal-armla u bl-idea tagħha li l-preżenza tal-profeta nnifsu kienet responsabbli għat-telfa taʼ binha. Wara li Elija tellaʼ l-ġisem mejjet tat-tifel fl-għorfa, hu għajjat: “O Ġeħova Alla tiegħi, se ġġib il-ħsara wkoll fuq l-armla li qed ngħix magħha bħala barrani billi toqtlilha lil binha?” L-idea li isem Ġeħova kien se jiġi diżonorat jekk din il-mara ġwejda u ospitabbli titħalla ssofri iktar kiddet bil-kbir lil Elija. Allura Elija ttallab bil-ħrara: “O Ġeħova Alla tiegħi, jekk jogħġbok, ħalli ruħ it-tifel terġaʼ lura fih.”—1 Slat. 17:20, 21.

“ARA, IBNEK ĦAJ”

Ġeħova kien qed jismaʼ. L-armla kienet ipprovdiet għall-profeta tiegħu u wriet fidi. Milli jidher Alla ppermetta lit-tifel jimrad sal-mewt għax kien jaf li se jseħħ irxoxt—l-ewwel wieħed imniżżel fl-Iskrittura—u kien se jagħti tama għall-ġenerazzjonijiet taʼ wara. Ġeħova semaʼ t-talba taʼ Elija u reġaʼ ta l-ħajja lit-tifel. Immaġina l-ferħ tal-armla meta Elija qal: “Ara, ibnek ħaj”! L-armla mbagħad qalet lil Elija: “Issa naf tassew li int bniedem t’Alla u li l-kelma taʼ Ġeħova li tinsab fuq fommok hija vera.”—1 Slat. 17:22-24.

Ir-rakkont fl-1 Slaten kapitlu 17 ma jgħid xejn iktar dwar din il-mara. Madankollu, meta tqis kif tkellem tajjeb dwarha Ġesù, jistaʼ jkun li għexet il-bqija taʼ ħajjitha bħala qaddejja leali taʼ Ġeħova. (Lq. 4:25, 26) L-istorja tagħha tgħallimna li Alla jbierek lil dawk li qed jagħmlu l-ġid mal-qaddejja tiegħu. (Mt. 25:34-40) Barra minn hekk, tagħti prova li Alla jipprovdi għal dawk leali, anki meta jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli ferm. (Mt. 6:25-34) Kif ukoll, dan ir-rakkont jagħti evidenza tax-xewqa u l-abbiltà taʼ Ġeħova li jirxoxta lill-mejtin. (Atti 24:15) Bla dubju, dawn huma raġunijiet eċċellenti biex niftakru fl-armla minn Sarefat.