Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Ħa tiġi saltnatek”—Imma meta?

“Ħa tiġi saltnatek”—Imma meta?

“Meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-bieb.” MT. 24:33.

1, 2. (a) X’jistaʼ jġegħelna nsiru bħallikieku għomja? (b) X’nafu dwar is-Saltna t’Alla?

BĦALMA forsi ġieli nnotajt, in-nies mhux dejjem jiftakru l-istess dettalji taʼ xi ġrajja. Bl-istess mod, individwu jistaʼ ma jiftakarx eżatt dak li qallu t-tabib wara li jkun qallu x’għandu. Jew xi ħadd ma jkunx jistaʼ jsib iċ-ċwievet jew in-nuċċali, avolja jkunu quddiem wiċċu. Għala jiġru dawn l-affarijiet? Ir-riċerkaturi jgħidu li meta nipprovaw nagħmlu iktar minn ħaġa waħda fl-istess ħin insiru bħallikieku għomja. Milli jidher, moħħna ma jistax jikkonċentra bis-sħiħ fuq iktar minn ħaġa waħda fl-istess waqt.

2 Illum, bl-istess mod ħafna nies huma “għomja” għal dak li qed jiġri fid-dinja. Għandhom mnejn jammettu li d-dinja nbidlet ħafna mill-1914 ’l hawn, imma ma jifhmux xi jfissru verament dawn il-bidliet. Bħala studenti tal-Bibbja, aħna nafu li s-Saltna t’Alla ġiet fl-1914 meta Ġesù nħatar bħala Sultan fis-sema. Imma nafu li hemm iktar involut fejn għandha x’taqsam it-talba “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mt. 6:10) Jidher ċar li din it-talba tinkludi t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Hu biss wara li jiġri dan li r-rieda t’Alla se sseħħ fuq l-art bħalma qed isseħħ fis-sema.

3. X’vantaġġ għandna minħabba li nistudjaw il-Kelma t’Alla?

 3 Minħabba li regolarment nistudjaw il-Kelma t’Alla, nistgħu naraw li issa stess qed jitwettqu xi profeziji. X’differenza min-nies inġenerali! Dawn tant huma medhijin bil-ħajja tagħhom li ma jarawx l-evidenza ċara li Kristu ilu jaħkem mill-1914 u li dalwaqt se jeqred lil din id-dinja mill-agħar. Madanakollu, saqsi lilek innifsek, ‘Għadni nemmen li t-tmiem taʼ din id-dinja hu fil-qrib ferm u li dak li qed jiġri fuq l-art jagħti prova taʼ dan?’ Anke jekk m’ilekx li sirt Xhud, l-attenzjoni tiegħek fuqiex inhi ffokata? Hi x’inhi t-tweġiba tagħna, ejja nirrivedu tliet raġunijiet importanti għala nistgħu nkunu fiduċjużi li r-rieda t’Alla għall-art dalwaqt se sseħħ.

DEHRU R-RIKKIEBA TAŻ-ŻWIEMEL

4, 5. (a) Ġesù x’kien u għadu qed jagħmel mill-1914 ’l hawn? (Ara l-ewwel stampa.) (b) It-tliet rikkieba taż-żwiemel x’jirrappreżentaw, u din il-profezija kif twettqet?

4 Fl-1914, Ġesù Kristu—deskritt bħala li riekeb fuq żiemel abjad—ingħata kuruna fis-sema. Minnufih ħareġ biex itemm ir-rebħa fuq is-sistema mill-agħar taʼ Satana. (Aqra Rivelazzjoni 6:1, 2.) Il-profezija deskrittiva f’Rivelazzjoni kapitlu 6 bassret li wara li kellha tiġi stabbilita s-Saltna t’Alla, il-kundizzjonijiet tad-dinja malajr kienu se jiggravaw—il-gwerer, in-nuqqas t’ikel, il-mard li jittieħed, u affarijiet oħra li jikkaġunaw il-mewt kienu se jiġru fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Fil-profezija, dawn id-diżastri huma rappreżentati minn tliet rikkieba li qed isuqu ż-żwiemel eżatt wara Ġesù Kristu.—Riv. 6:3-8.

5 Kif kien imbassar, ‘il-paċi tneħħiet minn fuq l-art,’ minkejja l-wegħdi tal-bnedmin biex jaħdmu flimkien u jżommu l-paċi. L-Ewwel Gwerra Dinjija tistaʼ titqies bħala l-bidu taʼ gwerer qerridin, kif nistgħu naraw minn dak li qed jiġri fid-dinja dan l-aħħar. U minkejja l-ħafna żviluppi li seħħew fil-qasam tal-ekonomija u x-xjenza mill-1914 ’l hawn, in-nuqqas t’ikel ikompli jhedded is-sigurtà tad-dinja. Iktar minn hekk, min jistaʼ jiċħad il-fatt li kull xorta taʼ mard, diżastri naturali, u traġedji oħrajn ikomplu jieħdu l-ħajjiet taʼ miljuni taʼ vittmi kull sena? Dawn il-ġrajjiet huma iktar perikolużi, iseħħu iktar spiss, u joqtlu iktar nies minn qatt qabel fl-istorja umana. Tirrealizza int xi jfisser dan?

6. Min kien ta kas it-twettiq tal-profezija Biblika, u dawn x’għamlu malli għarfu t-twettiq tal-profezija?

6 Fl-1914 u fis-snin taʼ wara, ħafna nies ġew aljenati minħabba li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija u minħabba l-influwenza Spanjola. Imma, il-Kristjani midlukin kienu ilhom jistennew b’ħerqa li fl-1914 jintemmu Żminijiet il-Ġentili, jew “iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” (Lq. 21:24) Ma kinux jafu eżatt x’kien se jiġri. Però, kienu jafu li fl-1914, ġrajja importanti kienet se sseħħ fis-Saltna t’Alla. Malli għarfu t-twettiq tal-profezija Biblika, bi qlubija ħabbru lil oħrajn li Alla kien beda jaħkem. Ħafna minn dawk li ppritkaw il-messaġġ tal-Bibbja ġew persegwitati bl-aħrax. Anke din il-persekuzzjoni li seħħet f’ħafna pajjiżi kienet twettiq tal-profezija tal-Bibbja. Fl-għaxriet taʼ snin taʼ wara, l-għedewwa tas-Saltna ‘ppjanaw l-inkwiet permezz taʼ digriet.’ Ukoll, biex jipprovaw iwaqqfu l-ippritkar, dawn l-għedewwa waslu biex jużaw il-vjolenza fiżika kontra ħutna, tefgħuhom il-ħabs, u saħansitra qatluhom billi għallquhom, sparawlhom, jew qatgħulhom rashom.—Salm 94:20; Riv. 12:15.

7. Il-biċċa l-kbira tan-nies għala ma jifhmux l-importanza taʼ x’inhu jiġri fid-dinja llum?

 7 Jekk hawn daqshekk evidenza li s-Saltna t’Alla ġa hi stabbilita fis-sema, il-biċċa l-kbira tan-nies għala ma jifhmuhx dan? Kif ma jarawx li dak li qed jiġri fid-dinja qed iwettaq il-profezija tal-Bibbja eżatt bħalma ilhom jgħidu n-nies t’Alla għal bosta snin? Jistaʼ jkun li l-maġġoranza tan-nies qed jiffokaw biss fuq dak li jistgħu jaraw b’għajnejhom? (2 Kor. 5:7) Huma tant medhijin b’ħajjithom li ma jarawx x’inhu jagħmel Alla? (Mt. 24:37-39) Qed jiġu aljenati xi wħud minnhom mill-ideat u l-miri tad-dinja taʼ Satana? (2 Kor. 4:4) Aħna neħtieġu l-fidi kif ukoll l-abbiltà li naraw lil hinn minn dak li hemm quddiem għajnejna biex nifhmu x’inhi tagħmel is-Saltna t’Alla. Kemm aħna ferħanin li nistgħu naraw eżatt x’inhu għaddej!

IL-ĦAŻEN QED JIŻDIED

8-10. (a) It-2 Timotju 3:1-5 kif twettaq? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-ħażen qed jiżdied?

8 It-tieni raġuni għala nafu li s-Saltna t’Alla daqt se taħkem għal fuq l-art hi li l-ħażen tad-dinja qed jiżdied iktar minn qatt qabel, u qed jiggrava. Għal kważi seklu, rajna t-twettiq tal-kundizzjonijiet imbassrin fit-2 Timotju 3:1-5. L-imġiba deskritta f’dawk il-versi qed issir iktar komuni f’kull parti tad-dinja. Int qed tarah dan ukoll? Ejja nikkunsidraw xi eżempji.—Aqra t-2 Timotju 3:1, 13.

9 Qabbel dak li kienu jitkażaw bih in-nies fis-snin 40 jew 50 maʼ dak li qed jiġri llum fuq il-post tax-xogħol, fil-qasam tad-divertiment, fl-isports, u fil-moda. Il-vjolenza estrema u l-immoralità issa qishom xejn mhu xejn. In-nies jipprovaw jiskandalizzaw lil ħaddieħor bl-imġiba vjolenti, immorali, u kattiva tagħhom. Programmi tat-televixin li kienu jitqiesu bħala ħżiena fis-snin 50 issa jitqiesu bħala divertiment tajjeb għall-familji. Ħafna wħud innotaw l-influwenza kbira li għandhom l-omosesswali fid-divertiment u l-moda, u kif dawn jippromwovu l-istil taʼ ħajja tagħhom fil-pubbliku. Kemm aħna grati li nafu x’inhi l-ħarsa t’Alla!—Aqra Ġuda 14, 15.

 10 Qabbel ukoll dak li kien jitqies bħala mġiba ribelluża miż-żgħażagħ fis-snin 50 maʼ dak li qed jiġri llum il-ġurnata. Il-ġenituri kienu jinkwetaw—u bir-raġun—dwar jekk uliedhom kinux qed ipejpu t-tabakk, jixorbu l-alkoħol, jew jiżfnu b’mod provokattiv. Illum, lanqas tilħaq tixgħel it-televixin li ma tismax rapporti li ma jitwemmnux bħal dawn: Student taʼ 15-il sena jispara fuq sħabu tal-klassi, joqtol lil 2 u jweġġaʼ lil 13. Grupp taʼ żgħażagħ fis-sakra bi krudeltà joqtlu tifla taʼ disaʼ snin u jattakkaw lil missierha u lil kuġinuha. Jintqal li ż-żgħażagħ f’ċertu pajjiż Asjatiku kkaġunaw nofs id-delitti li saru fl-aħħar 10 snin. Jistaʼ xi ħadd jiċħad li llum l-affarijiet iggravaw ħafna?

11. Ħafna nies għala ma jintebħux li l-affarijiet sejrin għall-agħar?

11 L-appostlu Pietru kellu raġun meta qal: “Fl-aħħar jiem jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt u jieħdu kollox biż-żuffjett, u jimxu skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hi din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-bidu tal-ħolqien.’” (2 Pt. 3:3, 4) Xi nies għala jirreaġixxu b’dan il-mod? Jidher li iktar ma n-nies ikunu familjari maʼ xi sitwazzjoni, iktar ikunu inklinati li jinjorawha. Jekk il-kondotta taʼ ħabib tal-qalb tinbidel ħabta u sabta, din taf tissorprendina. Imma jekk l-attitudnijiet u l-morali tan-nies inġenerali jinbidlu bil-mod il-mod matul perijodu twil, jistaʼ jkun li ma nindunawx. Xorta waħda, din il-bidla hi perikoluża ħafna.

12, 13. (a) Għala m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna minħabba l-kundizzjonijiet tad-dinja? (b) X’se jgħinna nissaportu dawn l-aħħar jiem li huma “diffiċli biex issib tarfhom”?

12 L-appostlu Pawlu wissiena li “fl-aħħar jiem,” il-kundizzjonijiet kienu se jkunu “diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1) Imma ma qalx li kienu se jkunu impossibbli biex issib tarfhom, u għalhekk m’għandniex għalfejn ninħbew mir-realtà. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, l-ispirtu tiegħu, u l-kongregazzjoni Kristjana, nistgħu negħlbu b’suċċess kull diżappunt u biżaʼ li nħabbtu wiċċna magħhom. Nistgħu nibqgħu leali lejn Alla. “Il-qawwa iktar min-normal” hi t’Alla u mhux tagħna nfusna.—2 Kor. 4:7-10.

13 Pawlu beda l-profezija dwar l-aħħar jiem bil-kliem “kun af dan.” Dan il-kliem jaċċertana li l-kliem li ġej wara żgur li se jseħħ. M’hemm l-ebda dubju li din id-dinja se tkompli sejra mill-ħażin għall-agħar sakemm Ġeħova jeqred lin-nies ħżiena. Mill-istorja tgħallimna li meta jitbaxxew ħafna l-livelli taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, soċjetajiet jew ġnus sħaħ spiċċaw fix-xejn. Imma, qatt qabel fl-istorja umana ma kienu tbaxxew daqstant il-livelli morali madwar id-dinja kollha. Ħafna nies probabbli jinjoraw dan, imma l-ġrajjiet mill-1914 ’l hawn għandhom juruna biċ-ċar li nistgħu nafdaw li s-Saltna t’Alla daqt se teqred il-ħażen kollu.

DIN IL-ĠENERAZZJONI MA TGĦADDIX

14-16. X’inhi t-tielet raġuni għala nemmnu li s-Saltna t’Alla dalwaqt se “tiġi”?

14 It-tielet raġuni li tgħinna nkunu fiduċjużi li t-tmiem hu qrib hi l-istorja tan-nies t’Alla. Pereżempju, qabel ma twaqqfet is-Saltna t’Alla fis-smewwiet, grupp taʼ midlukin leali kienu qed jaqdu lil Alla. X’għamlu meta fl-1914 il-profezija ma twettqitx bil-mod kif ħasbu huma? Il-biċċa l-kbira minnhom baqgħu leali lejn Ġeħova meta għaddew minn provi  u ġew persegwitati, u b’hekk żammew l-integrità tagħhom. Matul is-snin, il-maġġuranza—jekk mhux kulħadd—mill-midlukin baqgħu leali sal-mewt.

15 Fil-profezija dettaljata taʼ Ġesù dwar il-konklużjoni taʼ din is-sistema, hu qal: “Din il-ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.” (Aqra Mattew 24:33-35.) Aħna nifhmu li meta Ġesù semma “din il-ġenerazzjoni” kien qed jirreferi għal żewġ gruppi taʼ Kristjani midlukin. L-ewwel grupp kien preżenti fl-1914 u kien fehem li Kristu beda jsaltan bħala Sultan f’dik is-sena. Dawk li fformaw dan il-grupp ma kinux biss ħajjin fl-1914, imma kienu wkoll midlukin bl-ispirtu qaddis f’dik is-sena jew qabel.—Rum. 8:14-17.

16 Dawk kollha fit-tieni grupp, li hu parti minn “din il-ġenerazzjoni,” ma kinux biss ħajjin imma kienu wkoll midlukin bl-ispirtu qaddis matul iż-żmien li xi membri tal-ewwel grupp kienu għadhom ħajjin fuq l-art. Għalhekk, illum, mhux il-midlukin kollha huma inklużi f’“din il-ġenerazzjoni” li tkellem dwarha Ġesù. Illum, dawk li jifformaw it-tieni grupp huma avanzati sew fl-età. Iżda, kliem Ġesù f’Mattew 24:34 jagħtina l-fiduċja li għall-inqas xi wħud minn ‘din il-ġenerazzjoni żgur ma jgħaddux’ qabel ma jaraw il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira. Dan għandu jikkonvinċina saħansitra iktar li ftit żmien baqaʼ qabel ma s-Sultan tas-Saltna t’Alla jaġixxi biex jeqred lill-ħżiena u jġib dinja ġdida u ġusta.—2 Pt. 3:13.

KRISTU DALWAQT SE JTEMM IR-REBĦA TIEGĦU

17. Il-profeziji tal-Bibbja li studjajna, iwassluna għal liema konklużjoni?

17 Il-profeziji tal-Bibbja li studjajna, iwassluna għal liema konklużjoni? Ġesù wissiena li ma nafux eżatt il-jum u s-siegħa. (Mt. 24:36; 25:13) Imma nafu ż-“żmien,” bħalma qal Pawlu. (Aqra Rumani 13:11.) Issa stess qed ngħixu f’dak “iż-żmien,” fl-aħħar jiem. Jekk nagħtu l-attenzjoni sħiħa tagħna għall-profezija tal-Bibbja u għal dak li qed jagħmlu Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, lanqas nistgħu ma narawx l-evidenza ċara li t-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar hu fil-qrib.

18. X’se jiġri minn dawk li jirrifjutaw li jaċċettaw is-Saltna t’Alla?

18 Dawk li ma jaċċettawx l-awtorità tal-għaġeb li ngħatat lil Ġesù Kristu, ir-Rikkieb vittorjuż taż-żiemel l-abjad, dalwaqt se jkollhom jammettu l-iżball tagħhom. Mhux se jkunu jistgħu jiskansaw il-ġudizzju li ġej fuqhom. F’dak iż-żmien, ħafna, bi msarinhom f’saqajhom, se jgħajtu: “Min jistaʼ jibqaʼ wieqaf?” (Riv. 6:15-17) Iżda, kapitlu 7 tar-Rivelazzjoni jagħtina t-tweġiba. Il-midlukin u l-“folla l-kbira” tabilħaqq se jibqgħu “weqfin” dakinhar għax se jkollhom l-approvazzjoni t’Alla. Imbagħad il-“folla l-kbira” taʼ nagħaġ oħrajn se ssalva mit-tribulazzjoni l-kbira u tidħol fid-dinja l-ġdida t’Alla.—Riv. 7:9, 13-15.

19. Peress li int fiduċjuż li t-tmiem hu fil-qrib, għal xiex qed tħares ’il quddiem?

19 Jekk inkomplu nagħtu kas il-profeziji tal-Bibbja li qed jitwettqu fi żmienna, mhux se niġu aljenati mid-dinja taʼ Satana. Mhux se nkunu għomja għal dak li verament ifissru l-kundizzjonijiet tad-dinja. Kristu dalwaqt se jtemm ir-rebħa tiegħu u jeqred lil din id-dinja mill-agħar matul il-gwerra ġusta t’Armageddon. (Riv. 19:11, 19-21) Immaġina kemm se nkunu ferħanin wara li jiġri dan!—Riv. 20:1-3, 6; 21:3, 4.