Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Dak li għażilt bħala tifel

Dak li għażilt bħala tifel

Bħala tifel

Kelli biss għaxar snin fl-1985 meta ġew xi tfal mill-Kambodja fl-iskola tiegħi f’Columbus, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika. Wieħed mis-subien kien jaf xi ftit bl-Ingliż. Permezz taʼ xi tpinġijiet beda jgħidli stejjer tal-waħx li kienu jinvolvu torturi, qtil u nies li kellhom jaħarbu biex isalvaw ħajjithom. Kont nibki billejl meta kont naħseb dwar dawn it-tfal. Ridt ngħidilhom dwar it-tama tal-ġenna tal-art u l-irxoxt, imma ma fehmux il-lingwa tiegħi. Għalkemm kont għadni daqsxejn taʼ tifel, iddeċidejt li nitgħallem il-Kambodjan ħalli nkun nistaʼ ngħid lil sħabi tal-iskola dwar Ġeħova. Fejn kont nobsor kemm din l-għażla kienet se teffettwali l-futur tiegħi!

Kien diffiċli biex nitgħallem il-Kambodjan. Għalkemm qtajt qalbi darbtejn milli nkompli nitgħallem, permezz tal-ġenituri, Ġeħova inkuraġġieni biex inkompli. Maż-żmien, l-għalliema u sħabi tal-iskola bdew jagħmluli pressjoni biex naċċetta xogħol li jrendi l-flus. Iżda jien ridt insir pijunier, u għażilt suġġetti fl-iskola sekondarja li kienu se jgħinuni nsib xogħol partajm biex inkun nistaʼ nilħaq il-mira tiegħi. Wara l-iskola, kont niltaqaʼ maʼ xi pijunieri u kont immur magħhom fil-ministeru. Barra minn hekk, offrejt ruħi biex ngħin lill-istudenti li kienu qed jitgħallmu l-Ingliż bħala t-tieni lingwa tagħhom—għażla li iktar tard swietli taʼ ġid.

Meta kelli 16-il sena smajt bi grupp Kambodjan f’Long Beach, Kalifornja, l-Istati Uniti tal-Amerika. Żort il-grupp, u tgħallimt naqra l-Kambodjan. Hekk kif ggradwajt mill-iskola, sirt pijunier u komplejt nipprietka lin-nies Kambodjani viċin id-dar tiegħi. Sakemm għalaqt it-18-il sena, kont qed naħseb biex ngħix il-Kambodja. Kien għadu post perikoluż, imma kont naf li mill-10 miljun persuna li kienu qed jgħixu fil-Kambodja, ftit kienu li semgħu bl-aħbar tajba tas-Saltna. F’dak iż-żmien, kien hemm kongregazzjoni waħda taʼ 13-il pubblikatur fil-pajjiż kollu. L-ewwel darba li żort il-Kambodja kien meta kelli 19-il sena. Sentejn wara, iddeċidejt li mmur ngħix hemmhekk. Sibt xogħol partajm bħala traduttur u kont ngħallem l-Ingliż ħalli jkolli biex ngħix. Maż-żmien, iżżewwiġt mara li kellha l-istess miri tiegħi. Flimkien ħadna pjaċir ngħinu lil ħafna Kambodjani biex jiddedikaw lilhom infushom lil Alla.

Ġeħova tani ‘dak li tixtieq qalbi.’ (Salm 37:4) Mix-xogħol kollu, li nagħmlu dixxipli hu l-iktar xogħol sodisfaċenti. Matul is-16-il sena li ilni fil-Kambodja, dak il-grupp żgħir taʼ 13-il qaddej taʼ Ġeħova kiber fi 12-il kongregazzjoni u 4 gruppi iżolati!—Kif rakkontata minn Jason Blackwell.