Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Dan il-Jum Irid Ikun Tifkira Għalikom’

‘Dan il-Jum Irid Ikun Tifkira Għalikom’

“Dan il-jum irid iservi bħala tifkira għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova.”—EŻO. 12:14.

1, 2. Liema anniversarju għandu jkun taʼ interess partikulari għall-Kristjani kollha, u għala?

META tismaʼ l-kelma “anniversarju,” x’jiġik f’moħħok? Xi ħadd miżżewweġ abbli jgħid: “L-anniversarju taż-żwieġ tiegħi.” Nies oħra abbli jaħsbu f’data importanti fl-istorja li hi ċelebrata, bħal pereżempju, id-data taʼ meta art twelidhom kisbet l-indipendenza. Imma ġieli smajt b’anniversarju nazzjonali li ilu jiġi ċelebrat għal iktar minn 3,500 sena?

2 Veru jeżisti anniversarju bħal dan—il-Qbiż. Kien iċ-ċelebrazzjoni tal-ħelsien tal-Iżraelin mill-jasar fl-Eġittu. Dan il-Qbiż għandu jkun importanti għalik. Għala? Għax jeffettwa xi aspetti sinifikanti ħafna taʼ ħajtek. Imma għandek mnejn taħseb: ‘Il-Qbiż hu ċelebrazzjoni Lhudija, imma jien Kristjan. Allura, għala għandi nkun interessat fih?’ It-tweġiba nsibuha f’din l-istqarrija importanti ferm: “Kristu, il-Qbiż tagħna, ġie sagrifikat.” (1 Kor. 5:7) Sabiex nifhmu eżatt xi tfisser din il-verità, irridu nkunu nafu dwar il-Qbiż Lhudi u nkunu nafu dwar kif dan l-anniversarju għandu x’jaqsam maʼ kmand li ngħata lill-Kristjani kollha.

IL-QBIŻ GĦALA KIEN JIĠI ĊELEBRAT?

3, 4. X’ġara qabel l-ewwel Qbiż?

3 Mijiet taʼ miljuni taʼ nies madwar il-globu li mhumiex Lhud jafu xi ħaġa dwar x’ġara qabel l-ewwel Qbiż. Jistaʼ jkun li qraw dwar il-ġrajja fil-ktieb Bibliku tal-Eżodu, semgħu lil xi ħadd jirrakkonta l-istorja, jew raw xi film li kien ibbażat fuqha.

4 Wara li l-Iżraelin kienu lsiera fl-Eġittu għal bosta snin, Ġeħova bagħat lil Mosè u lil ħuh, Aron, għand il-Fargħun biex jistaqsih jeħles lill-poplu Tiegħu. Dan il-ħakkiem Eġizzjan arroganti ma riedx jeħles lill-Iżraelin, u għalhekk Ġeħova laqat il-pajjiż b’serje taʼ kastigi terribbli. Fl-aħħar, Alla bagħat  l-għaxar kastig, il-mewt tal-ewwel imwieled fl-Eġittu, u dan qanqal lill-Fargħun biex jeħlishom.—Eżo. 1:11; 3:9, 10; 5:1, 2; 11:1, 5.

5. L-Iżraelin x’kellhom jagħmlu qabel ma nħelsu? (Ara l-ewwel stampa.)

5 Imma qabel ma nħelsu, l-Iżraelin kellhom isegwu xi istruzzjonijiet speċifiċi. Dan kien fir-rebbiegħa tas-sena 1513 Q.E.K., fix-xahar Lhudi taʼ Abib (Marzu-April), li iktar tard issejjaħ Nisan. * Alla qal li fl-għaxra taʼ dak ix-xahar, l-Iżraelin kellhom jippreparaw għal ġrajja li kienet se sseħħ fl-14 taʼ Nisan. Dak il-jum beda fi nżul ix-xemx għax għal-Lhud il-ġranet kienu jibdew minn inżul ix-xemx taʼ ġurnata sa nżul ix-xemx tal-għada. Pereżempju, minn inżul ix-xemx tal-Ħamis sa nżul ix-xemx tal-Ġimgħa kien jum wieħed. Fl-14 taʼ Nisan, kull familja kellha toqtol ħaruf (jew gidi) u troxx ftit mid-demm tiegħu madwar il-bieb. (Eżo. 12:3-7, 22, 23) Il-familja kellha tiekol il-ħaruf mixwi b’ħobż bla ħmira u xi ħxejjex. L-anġlu t’Alla kellu jgħaddi mill-art kollha u joqtol l-ewwel imweldin fl-Eġittu, imma l-Iżraelin ubbidjenti kienu se jiġu protetti, u mbagħad setgħu jinħelsu.—Eżo. 12:8-13, 29-32.

6. L-Iżraelin għala kienu se jkomplu jiċċelebraw il-Qbiż kull sena?

6 L-Iżraelin kellhom jiftakru l-jum meta Alla ħelishom mill-Eġittu. Alla qalilhom: “Dan il-jum irid iservi bħala tifkira għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa lil Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Għandkom tiċċelebrawh bħala statut għal żmien indefinit.” Wara ċ-ċelebrazzjoni fl-14 taʼ Nisan, kellhom jiċċelebraw festa taʼ sebat ijiem. Għalkemm il-Qbiż fir-realtà kien fl-14 taʼ Nisan, it-tmint ijiem kollha tal-festa setgħu jissejħu Qbiż. (Eżo. 12:14-17; Lq. 22:1; Ġw. 18:28; 19:14) Il-Qbiż kien wieħed mill-festi stabbiliti li l-Ebrej kellhom jiċċelebraw kull sena.—2 Kron. 8:13.

7. Ġesù liema ġrajja ġdida qal lis-segwaċi tiegħu biex josservaw?

7 Peress li kienu Lhud taħt il-Liġi Mosajka, Ġesù u l-appostli tiegħu ħadu sehem fil-Qbiż annwali. (Mt. 26:17-19) L-aħħar darba li għamlu dan, Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kellhom josservaw ġrajja ġdida kull sena—l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Imma f’liema jum kellhom josservawha?

F’LIEMA JUM KIENET L-IKLA TAʼ FILGĦAXIJA TAL-MULEJ?

8. Xi wħud jistaqsu liema mistoqsija dwar il-Qbiż u l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

8 Ġesù ta istruzzjonijiet dwar l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej eżatt wara li ċċelebra l-Qbiż mal-appostli tiegħu. Mela l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej kienet fl-istess ġurnata tal-Qbiż. Imma, forsi ġieli nnotajt li d-data tal-Qbiż Lhudi li tidher f’xi kalendarji moderni taf tkun differenti b’ġurnata jew b’iktar ġranet mid-data li fiha nosservaw it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Għala hemm din id-differenza? Parti mit-tweġiba tinvolvi l-kmand li Alla ta lill-Iżraelin. Wara li qal li ‘l-kongregazzjoni kollha tal-ġemgħa taʼ Israel trid toqtol’ il-ħaruf, Mosè qal eżatt meta fl-14 taʼ Nisan kellhom jagħmlu dan.—Aqra Eżodu 12:5, 6.

9. Skont Eżodu 12:6, meta kellu jinqatel il-ħaruf tal-Qbiż? (Ara wkoll il-kaxxa  “F’Liema Parti tal-Jum?”)

9 Skont Eżodu 12:6, il-ħaruf kellu jinqatel “bejn inżul ix-xemx u d-dlam.” Xi verżjonijiet tal-Bibbja, inkluż it-Tanakh Lhudi, jittraduċu din l-espressjoni bħala “fl-għabex.” Jerġaʼ oħrajn jittraduċuha bħala “fl-għabex taʼ filgħaxija,” jew  “madwar inżul ix-xemx.” Għalhekk, il-ħaruf kellu jinqatel wara li tkun niżlet ix-xemx imma waqt li jkun għadu d-dawl, fil-bidu tal-14 taʼ Nisan.

10. Skont xi wħud, il-ħaruf meta kien jinqatel, imma dan it-twemmin hu bbażat fuq il-Bibbja?

10 Mal-medda tas-snin, il-ħrief kienu jinġiebu fit-tempju biex jinqatlu, u b’hekk kien hemm bżonn ħafna ħin biex jiġu offruti s-sagrifiċċji kollha. Minħabba dan, sekli wara, xi Lhud ħasbu li l-kmand f’Eżodu 12:6 rrefera għat-tmiem tal-14 taʼ Nisan, bejn il-ħin meta x-xemx kienet tibda nieżla (min-nofsinhar ’l hemm) u t-tmiem tal-ġurnata fi nżul ix-xemx. Imma jekk il-ħrief kellhom jinqatlu fi tmiem l-14 taʼ Nisan, l-Iżraelin meta kienu se jieklu l-ikla tal-Qbiż? Skont il-Professur Jonathan Klawans, kienet tittiekel fil-15 taʼ Nisan. Imma hu jammetti li mhux eżatt hekk jintqal fil-ktieb Bibliku tal-Eżodu. Jgħid ukoll li l-kitbiet tar-rabbini ma jiddiskutux kif il-Qbiż kien jiġi ċelebrat qabel is-sena 70 E.K., li kienet is-sena li fiha nqered it-tempju.

11. (a) Ġesù minn xiex għadda fil-jum tal-Qbiż tas-sena 33 E.K.? (b) Il-15 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., għala ġie msejjaħ Sabat “kbir”? (Ara n-nota taʼ taħt.)

11 Allura, f’liema jum kienet ċelebrata l-ikla tal-Qbiż fis-sena 33 E.K? Mela, fit-13 taʼ Nisan, hekk kif qorob il-jum ‘li fih kellha tiġi sagrifikata l-vittma tal-Qbiż,’ Kristu qal lil Pietru u lil Ġwanni: “Morru ħejjulna l-ikla tal-Qbiż.” (Lq. 22:7, 8) “Imbagħad . . . sar il-ħin” għall-ikla tal-Qbiż, wara nżul ix-xemx fl-14 taʼ Nisan, li kien il-Ħamis filgħaxija. Ġesù kiel dik l-ikla mal-appostli tiegħu, u mbagħad tahom istruzzjonijiet għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. (Lq. 22:14, 15) Dak il-lejl ġie arrestat u mgħoddi ġuri. Ġesù ġie mdendel maʼ zokk madwar nofsinhar fl-14 taʼ Nisan, u waranofsinhar miet. (Ġw. 19:14) B’hekk, “Kristu, il-Qbiż tagħna, ġie sagrifikat” fl-istess jum li fih inqatel il-ħaruf tal-Qbiż. (1 Kor. 5:7; 11:23; Mt. 26:2) Hekk kif qorob it-tmiem taʼ dak il-jum Lhudi, Ġesù ndifen—qabel ma beda l-15 taʼ Nisan. *Lev. 23:5-7; Lq. 23:54.

TIFKIRA B’TIFSIRA GĦALIK

12, 13. It-tfal Lhud kif kienu involuti fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż?

12 Imma ejja mmorru lura għall-ġrajja fl-Eġittu. Mosè qal li n-nies t’Alla kellhom  jiċċelebraw il-Qbiż; kellu jkun regolament “għal żmien indefinit.” Bħala parti minn dik l-osservanza annwali, it-tfal kienu jistaqsu lill-ġenituri tagħhom għala kienu qed jiċċelebraw il-Qbiż. (Aqra Eżodu 12:24-27; Dt. 6:20-23) Għaldaqstant, il-Qbiż kien se jkun “tifkira” li anke t-tfal setgħu jitgħallmu minnu.—Eżo. 12:14.

13 Minn ġenerazzjoni għal oħra, l-Iżraelin għallmu lit-tfal tagħhom lezzjonijiet importanti dwar il-Qbiż. Waħda minnhom kienet li Ġeħova setaʼ jipproteġi lill-aduraturi tiegħu. It-tfal tgħallmu li Ġeħova hu Alla ħaj u reali li jimpurtah mill-poplu tiegħu u li jaġixxi għan-nom tagħhom. Hu ta prova taʼ dan meta pproteġa lill-ewwel imweldin Iżraelin u żammhom ħajjin “meta kkastiga lill-Eġizzjani.

14. Il-ġenituri Kristjani liema lezzjoni mill-Qbiż jistgħu jgħallmu lil uliedhom?

14 Bħala ġenitur Kristjan, ma toqgħodx tirrakkonta l-istorja tal-Qbiż lil uliedek kull sena. Iżda, tgħallem int lil uliedek din l-istess lezzjoni—li Alla jipproteġi lin-nies tiegħu? Turihom b’mod ċar li int tassew temmen li Ġeħova verament għadu l-Protettur tal-poplu tiegħu? (Salm 27:11; Is. 12:2) U tagħmel dan permezz taʼ konversazzjoni pjaċevoli bejnek u bejn uliedek minflok permezz taʼ xi prietka? Din il-lezzjoni se tgħin lil familtek tafda f’Ġeħova saħansitra iktar.

Meta tiddiskuti l-Qbiż, liema lezzjonijiet se tgħin lil uliedek jitgħallmu? (Ara paragrafu 14)

15, 16. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-Qbiż u mir-rakkonti f’Eżodu?

15 Nistgħu nitgħallmu iktar mill-Qbiż minbarra l-fatt li Ġeħova kapaċi jipproteġi lill-poplu tiegħu. Hu ħelishom ukoll billi ‘ħariġhom mill-Eġittu.’ Aħseb dwar x’involva dan. Kienu gwidati minn kolonna tas-sħab u tan-nar. Imxew f’qiegħ il-baħar, hekk kif il-Baħar l-Aħmar baqaʼ wieqaf bħal sur fuq in-naħa tal-lemin u tax-xellug. Wara li qasmu ħajjin u sħaħ, raw dawk l-ilmijiet jinżlu għal fuq il-militar Eġizzjan. Imbagħad l-Iżraelin li nħelsu setgħu jfaħħru lil Ġeħova u jkantaw: “Ħa ngħannilu lil Ġeħova . . . Iż-żiemel u r-rikkieb tiegħu xeħithom fil-baħar. Saħħti u setegħti hu Jah, ladarba hu jsalvani.”—Eżo. 13:14, 21, 22; 15:1, 2; Salm 136:11-15.

16 Jekk għandek it-tfal, qed tgħinhom jafdaw f’Ġeħova bħala Ħellies? Jistgħu jaraw li int tassew temmen dan meta tieħu deċiżjonijiet u titkellem? Matul il-Qima tal-Familja forsi tistaʼ tinkludi diskussjoni fuq dak li naqraw f’Eżodu kapitli 12-15 u tistaʼ tenfasizza kif Ġeħova ħeles lill-poplu tiegħu. Drabi oħra tistaʼ tiżviluppa dan il-punt billi tikkunsidra Atti 7:30-36 jew Danjel 3:16-18, 26-28. Ilkoll kemm aħna, kbar u żgħar, għandna nkunu fiduċjużi li Ġeħova ma kienx Ħellies biss fl-imgħoddi. Bħalma ħeles lin-nies tiegħu fi żmien Mosè, hekk ukoll żgur li se jeħlisna fil-futur.—Aqra l-1 Tessalonikin 1:9, 10.

 BIEX AĦNA NIFTAKRU

17, 18. Id-demm taʼ Ġesù għala jiswa ħafna iktar mid-demm tal-ħaruf tal-Qbiż?

17 Il-Kristjani veri ma jiċċelebrawx il-Qbiż Lhudi. Dan l-anniversarju kien parti mil-Liġi Mosajka, u m’aħniex taħt din il-Liġi. (Rum. 10:4; Kol. 2:13-16) Minflok, ngħożżu ġrajja oħra, il-mewt tal-Iben t’Alla. Xorta waħda, nistgħu nitgħallmu ħafna miċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż li bdiet fl-Eġittu.

18 Id-demm tal-ħaruf li l-Iżraelin kienu jroxxu madwar il-bieb tagħhom salva l-ħajja tal-ewwel imwieled tagħhom. Illum, ma noffrux id-demm tal-annimali lil Alla fil-Qbiż jew fi kwalunkwe ħin ieħor. Imma d-demm taʼ sagrifiċċju ieħor jiswa ħafna iktar. In-nies li jibbenefikaw minn dan id-demm jistgħu jgħixu għal dejjem. L-appostlu Pawlu spjega li hu d-demm taʼ Ġesù, “id-demm tat-traxxix,” li jagħmilha possibbli għall-Kristjani midlukin li jgħixu għal dejjem fis-sema. Huma “l-ewwel imweldin li ġew miktubin fis-smewwiet.” (Ebr. 12:23, 24) Ukoll, id-demm taʼ Ġesù jagħmilha possibbli għan-nagħaġ oħrajn li jkollhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Ilkoll kemm aħna għandna nfakkru lilna nfusna regolarment dwar din il-wegħda. “Bih għandna l-ħelsien bil-fidwa permezz taʼ demmu, iva, il-maħfra tan-nuqqasijiet tagħna, skond ir-rikkezzi tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.”—Efes. 1:7.

19. Il-mod kif miet Ġesù kif jistaʼ jsaħħaħ il-fiduċja tagħna fil-profezija tal-Bibbja?

19 Meta l-ħaruf kien jinqatel għall-ikla tal-Qbiż, l-Iżraelin ma kellhom jiksru ebda għadma minnu. (Eżo. 12:46; Num. 9:11, 12) Xi ngħidu għall-“Ħaruf t’Alla” li ġie biex jagħti ħajtu bħala fidwa? (Ġw. 1:29) Kien imdendel maʼ zokk bi kriminal fuq kull naħa. Il-Lhud staqsew lil Pilatu biex jinkiser l-għadam tal-irġiel imdendlin maz-zokk. Dan kien jgħinhom imutu iktar malajr ħalli ma jitħallewx fuq iz-zokk fil-15 taʼ Nisan, li kien Sabat doppju. Is-suldati kisru saqajn iż-żewġ kriminali, “imma malli waslu ħdejn Ġesù, billi raw li kien diġà mejjet, ma kisrulux riġlejh.” (Ġw. 19:31-34) Bħall-għadam tal-ħaruf tal-Qbiż, l-għadam taʼ Ġesù ma ġiex miksur. Għalhekk, il-ħaruf tal-Qbiż kien bħal “dell” tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. (Ebr. 10:1) Dan wettaq il-kliem f’Salm 34:20. B’hekk, il-fiduċja tagħna fil-profezija tal-Bibbja għandha tissaħħaħ.

20. X’inhi differenza waħda bejn il-Qbiż u l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

20 Però, hemm xi differenzi bejn kif il-Lhud iċċelebraw il-Qbiż u kif Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex josservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Pereżempju, lura fl-Eġittu, l-Iżraelin ħadu mil-laħam tal-ħaruf imma ma ħadux mid-demm. Dan hu differenti minn dak li kkmanda Ġesù lid-dixxipli tiegħu. Hu qal li dawk li kienu se jaħkmu “fis-saltna t’Alla” kellhom jieħdu kemm mill-ħobż kif ukoll mill-inbid li kienu jirrappreżentaw lill-ġisem u d-demm tiegħu. Se nikkunsidraw dan b’iktar dettall fl-artiklu li jmiss.—Mk. 14:22-25.

21. Għala hu taʼ ġid li nitgħallmu dwar il-Qbiż?

21 Minkejja dan, m’hemm ebda dubju li l-Qbiż kien ġrajja importanti fl-istorja tal-poplu t’Alla u jipprovdi lezzjonijiet utli għal kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, filwaqt li l-Qbiż kellu “jservi bħala tifkira” għal-Lhud, u mhux għall-Kristjani, bħala Kristjani għandna nitgħallmu dwaru u nieħdu bis-serjetà l-lezzjonijiet siewja tiegħu, għax “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla.”—2 Tim. 3:16.

^ Par. 5 L-ewwel xahar fil-kalendarju Lhudi kien jissejjaħ Abib, imma iktar tard, meta l-Iżraelin irritornaw mill-eżilju fil-Babilonja, beda jissejjaħ Nisan. F’dan l-artiklu, se nsejħulu Nisan.

^ Par. 11 L-għada tal-Qbiż, il-15 taʼ Nisan, kien l-ewwel jum tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira u dejjem tqies bħala Sabat. Fis-sena 33 E.K., il-15 taʼ Nisan inzerta ħabat fil-bidu tas-sabat (Is-Sibt) taʼ kull ġimgħa. Peress li dik is-sena, ż-żewġ Sabatijiet kienu fl-istess ġurnata, dal-jum issejjaħ Sabat “kbir.”—Aqra Ġwanni 19:31, 42.