Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Offrew lilhom infushom minn rajhom—fl-Afrika tal-Punent

Offrew lilhom infushom minn rajhom—fl-Afrika tal-Punent

WAQT li kien qed jikber fi nħawi foqra f’Côte d’Ivoire, Pascal ixxennaq għal ħajja aħjar. Minħabba li kien dilettant tal-boksing, hu tħasseb, ‘Fejn nistaʼ nsib opportunità biex insir xi ħadd famuż fid-dinja tal-isports u nsir sinjur?’ Meta kellu xi 25 sena, ikkonkluda li l-post ideali kien l-Ewropa. Imma peress li ma kellu l-ebda dokument biex jivvjaġġa, kien se jkollu jidħol fl-Ewropa illegalment.

Fl-1998, fl-età taʼ 27 sena, Pascal beda l-vjaġġ tiegħu. Qasam il-fruntiera għal ġol-Gana, għadda minn ġot-Togo u l-Benin, u fl-aħħar wasal il-belt taʼ Birni Nkonni fin-Niġer. Issa kien se jibda l-iktar parti perikoluża tal-vjaġġ. Sabiex jivvjaġġa lejn it-Tramuntana, kellu bżonn jitlaʼ fuq trakk u jaqsam id-Deżert tas-Saħara. Imbagħad, hekk kif jasal ħdejn il-Mediterran, kellu jitlaʼ fuq dgħajsa biex isalpa lejn l-Ewropa. Dan kien il-pjan, iżda ġraw żewġ affarijiet fin-Niġer li waqqfuh.

L-ewwel, hu spiċċa taʼ fuqu senduqu. It-tieni, iltaqaʼ ma Noé, pijunier li beda studju tal-Bibbja miegħu. Dak li tgħallem effettwah ħafna u biddel il-ħarsa tiegħu dwar kif iħares lejn il-ħajja. Il-miri materjali tiegħu tbiddlu f’interessi spiritwali. F’Diċembru tal-1999, Pascal tgħammed. Biex juri kemm kien grat lejn Ġeħova, fl-2001 beda jaqdi bħala pijunier fin-Niġer—fl-istess belt fejn kien tgħallem il-verità. Kif iħossu dwar is-servizz tiegħu? Hu jgħid, “Qed ingawdi l-aħjar tip taʼ ħajja!”

SODISFAZZJON U PJAĊIR IKBAR FL-AFRIKA

Bħal Pascal, ħafna ndunaw li biex jiksbu iktar sodisfazzjon mill-ħajja jridu jiffokaw fuq miri spiritwali. Biex jilħqu miri bħal dawn, xi wħud telqu mill-Ewropa u marru jgħixu l-Afrika biex jaqdu fi nħawi fejn hemm bżonn akbar taʼ proklamaturi tas-Saltna. Fil-fatt, xi 65 Xhud mill-Ewropa—bejn l-etajiet taʼ 17 u 70 sena—marru fejn il-bżonn kien akbar fl-Afrika tal-Punent, fil-pajjiżi tal-Benin, Burkina Faso, in-Niġer, u t-Togo. * F’dawn il-pajjiżi dawn ix-Xhieda jirreferu spiss għalihom bħala “need greaters.” X’qanqalhom biex jieħdu pass kbir bħal dan? U l-affarijiet kif żvolġew għalihom?

Anne-Rakel mid-Danimarka tirrakkonta: “Il-ġenituri tiegħi qdew bħala missjunarji fis-Senegal. Dejjem kienu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-ħajja missjunarja, tant li ridt dik it-tip taʼ ħajja wkoll.” Madwar 15-il sena ilu, meta Anne-Rakel kellha ftit iktar minn 20 sena, marret toqgħod it-Togo  fejn taqdi f’kongregazzjoni tal-lingwa tas-sinjali. Dan il-pass  kif inkuraġġixxa lil oħrajn? Hi tgħid: “Iktar tard oħti u ħija li huma iżgħar minni ġew joqogħdu t-Togo wkoll.”

Aurele, ħu miżżewweġ u li għandu 70 sena minn Franza, jgħid: “Ħames snin ilu, meta rtirajt, kelli żewġ għażliet quddiemi: ngħix ħajja trankwilla fi Franza u nistenna l-Ġenna tal-art jew nieħu azzjoni biex nespandi l-ministeru tiegħi.” Aurele għażel it-tieni waħda. Madwar tliet snin ilu, hu u martu Albert-Fayette, marru joqogħdu l-Benin. “Li nagħmlu lilna nfusna disponibbli biex naqdu lil Ġeħova hawnhekk hu l-aqwa ħaġa li qatt għamilna,” jgħid Aurele. “Kif żvolġew l-affarijiet,” iżid jgħid bi tbissima, “partijiet mit-territorju tagħna tul il-kosta jfakkruni fil-Ġenna tal-art.”

Clodomir u martu Lysiane, minn Franza marru joqogħdu l-Benin 16-il sena ilu. Fil-bidu, kienu jimmissjaw ħafna lill-familja u l-ħbieb li kellhom fi Franza u beżgħu li ma kinux se jidraw il-ħajja ġdida tagħhom. Però, ma kienx hemm għalfejn jibżgħu. Huma esperjenzaw ħafna ferħ. “F’dawn is-16-il sena,” jgħid Clodomir, “kellna l-privileġġ li ngħinu, bħala medja, lil persuna kull sena biex taċċetta l-verità.”

Lysiane u Clodomir maʼ xi wħud li għenu biex jitgħallmu l-verità

Sébastien u Johanna, koppja miżżewġa minn Franza, marru jgħixu l-Benin fl-2010. “Hemm ħafna xi jsir fil-kongregazzjoni,” jgħid Sébastien. “Meta wieħed jaqdi hawn ikun qisu qed jattendi kors biex jitħarreġ teokratikament b’mod mgħaġġel.” Kif iwieġbu n-nies fil-ministeru? Johanna tgħid: “In-nies huma għatxana għall-verità. Anki meta ma nkunux fil-ministeru, iwaqqfuna fit-triq biex isaqsuna mistoqsijiet dwar il-Bibbja u biex jieħdu l-pubblikazzjonijiet tagħna.” Dan il-pass kif effettwa ż-żwieġ tagħhom? Sébastien jgħid: “Dan saħħaħ iż-żwieġ tagħna. Hija l-għaxqa tiegħi li nqattaʼ ġranet sħaħ fil-ministeru maʼ marti.”

Eric u martu Katy, jaqdu bħala pijunieri f’popolazzjoni żgħira u mxerrda mat-Tramuntana tal-Benin. Xi għaxar snin ilu, waqt li kienu jgħixu fi Franza, bdew jaqraw artikli dwar li jaqdu fejn il-bżonn hu akbar u jitkellmu maʼ wħud li jaqdu fis-servizz fultajm. Dan rabbielhom ix-xewqa biex imorru jgħixu f’pajjiż ieħor, u hekk għamlu fl-2005. It-tkabbir li raw kien impressjonanti. Eric jgħid: “Sentejn ilu, il-grupp tagħna fil-belt taʼ Tanguiéta kellu 9 pubblikaturi; issa qegħdin 30. Il-Ħadd inkunu bejn 50 u 80 ruħ għal-laqgħa. Li tara tkabbir bħal dan hu ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn.”

 IDENTIFIKA U EGĦLEB L-ISFIDI

Benjamin

Liema huma xi sfidi li kellhom jiffaċċjaw xi wħud li marru jaqdu f’pajjiż ieħor? Benjamin, li għandu 33 sena, jiġi ħu Anne-Rakel. Fis-sena 2000 fid-Danimarka, iltaqaʼ maʼ missjunarju li kien qed jaqdi f’Togo. Benjamin jiftakar: “Meta għedt lill-missjunarju li ridt naqdi bħala pijunier, hu qal: ‘Jekk trid, tistaʼ taqdi bħala pijunier fit-Togo.’” Benjamin ħaseb dwar dan. Hu jgħid: “Dak iż-żmien, kont għadni lanqas biss għandi 20 sena, imma ż-żewġ ħuti bniet diġà kienu qed jaqdu fit-Togo. Dan għamilha iktar faċli għalija biex immur hemmhekk.” Allura qabad u mar. Imma xorta kien għad hemm sfida. Benjamin jispjega billi jgħid: “Kont għadni lanqas naf kelma li hi kelma bil-Franċiż! Minħabba li ma stajtx nikkomunika sew, l-ewwel sitt xhur kienu ibsin għalija.” Imma maż-żmien għamel progress. Benjamin issa qed jaqdi fil-Betel tal-Benin, billi jwassal il-letteratura u jgħin fid-dipartiment tal-kompjuter.

Eric u Katy, li ssemmew qabel, qdew f’qasam tal-lingwa barranija fi Franza qabel ma marru joqogħdu l-Benin. L-Afrika tal-Punent kif kienet differenti? Katy tgħid: “Ma kienx faċli biex insibu post adattat fejn ngħixu. Għal xhur sħaħ għexna f’dar mingħajr dawl u ilma installati.” Eric ikompli jgħid: “Kienet tindaqq mużika b’volum għoli sa tard billejl fl-inħawi fejn konna noqogħdu. Trid tkun paċenzjuż f’affarijiet bħal dawn u tkun lest li tadatta ruħek.” It-tnejn jaqblu billi jgħidu: “Il-ferħ li naqdu f’territorju li kważi qatt ma nħadem ipatti ħafna għal kwalunkwe diffikultà.”

Michel u Marie-Agnès, koppja miżżewġa minn Franza li kważi għandhom 60 sena, marru jgħixu l-Benin xi ħames snin ilu. Fil-bidu, ħassewhom ansjużi. Michel jgħid: “Xi wħud qabblu dak li għamilna maʼ xi ħadd li qed imexxi karretta fuq ħabel stirat—u aħna konna bilqiegħda fil-karretta! Kien ikun tal-biżaʼ kieku ma tkunx taf li kien Ġeħova li qed imexxi l-karretta. Allura ħadna dan il-pass għal u maʼ Ġeħova.”

KIF TIPPREPARA RUĦEK

Dawk li għandhom l-esperjenza f’li jaqdu barra minn pajjiżhom jenfasizzaw l-importanza taʼ li tipprepara ruħek billi tieħu dawn il-passi: Ippjana bil-quddiem. Tgħallem adatta ruħek. Żomm maʼ baġit. Strieħ fuq Ġeħova.—Lq. 14:28-30.

Sébastien, li ssemma qabel, jgħid: “Qabel ma tlaqna, jien u Johanna għal sentejn sħaħ warrabna l-flus billi naqqasna kemm konna nonfqu għad-divertiment u ma konniex nixtru affarijiet għal xejn b’xejn.” Sabiex ikomplu jaqdu barra minn pajjiżhom, huma jaħdmu fl-Ewropa kull sena għal ftit xhur. Dan  jippermettilhom biex jaqdu bħala pijunieri fil-Benin għall-kumplament tas-sena.

Marie-Thérèse hija waħda minn xi 20 aħwa nisa mhux miżżewġin li marru jaqdu fl-Afrika tal-Punent biex jgħinu fejn il-bżonn hu akbar. Hi kienet qed taħdem bħala xufiera taʼ karozza tal-linja fi Franza; però, fl-2006, hi ħadet sena off mix-xogħol biex taqdi bħala pijuniera fin-Niġer. Ma damitx ma ndunat li din kienet it-tip taʼ ħajja li vera xtaqet li jkollha. Marie-Thérèse tgħid: “Wara li mort lura Franza, tkellimt mal-imgħallem dwar ix-xewqa tiegħi biex inbiddel l-iskeda tax-xogħol tiegħi, u hu kien lest li jbiddilha. Issa, minn Mejju sa Awwissu, naħdem bħala xufiera fi Franza, u minn Settembru sa April, naqdi bħala pijuniera fin-Niġer.”

Dawk li ‘jfittxu l-ewwel is-saltna’ jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jipprovdilhom “l-affarijiet l-oħrajn kollha” neċessarji. (Mt. 6:33) Biex nagħtu eżempju: Ikkunsidra xi ġralha Saphira, oħt minn Franza mhix miżżewġa li għandha kważi 30 sena u li qed taqdi bħala pijuniera fil-Benin. Fl-2011 marret lura Franza ħalli taqlaʼ biżżejjed flus biex tkun tistaʼ tmantni lilha nfisha għal sena oħra (is-sitt waħda) fl-Afrika. Saphira tgħid: “Kien il-Ġimgħa, l-aħħar ġurnata tax-xogħol, imma kien għad għandi bżonn għaxart ijiem paga oħra biex ikolli biżżejjed flus għas-sena li kien imiss. Kien għad fadalli ħmistax oħra biss fi Franza. Tlabt lil Ġeħova u spjegajtlu s-sitwazzjoni tiegħi. Ftit wara, aġenzija tal-impjieg ċemplitli biex tara jekk nistax naħdem flok xi ħadd ieħor għal ħmistax.” It-Tnejn, Saphira marret fuq il-post tax-xogħol biex tiġi mħarrġa minn dik li kellha taħdem minflokha. Hi tgħid: “Kemm kienet sorpriża li sirt naf li din kienet oħt Kristjana li kellha bżonn għaxart ijiem leave biex tattendi l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier! L-imgħallem kien irrifjuta li jagħtiha l-leave jekk ma ssibx min jagħmel xogħolha. Hi kienet talbet bil-ħrara lil Ġeħova biex jieħu azzjoni—eżatt bħalma għamilt jien.”

SORS TAʼ SODISFAZZJON VERU

Xi aħwa qdew għal diversi snin fl-Afrika tal-Punent u baqgħu hemm. Oħrajn setgħu jibqgħu hemm għal xi snin, imbagħad reġgħu marru lura lejn pajjiżhom. Iżda anki llum, uħud bħal dawn li marru jaqdu fejn il-bżonn hu akbar għadhom jibbenefikaw mis-snin li qdew barra pajjiżhom. Huma tgħallmu li s-sodisfazzjon veru fil-ħajja jiġi milli taqdi lil Ġeħova.

^ par. 6 Il-fergħa tal-Benin tieħu ħsieb ix-xogħol fl-erbaʼ pajjiżi, fejn jiġi mitkellem il-Franċiż.