Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

100 sena ta’ ħakma tas-Saltna—Kif jeffettwawk?

100 sena ta’ ħakma tas-Saltna—Kif jeffettwawk?

“Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, . . . Sultan taʼ l-eternità.”RIV. 15:3.

1, 2. Is-Saltna t’Alla x’se twettaq, u għala nistgħu nkunu fiduċjużi li s-Saltna se tiġi?

FUQ muntanja qrib Kafarnahum fir-rebbiegħa tas-sena 31 EK, Ġesù Kristu għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.” (Mt. 6:10) Illum, ħafna jiddubitaw jekk is-Saltna qattx se tiġi. Madankollu, aħna fiduċjużi li t-talb sinċier tagħna biex tiġi s-Saltna t’Alla se jitwieġeb.

2 Ġeħova se juża s-Saltna biex jgħaqqad il-familja tiegħu fis-sema u fuq l-art. Dan l-iskop divin se jitwettaq. (Is. 55:10, 11) Fil-fatt, Ġeħova diġà sar Sultan fi żmienna! Il-ġrajjiet eċċitanti taʼ dawn l-aħħar 100 sena huma prova taʼ dan. Alla qed iwettaq għemejjel kbar u tal-għaġeb għal miljuni taʼ sudditi leali. (Żak. 14:9; Riv. 15:3) U madankollu, il-fatt li Ġeħova jsir Sultan mhuwiex l-istess bħall-miġja tas-Saltna t’Alla li għaliha Ġesù għallimna biex nitolbu. Dawn il-ġrajjiet kif inhuma differenti, u kif jeffettwawna?

IS-SULTAN MAĦTUR MINN ĠEĦOVA JAĠIXXI

3. (a) Ġesù meta tqiegħed fuq it-tron bħala Sultan, u fejn? (b) Kif se turi li s-Saltna ġiet stabbilita fl-1914? (Ara n-nota taʼ taħt.)

3 Madwar l-1880, il-qaddejja t’Alla bdew jifhmu profezija li nkitbet minn Danjel iktar minn 2,500 sena ilu: “Fi żmien dawn is-slaten, l-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered.” (Dan. 2:44) Għal għaxriet taʼ snin, l-Istudenti tal-Bibbja qalu li s-sena 1914 kienet se tkun sena sinifikanti. Dak iż-żmien,  ħafna nies kienu ottimisti. Bħalma jistqarr wieħed kittieb: “Id-dinja fl-1914 kienet mimlija tama u prospetti sbieħ.” Madankollu, meta iktar tard dik is-sena faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, seħħet il-profezija Biblika. Il-ġuħ, it-terremoti, u l-mard li jittieħed, kif ukoll it-twettiq taʼ profeziji oħrajn tal-Bibbja, urew li fl-1914, Ġesù Kristu beda jaħkem fis-sema bħala Sultan tas-Saltna t’Alla. * Tabilħaqq, billi qiegħed lil Ibnu fuq it-tron bħala s-Sultan Messjaniku, Ġeħova kien sar Sultan f’sens ġdid!

4. Is-Sultan il-ġdid liema azzjoni ħa mill-ewwel, u mbagħad lejn min dawwar l-attenzjoni tiegħu?

4 L-ewwel ħaġa li għamel is-Sultan il-ġdid t’Alla kienet li ggwerra kontra Satana, l-Avversarju ewlieni taʼ Missieru. Ġesù u l-anġli tiegħu keċċew lix-Xitan u d-demonji tiegħu mis-sema. Dan ġab ferħ kbir fis-sema, imma ġab żmien taʼ gwaj li qatt ma kien hawn bħalu fuq l-art. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-9, 12.) Imbagħad is-Sultan dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn is-sudditi tiegħu fuq l-art biex jirfinahom, jedukahom, u jorganizzahom ħalli jagħmlu r-rieda t’Alla. Ejja naraw kif l-ubbidjenza tagħhom għad-direzzjoni taʼ Ġesù tħallielna eżempju tajjeb illum.

IS-SULTAN MESSJANIKU JIRFINA LIS-SUDDITI LEALI TIEGĦU

5. Liema tindif seħħ bejn l-1914 u l-parti bikrija tal-1919?

5 Wara li s-Sultan imqiegħed fuq it-tron naddaf is-smewwiet mill-influwenza korrotta taʼ Satana u d-demonji tiegħu, Ġeħova qabbad lil Ġesù biex jeżamina u jirfina l-qagħda spiritwali tas-segwaċi tiegħu fuq l-art. Il-profeta Malakija dan iddeskrivieh bħala tindif spiritwali. (Mal. 3:1-3) L-istorja turi li dan seħħ bejn l-1914 u l-parti bikrija tal-1919. * Biex inkunu parti mill-familja universali taʼ Ġeħova, irridu nkunu nodfa, jew qaddisin. (1 Pt. 1:15, 16) Irridu nkunu ħelsin minn kwalunkwe tinġis tar-reliġjon falza jew tal-politika taʼ din id-dinja.

6. L-ikel spiritwali kif jiġi provdut, u għala hu vitali?

6 Ġesù mbagħad uża l-awtorità tiegħu bħala sultan biex jaħtar “ilsir leali u għaqli.” Dan l-ilsir kellu jipprovdi provvista regulari taʼ ikel spiritwali bnin lil dawk kollha li jifformaw il-“merħla waħda” taħt il-ħarsien taʼ Ġesù. (Mt. 24:45-47; Ġw. 10:16) Mill-1919 ’l hawn, grupp żgħir t’aħwa midlukin wettqu lealment ir-responsabbiltà importanti li jagħtu l-ikel lill-‘qaddejja taʼ dar’ Ġesù. L-ikel spiritwali abbundanti provdut mill-ilsir leali u għaqli jsostnina sabiex inkunu nistgħu nikbru fil-fidi. Isaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu nodfa spiritwalment, moralment, mentalment, u fiżikament. Ukoll, dan l-ikel spiritwali jedukana u jarmana biex ikollna sehem sħiħ fl-iktar xogħol importanti li llum qed isir fuq l-art, l-ippritkar. Qiegħed int tieħu vantaġġ sħiħ minn dawn il-provvedimenti?

IS-SULTAN JEDUKA LIS-SUDDITI TIEGĦU BIEX JIPPRITKAW MAD-DINJA KOLLHA

7. Ġesù liema xogħol importanti beda meta kien fuq l-art, u sa meta għandu jitkompla?

7 Meta beda l-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù ħabbar: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Għal tliet snin u nofs, dan il-ministeru kien l-iktar xogħol importanti fil-ħajja taʼ Ġesù. Hu istruwixxa lid-dixxipli tiegħu billi qal: “Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-saltna  tas-smewwiet.’” (Mt. 10:7) Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù bassar li s-segwaċi tiegħu kellhom ixerrdu dan il-messaġġ “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Hu wegħedhom li kien se jkun involut personalment f’dan ix-xogħol vitali sat-tmiem taʼ din is-sistema.—Mt. 28:19, 20.

8. Is-Sultan kif qanqal lis-segwaċi tiegħu fuq l-art biex jippritkaw?

8 Sal-1919, “l-aħbar tajba tas-saltna” inkludiet tifsira ġdida. (Mt. 24:14) Is-Sultan kien qed jaħkem fis-sema, u kien ġabar grupp żgħir imnaddaf taʼ sudditi fuq l-art. Huma wieġbu bil-ħerqa għall-kmand ċar taʼ Ġesù: Ippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla fl-art kollha! (Atti 10:42) Pereżempju, kważi 20,000 segwaċi tas-Saltna ltaqgħu f’konvenzjoni internazzjonali f’Cedar Point, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika, f’Settembru tal-1922. Immaġina l-eċċitament tagħhom meta Ħuna Rutherford ta t-taħdita intitolata “Is-Saltna” u ddikjara: “Araw, is-Sultan jirrenja! Intom l-aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-Sultan u s-saltna tiegħu.” L-għada, elfejn delegat ħarġu fis-servizz tal-għalqa u xi wħud minnhom ivvjaġġaw sa 72 kilometru ’l bogħod mill-post tal-konvenzjoni biex jippritkaw. Imqanqal biex jaġixxi, ħu esklama: “Qatt ma se ninsa s-sejħa biex nirreklamaw is-Saltna u ż-żelu tal-folla miġbura!” Ħafna oħrajn ħassewhom bħalu.

9, 10. (a) Liema arranġamenti saru biex iħarrġu lil proklamaturi tas-Saltna? (b) Int personalment kif ibbenefikajt minn dan it-taħriġ?

9 Sal-1922, iktar minn 17,000 proklamatur tas-Saltna kienu attivi fi 58 pajjiż madwar id-dinja. Madankollu, kellhom bżonn it-taħriġ. Fl-ewwel seklu, is-Sultan-Magħżul ta direzzjonijiet ċari lid-dixxipli tiegħu dwar x’kellhom jippritkaw, fejn, u kif. (Mt. 10:5-7; Lq. 9:1-6; 10:1-11) Illum, bl-istess mod Ġesù jara li kull min jieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna jirċievi istruzzjonijiet u jkollu l-għodod li jkollu bżonn biex jipprietka b’mod effettiv. (2 Tim. 3:17) Permezz tal-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù qed iħarreġ lis-sudditi tiegħu għall-ministeru. Mod wieħed kif iħarriġhom hu permezz tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, li ssir f’kull waħda mill-iktar minn 111,000 kongregazzjoni madwar l-art. Billi jieħdu vantaġġ minn din l-istruzzjoni, iktar minn sebaʼ miljun predikatur huma issa armati biex jippritkaw u jgħallmu b’tali mod li se jgħin lil “nies taʼ kull xorta.”—Aqra l-1 Korintin 9:20-23.

10 Minbarra l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, ġew stabbiliti skejjel Bibliċi oħrajn biex iħarrġu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, pijunieri, aħwa rġiel mhux miżżewġin, koppji Kristjani, membri tal-Kumitati  tal-Fergħa u n-nisa tagħhom, indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom, u missjunarji. * L-istudenti taʼ klassi waħda tal-Iskola tal-Bibbja Għal Koppji Kristjani esprimew l-apprezzament tagħhom għall-iskola b’dan il-mod: “It-taħriġ speċjalizzat li rċivejna kabbar imħabbitna għal Ġeħova u armana aħjar biex ngħinu lil oħrajn.”

11. Proklamaturi tas-Saltna kif setgħu jissaportu minkejja l-oppożizzjoni?

11 L-għadu Satana qed jara dawn l-isforzi kbar kollha li qed isiru biex l-aħbar tajba tiġi pritkata u mgħallma. Hu juża attakki diretti kif ukoll attakki sottili kontra l-messaġġ tas-Saltna u kontra dawk li jippritkawh biex jipprova jwaqqaf ix-xogħol. Imma l-attakki taʼ Satana mhux se jirnexxu. Ġeħova qiegħed lil Ibnu “ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma.” (Efes. 1:20-22) Bħala Sultan, Ġesù juża l-awtorità tiegħu biex jipproteġi u jiggwida lid-dixxipli tiegħu ħalli jagħmel ċert li ssir ir-rieda taʼ Missieru. * L-aħbar tajba qed tiġi pritkata, u miljuni taʼ wħud onesti qed jiġu mgħallmin il-modi taʼ Ġeħova. Xi privileġġ għandna li jkollna sehem f’dan ix-xogħol grandjuż!

IS-SULTAN JORGANIZZA LIS-SUDDITI TIEGĦU GĦAL ATTIVITÀ AKBAR

12. Iddeskrivi xi rfinar organizzazzjonali li sar mindu ġiet stabbilita s-Saltna.

12 Mindu ġiet stabbilita s-Saltna fl-1914, is-Sultan irfina l-mod kif il-qaddejja t’Alla jiġu organizzati biex jagħmlu r-rieda taʼ Missieru. (Aqra Isaija 60:17.) Fl-1919, inħatar direttur tas-servizz f’kull kongregazzjoni biex jieħu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar. Fl-1927, il-kongregazzjonijiet bdew jippritkaw regolarment nhar taʼ Ħadd. Fl-1931, il-qaddejja taʼ Ġeħova bdew jużaw l-isem Xhieda taʼ Ġeħova, u dan qanqalhom biex jagħmlu saħansitra iktar fix-xogħol tas-Saltna. (Is. 43:10-12) B’seħħ mill-1938, dawk li kienu jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni ma baqgħux jiġu eletti permezz taʼ vot. Minflok, biex jinħatru, kellhom jissodisfaw il-ħtiġijiet Bibliċi. Fl-1972, ġemgħa tal-anzjani bdiet tieħu ħsieb l-indokrar tal-kongregazzjoni minflok indokratur wieħed. L-irġiel kwalifikati kollha ġew inkuraġġiti biex jirsistu ħalli jieħdu sehem f’li ‘jirgħu l-merħla t’Alla li hemm fil-ħarsien tagħhom.’ (1 Pt. 5:2) Fl-1976, il-Ġemgħa li Tiggverna ġiet organizzata f’sitt kumitati biex jindokraw ix-xogħol tas-Saltna madwar id-dinja. B’mod xieraq, is-Sultan maħtur minn Ġeħova baqaʼ jorganizza lis-segwaċi tiegħu b’mod progressiv biex jagħmlu l-affarijiet kif irid Alla.

13. It-twettiq li sar f’100 sena taʼ ħakma tas-Saltna, kif effettwalek ħajtek?

 13 Ikkunsidra dak li wettaq is-Sultan Messjaniku matul l-ewwel 100 sena tar-renju tiegħu. Naddaf poplu biex jirrappreżenta lil Ġeħova. Organizza l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna f’239 pajjiż u eduka lil miljuni dwar il-modi taʼ Ġeħova. Għaqqad flimkien lil iktar minn sebaʼ miljun sudditu leali, u dawn kull wieħed minnhom joffri ruħu minn rajh biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Salm 110:3) Verament, l-għemejjel taʼ Ġeħova permezz tas-Saltna Messjanika huma kbar u tal-għaġeb. U quddiemna għandna ġrajjiet saħansitra iktar eċċitanti!

BARKIET FUTURI TAS-SALTNA MESSJANIKA

14. (a) Xi nkunu qed nitolbu lil Alla biex jagħmel meta nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek”? (b) X’inhi l-iskrittura għas-sena 2014, u għala hi xierqa?

14 Avolja fl-1914 Ġeħova inkuruna lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala s-Sultan Messjaniku, dan ma kienx it-tweġiba kompleta għat-talba tagħna “ħa tiġi saltnatek.” (Mt. 6:10) Kien imbassar fil-Bibbja li Ġesù kellu ‘jmur irażżan f’nofs l-għedewwa tiegħu.’ (Salm 110:2) Il-gvernijiet umani kontrollati minn Satana għadhom jopponu lis-Saltna. Meta nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla, inkunu qed nitolbu lil Alla ħalli s-Sultan Messjaniku u l-ħakkiema sħabu jiġu sabiex itemmu l-ħakma umana u jwarrbu min-nofs lil dawk kollha fuq l-art li jopponu lis-Saltna. Din l-azzjoni se twettaq il-kliem taʼ Danjel 2:44 li s-Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha.” Se telimina lill-għedewwa politiċi tas-Saltna. (Riv. 6:1, 2; 13:1-18; 19:11-21) Iż-żmien biex jiġri dan hu qrib ferm. Kemm hu xieraq li l-iskrittura għas-sena 2014, is-sena li fiha s-Saltna t’Alla tagħlaq 100 sena mindu ġiet stabbilita fis-sema, hi Mattew 6:10: “Ħa tiġi saltnatek”!

L-iskrittura għas-sena 2014: “Ħa tiġi saltnatek.”Mattew 6:10

15, 16. (a) Liema ġrajjiet eċċitanti se jseħħu matul ir-Renju taʼ Elf Sena? (b) X’se jkun l-att finali taʼ Ġesù bħala Sultan Messjaniku, u dan x’se jkun ifisser rigward l-iskop taʼ Ġeħova għall-ħolqien kollu tiegħu?

15 Wara li s-Sultan Messjaniku jeqred lill-għedewwa t’Alla, se jixħet lil Satana u lid-demonji tiegħu f’abbiss għal elf sena. (Riv. 20:1-3) Mingħajr din l-influwenza mill-agħar, is-Saltna se tkun tistaʼ tapplika l-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u teqred għalkollox l-effetti tad-dnub taʼ Adam. Is-Sultan se jirxoxta lil miljuni bla għadd li huma reqdin fil-qabar u se jorganizza programm taʼ edukazzjoni madwar id-dinja biex jgħallimhom dwar Ġeħova. (Riv. 20:12, 13) L-art kollha kemm hi se ssir ġenna sewwasew bħall-ġnien tal-Għeden. Il-bnedmin leali kollha se jilħqu l-perfezzjoni.

16 Sat-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, is-Saltna Messjanika se tkun wettqet l-iskop tagħha. Imbagħad Ġesù se jgħaddi s-Saltna lil Missieru. (Aqra l-1 Korintin 15:24-28.) Mhux se jkollna bżonn iktar lil xi ħadd li jirrappreżentana quddiem Ġeħova. L-ulied kollha t’Alla fis-sema u wliedu kollha fuq l-art se jkunu magħqudin maʼ Missierhom tas-sema bħala parti mill-familja universali tiegħu.

17. X’int determinat li tagħmel rigward is-Saltna?

17 Il-ġrajjiet eċċitanti taʼ 100 sena taʼ ħakma tas-Saltna jassigurawna li Ġeħova qed jikkontrolla u li l-iskop tiegħu għall-art se jitwettaq. Jalla nkomplu nkunu s-sudditi leali tiegħu u nirreklamaw is-Sultan u s-Saltna tiegħu. Dan nagħmluh b’fiduċja sħiħa li Ġeħova dalwaqt se jwieġeb it-talba bil-ħrara tagħna: “Ħa tiġi saltnatek”!

^ par. 10 Ara l-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 Settembru 2012, paġni 13-17, “L-Iskejjel Teokratiċi—Evidenza tal-Imħabba taʼ Ġeħova.”

^ par. 11 Ara l-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Diċembru 1998, paġni 19-22, għal eżempji taʼ rebħiet legali f’diversi pajjiżi.