Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Aqdi lil Ġeħova qabel jiġu jiem l-għali

Aqdi lil Ġeħova qabel jiġu jiem l-għali

“Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek.”EKK. 12:1.

1, 2. (a) Salamun liema parir ġie mnebbaħ jikteb liż-żgħażagħ? (b) Il-parir taʼ Salamun għala hu taʼ interess ukoll għall-Kristjani li għandhom iktar minn 50 sena?

IS-SULTAN SALAMUN ġie mnebbaħ jgħid liż-żgħażagħ: “Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek, qabel jiġu jiem l-għali.” X’inhuma “jiem l-għali”? Salamun uża dan il-lingwaġġ poetiku biex jiddeskrivi d-diffikultajiet li jkollhom in-nies meta jixjieħu—meta l-idejn jirtogħdu, is-saqajn ma jkunux sodi, is-snien jaqgħu, il-vista tkun batuta, is-smigħ jonqos, ix-xagħar jibjad, u d-dahar jitgħawweġ. Ħadd m’għandu joqgħod jistenna sa dan il-punt f’ħajtu biex jibda jaqdi lil Ġeħova.—Aqra Ekkleżjasti 12:1-5.

2 Ħafna Kristjani li għandhom iktar minn 50 sena għadhom qed ibigħu s-saħħa. Forsi għandhom xi xagħar griż imma x’aktarx li għad m’għandhomx is-saħħa batuta li jiddeskrivi Salamun. Jistgħu dawn il-Kristjani akbar fl-età jibbenefikaw mill-parir imnebbaħ li ntqal liż-żgħażagħ: “Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek”? Dan il-parir xi jfisser?

3. Xi jfisser li niftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħna?

 3 Anke jekk ilna naqdu lil Ġeħova għal bosta snin, ikun tajjeb li kull tant żmien nieqfu u b’apprezzament naħsbu dwar kemm hu grandjuż il-Ħallieq tagħna. Il-ħajja hi rigal tal-għaġeb. Id-disinn li naraw fil-ħolqien tant hu kumpless li ma nistgħux nifhmuh bis-sħiħ. Il-varjetà t’affarijiet meraviljużi li għamel Ġeħova tagħmilha possibbli għalina li ngawdu l-ħajja b’diversi modi. Meta nimmeditaw fuq il-ħolqien taʼ Ġeħova, inġeddu l-apprezzament tagħna għall-imħabba, l-għerf, u l-qawwa tiegħu. (Salm 143:5) Imma li niftakru fil-Ħallieq Grandjuż tagħna jfisser ukoll li naħsbu fil-fond fuq dak li jistenna minna. Meta nimmeditaw fuq dawn l-affarijiet kollha niġu mqanqlin nuru l-gratitudni tagħna billi nagħmlu kulma nistgħu biex naqduh sakemm indumu ħajjin.—Ekk. 12:13.

OPPORTUNITAJIET UNIĊI IKTAR TARD FIL-ĦAJJA

4. Il-Kristjani b’ħafna esperjenza liema mistoqsija jistgħu jsaqsu lilhom infushom, u għala?

4 Jekk għandek ħafna snin taʼ esperjenza, hemm mistoqsija importanti li għandek issaqsi lilek innifsek, ‘Issa x’se nagħmel b’ħajti, waqt li għad għandi xi ftit tal-enerġija u s-saħħa?’ Bħala Kristjan tal-esperjenza, għandek opportunitajiet li ħaddieħor m’għandux. Tistaʼ tgħallem lill-uħud iżgħar minnek dak li tgħallimt mingħand Ġeħova. Tistaʼ ssaħħaħ lil oħrajn billi tirrakkonta esperjenzi li gawdejt int u taqdi lil Alla. Is-Sultan David talab għal opportunitajiet biex jagħmel dan. Hu kiteb: ‘O Alla, int għallimtni minn żgħożiti. Sakemm nixjieħ u xagħri jsir griż, O Alla, titlaqnix, sakemm inkun nistaʼ ngħid dwar driegħek lill-ġenerazzjoni, lil dawk kollha li għad iridu jiġu, dwar is-setgħa tiegħek.’—Salm 71:17, 18.

5. Kristjani akbar fl-età kif jistgħu jaqsmu m’oħrajn dak li tgħallmu?

5 Kif tistaʼ taqsam m’oħrajn l-għerf li ksibt tul is-snin? Tistaʼ tistieden lil uħud iżgħar fl-età għandek għal xi sħubija inkuraġġanti? Tistaʼ tiftiehem biex jaħdmu miegħek fil-ministeru Kristjan u turihom il-ferħ li tħoss meta taqdi lil Ġeħova? Eliħu qal: “Iż-żmien għandu jitkellem, u l-kotra tas-snin għandha tgħarraf l-għerf.” (Ġob 32:7) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lin-nisa Kristjani tal-esperjenza biex jinkuraġġixxu lill-oħrajn permezz tal-kliem u l-eżempju. Hu kiteb: “In-nisa mdaħħlin fiż-żmien, ħa . . . jkunu għalliema taʼ dak li hu tajjeb.”—Titu 2:3.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL BIEX TGĦIN LIL OĦRAJN

6. Għala għandna bżonn Kristjani b’ħafna snin taʼ esperjenza?

6 Jekk int Kristjan tal-esperjenza, tistaʼ tagħmel ħafna biex tgħin lil oħrajn. Ikkunsidra kemm taf affarijiet issa li ma kontx taf 30 jew 40 sena ilu. Taf kif tapplika prinċipji tal-Bibbja f’varjetà taʼ sitwazzjonijiet fil-ħajja. Bla dubju, int għandek l-abbiltà li tilħaq qalb ħaddieħor bil-verità tal-Bibbja. Jekk int anzjan, taf kif tgħin lill-aħwa li jagħmlu xi pass falz. (Gal. 6:1) Forsi tgħallimt kif tieħu ħsieb attivitajiet tal-kongregazzjoni, dipartimenti tal-assemblea, jew kostruzzjoni taʼ Swali tas-Saltna. Forsi taf kif tħeġġeġ lit-tobba jużaw metodi li fihom ma jintużax id-demm. Anke jekk m’ilekx li dħalt fil-verità, xorta għandek esperjenza utli fil-ħajja. Pereżempju, jekk rabbejt it-tfal, se tkun ksibt ħafna għerf prattiku. Kristjani akbar fl-età jistgħu jkunu sors kbir taʼ inkuraġġiment għan-nies taʼ Ġeħova billi jgħallmu, jiggwidaw, u jsaħħu lill-aħwa rġiel u nisa.—Aqra Ġob 12:12.

7. Il-Kristjani akbar fl-età liema taħriġ utli jistgħu jagħtu lil dawk iżgħar minnhom?

 7 B’liema modi oħra tistaʼ tuża l-abbiltajiet tiegħek biex tgħin lil oħrajn? Forsi tistaʼ turi lil dawk iżgħar minnek kif tibda u tkompli studji tal-Bibbja. Jekk int oħt, tistaʼ int turi lil ommijiet żgħar kif jistgħu jibqgħu attivi spiritwalment waqt li jieħdu ħsieb it-tfal żgħar? Jekk int ħu, tistaʼ int tgħallem lill-aħwa rġiel li għadhom żgħar kif jagħtu taħditiet b’entużjażmu u biex ikunu predikaturi iktar effettivi tal-aħbar tajba? Tistaʼ turihom kif iżżur lill-aħwa mdaħħlin fiż-żmien biex tinkuraġġihom spiritwalment? Anke jekk m’għadx għandek is-saħħa li xi darba kellek, xorta għandek opportunitajiet mill-isbaħ biex tħarreġ lil dawk iżgħar minnek. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Is-sbuħija taʼ l-irġiel żgħażagħ hija l-qawwa tagħhom, u l-ġmiel taʼ l-irġiel xjuħ hu x-xagħar griż.”—Prov. 20:29.

AQDI FEJN IL-BŻONN HU AKBAR

8. L-appostlu Pawlu x’għamel iktar tard fil-ħajja?

8 L-appostlu Pawlu baqaʼ bieżel ħafna fis-servizz taʼ Ġeħova anke meta xjaħ. Sakemm wasal iż-żmien li jinħeles mill-ħabs f’Ruma madwar is-sena 61 EK, diġà kien ħadem iebes ħafna u ssaporta ħafna provi bħala missjunarju, u setaʼ għażel li jissetilja f’Ruma u joqgħod jipprietka hemmhekk. (2 Kor. 11:23-27) L-aħwa f’dik il-belt kbira żgur li kienu jieħdu gost bl-appoġġ kontinwu tiegħu. Imma Pawlu ra li kien hemm bżonn saħansitra akbar f’pajjiżi oħra. Flimkien maʼ Timotju u Titu, hu reġaʼ beda x-xogħol missjunarju tiegħu, billi rħielha lejn Efesu, imbagħad lejn Kreta, u probabbli lejn il-Maċedonja. (1 Tim. 1:3; Titu 1:5) Ma nafux jekk marx Spanja, imma hekk kien beħsiebu jagħmel.—Rum. 15:24, 28.

9. Pietru meta forsi mar jaqdi fejn il-bżonn kien akbar? (Ara l-ewwel stampa.)

9 L-appostlu Pietru setaʼ kellu iktar minn 50 sena meta mar jgħix fejn il-bżonn hu akbar. Kif nafu? Jekk kien tampar Ġesù jew forsi ftit akbar, kien ikollu madwar 50 sena meta ltaqaʼ mal-appostli l-oħra f’Ġerusalemm fis-sena 49 EK. (Atti 15:7) Xi żmien wara din il-laqgħa, Pietru mar jgħix Babilonja, wisq probabbli biex jipprietka lil ħafna Lhud li kienu jgħixu f’dawk l-inħawi. (Gal. 2:9) Kien qed jgħix hemm meta kiteb l-ewwel ittra mnebbħa tiegħu, madwar is-sena 62 EK. (1 Pt. 5:13) Tistaʼ tkun taʼ sfida li wieħed jissetilja ġo art barranija, imma Pietru ma ħalliex il-fatt li kien għaddej iż-żmien minn fuqu jżommu milli jesperjenza l-ferħ taʼ li jaqdi lil Ġeħova bis-sħiħ.

10, 11. Irrakkonta esperjenza dwar xi ħadd li iktar tard f’ħajtu mar jaqdi fejn il-bżonn hu akbar.

10 Illum, ħafna Kristjani li għandhom iktar minn 50 sena sabu li ċ-ċirkustanzi tagħhom inbiddlu u li jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’modi ġodda. Xi wħud marru jaqdu fejn il-bżonn hu akbar. Pereżempju, Robert jikteb: “Jien u marti kellna xi 55 sena meta rrealizzajna x’opportunitajiet kellna quddiemna. L-uniku iben tagħna kien telaq mid-dar, ma kienx għad għandna ġenituri xjuħ li kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom, u konna rċivejna wirt żgħir. Ikkalkulajt li jekk inbigħu d-dar kien se jkollna biżżejjed flus biex naqtgħu d-dejn fuq id-dar u biex immantnu lilna nfusna sakemm nibda nirċievi l-pensjoni. Smajna li fil-Bolivja hemm ħafna nies li qed jaċċettaw studji tal-Bibbja u li l-ħajja hi rħisa. Għalhekk, iddeċidejna li mmorru. Ma kienx faċli għalina biex nadattaw ruħna. Kollox kien differenti ħafna minn dak li konna mdorrijin bih fl-Amerika taʼ Fuq. Imma ġejna premjati bil-kbir għall-isforzi tagħna.”

11 Robert iżid jgħid: “Issa ħajjitna kollha tiffoka fuq l-attivitajiet tal-kongregazzjoni. Xi wħud minn dawk li studjajna l-Bibbja magħhom tgħammdu. Familja li  studjajna magħha hi fqira u tgħix f’raħal diversi kilometri ’l bogħod. Imma kull ġimgħa, il-membri taʼ din il-familja jagħmlu l-vjaġġ diffiċli lejn il-belt għal-laqgħat. Tistaʼ int timmaġina kemm fraħna meta rajna l-progress li qed tagħmel il-familja u meta t-tifel il-kbir saħansitra beda jaqdi bħala pijunier?”

IL-BŻONN FL-OQSMA TAL-LINGWA BARRANIJA

12, 13. Irrakkonta esperjenza dwar Kristjan li beda jaqdi lil Ġeħova b’modi ġodda wara li rtira.

12 Kongregazzjonijiet u gruppi tal-lingwa barranija jistgħu jibbenefikaw bil-kbir mill-eżempju t’aħwa rġiel u nisa mdaħħlin fiż-żmien. Ukoll, tgħidx kemm tistaʼ tieħu gost taħdem dan it-territorju! Pereżempju, Brian mill-Britannja kiteb li wara li rtira taʼ 65 sena, hu u martu sabu li l-ħajja kienet saret tedjanti. Hu qal: “It-tfal tagħna kienu telqu mid-dar u rari konna nsibu nies interessati li stajna nistudjaw il-Bibbja magħhom. Imbagħad iltqajt maʼ raġel żagħżugħ Ċiniż li kien qed jagħmel riċerka fl-università lokali. Aċċetta stedina biex jattendi l-laqgħa tagħna, u bdejt nistudja l-Bibbja miegħu. Wara xi ftit ġimgħat, beda jġib kollega Ċiniż miegħu għal-laqgħat. Ħmistax wara, beda jġib ieħor, u mbagħad ieħor.

13 “Meta ġie l-ħames riċerkatur Ċiniż u saqsa għal studju tal-Bibbja, għedt bejni u bejn ruħi, ‘Il-fatt li għandi 65 sena ma jfissirx li għandi nirtira mis-servizz tiegħi lil Ġeħova.’ Għalhekk, staqsejt lil marti, li hi sentejn iżgħar minni, jekk tixtieqx titgħallem iċ-Ċiniż. Użajna r-rekordings biex nitgħallmu l-lingwa. Dan kollu ġara 10 snin ilu. Li nippritkaw f’qasam tal-lingwa barranija ġegħelna nerġgħu nħossuna żgħażagħ. S’issa, studjajna l-Bibbja maʼ 112-il persuna Ċiniża! Il-biċċa l-kbira minnhom attendew il-laqgħat. Wieħed minnhom issa jaqdi fil-kongregazzjoni tagħna bħala pijunier.”

ĦU PJAĊIR F’LI TAGĦMEL DAK LI TISTAʼ

14. Kristjani akbar fl-età minn xiex jistgħu jiksbu l-ferħ, u l-eżempju taʼ Pawlu kif inhu inkuraġġanti għalihom?

14 Għalkemm ħafna Kristjani li għandhom iktar minn 50 sena għandhom  iċ-ċirkustanzi li jippermettulhom jagħmlu affarijiet ġodda fis-servizz lil Ġeħova, mhux kollha jistgħu. Xi wħud minnhom għandhom saħħa batuta u oħrajn jieħdu ħsieb il-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien jew it-tfal. Tistaʼ tikseb ferħ mill-fatt li tkun taf li Ġeħova japprezza dak kollu li tagħmel fis-servizz tiegħu. Għalhekk, minflok ma tkun frustrat minħabba dak li ma tistax tagħmel, ħu pjaċir f’li tagħmel dak li tistaʼ. Ikkunsidra l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Għal snin sħaħ kien priġunier u ma setax ikompli bil-vjaġġi missjunarji. Imma kull meta żaruh xi nies, kien ikellimhom dwar l-Iskrittura u jsaħħaħhom ħalli jkomplu jaqdu lil Alla b’lealtà.—Atti 28:16, 30, 31.

15. Għala tassew ngħożżu lill-Kristjani mdaħħlin sew fiż-żmien?

15 Ġeħova japprezza wkoll dak li jistgħu jagħmlu wħud imdaħħlin sew fiż-żmien biex jaqduh. Għalkemm Salamun ammetta li “jiem l-għali,” meta s-saħħa tkun batuta, mhumiex l-aħjar żmien fil-ħajja, Ġeħova jgħożż dak li jistgħu jagħmlu l-Kristjani mdaħħlin sew fiż-żmien biex ifaħħruh. (Lq. 21:2-4) Il-kongregazzjonijiet japprezzaw l-eżempju leali taʼ dawk fosthom li ilhom ħafna żmien jaqdu lil Ġeħova.

16. Ix-xwejħa Anna liema privileġġi x’aktarx li ma gawdietx, imma x’setgħet tagħmel biex tqim lil Alla?

16 Fil-Bibbja naqraw li mara xwejħa jisimha Anna b’lealtà baqgħet tfaħħar lil Ġeħova fi xjuħitha. Kienet armla taʼ 84 sena meta twieled Ġesù. X’aktarx li m’għexitx biżżejjed biex issir segwaċi taʼ Ġesù, biex tiġi midluka bl-ispirtu qaddis, jew biex tmur tipprietka. Iżda, Anna ħadet pjaċir tagħmel dak li setgħet. “Qatt ma kienet tonqos mit-tempju biex tagħti servizz sagru lejl u nhar.” (Lq. 2:36, 37) Meta l-qassis kien joffri l-inċens fit-tempju kull filgħodu u filgħaxija, Anna kienet tkun mal-folla miġbura fil-bitħa toffri talb f’qalbha forsi għal xi nofs siegħa. Meta rat lit-tarbija Ġesù, bdiet “titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew il-ħelsien taʼ Ġerusalemm.”—Lq. 2:38.

17. Kif nistgħu ngħinu lil Kristjani morda jew imdaħħlin sew fiż-żmien biex jieħdu sehem fil-qima vera?

17 Illum, għandna nfittxu modi kif ngħinu lil Kristjani morda jew imdaħħlin sew fiż-żmien. Jistaʼ jagħti l-każ li xi aħwa li tassew jixtiequ jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni u l-assembleat ma jkunux jistgħu jattendu. F’xi postijiet, il-kongregazzjonijiet bi mħabba jirranġaw biex dawn l-uħud avanzati fl-età jisimgħu l-laqgħat permezz tat-telefown. F’postijiet oħra, dan jistaʼ ma jkunx possibbli. Xorta waħda, Kristjani li ma jistgħux jattendu l-laqgħat jistgħu jieħdu sehem f’li jappoġġaw il-qima vera. Pereżempju, it-talb tagħhom jikkontribwixxi għas-suċċess tal-kongregazzjoni Kristjana.—Aqra Salm 92:13, 14.

18, 19. (a) Il-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien għala jistgħu ma jirrealizzawx kemm jinkuraġġixxu lil oħrajn? (b) Min jistaʼ japplika l-parir: “Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek”?

18 Il-Kristjani mdaħħlin sew fiż-żmien għandhom mnejn ma jirrealizzawx kemm jinkuraġġixxu lil oħrajn. Pereżempju, għalkemm Anna kienet leali dawk is-snin kollha fit-tempju, abbli ma rrealizzatx li sekli sħaħ wara l-eżempju tagħha kien se jkun għadu taʼ inkuraġġiment għal oħrajn. L-imħabba t’Anna għal Ġeħova ġiet imniżżla fl-Iskrittura. Żgur li l-imħabba tiegħek għal Alla hi mnaqqxa fil-qlub tal-aduraturi sħabek. Mhux taʼ b’xejn li l-Kelma t’Alla tgħid: “Ix-xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-triq tas-sewwa.”—Prov. 16:31.

19 Hemm limitu għal dak li lkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova. Imma waqt li għad għandek xi ftit tas-saħħa u l-enerġija, kun determinat li ‘tiftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek qabel jiġu jiem l-għali.’—Ekk. 12:1.