Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Agħmlu Dan b’Tifkira Tiegħi”

“Agħmlu Dan b’Tifkira Tiegħi”

“Wara li radd ħajr qasam [il-ħobża] u qal: ‘Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’” —1 KOR. 11:24.

1, 2. Xi appostli x’setgħu kienu qed jaħsbu qabel l-aħħar vjaġġ taʼ Ġesù lejn Ġerusalemm?

‘ISSA li s-sħab telaq, nistgħu naraw il-qamar felli. Ilbieraħ filgħaxija, l-għassiesa f’Ġerusalemm żgur li rawh ukoll. Ladarba dawk fis-Sinedriju saru jafu b’dan, iddikjaraw li kien beda xahar ġdid, Nisan. Imbagħad kienu jqabbdu n-nar bħala sinjal jew jużaw messaġġieri biex ixerrdu l-aħbar. L-aħbar waslet anke s’hawnhekk. Żgur li Ġesù se jkun irid jitlaq lejn Ġerusalemm ħalli jasal qabel il-Qbiż.’

2 Nistgħu nimmaġinaw li ħsibijiet bħal dawn għaddew mill-imħuħ taʼ xi appostli li kienu maʼ Ġesù f’Perija (in-naħa l-oħra tal-Ġordan) fl-aħħar vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm. (Mt. 19:1; 20:17, 29; Mk. 10:1, 32, 46) Malli l-Lhud kienu jafu meta kien jaħbat l-1 taʼ Nisan, kienu jistennew 13-il ġurnata u mbagħad jiċċelebraw il-Qbiż wara nżul ix-xemx fl-14 taʼ Nisan.

3. Il-Kristjani għala huma interessati fid-data tal-Qbiż?

3 Id-data tal-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, li taqbel mad-data tal-Qbiż, se tkun wara nżul ix-xemx fl-14 t’April, 2014. Din se tkun ġurnata speċjali għall-Kristjani veri u għall-uħud interessati. Għala? Minħabba dak li naqraw fl-1 Korintin 11:23-25: “Fil-lejl li kien se jiġi tradut, il-Mulej Ġesù ħa ħobża u wara li radd ħajr qasamha u qal: ‘Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ U għamel l-istess bil-kies ukoll.”

4. (a) Liema mistoqsijiet dwar it-Tifkira jafu jqumu? (b) Kif nafu f’liema data se tkun it-Tifkira kull sena? (Ara l-kaxxa  “It-Tifkira tal-2014.”)

4 Bla dubju, int se tkun preżenti għall-unika ġrajja li Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kellhom josservaw kull sena. Minn qabel, saqsi lilek innifsek: ‘Kif għandi nipprepara għat-Tifkira? Liema affarijiet partikulari se jintużaw? X’se jiġri matul il-laqgħa? It-Tifkira u l-affarijiet li jintużaw għala huma importanti għalija?’

 IL-ĦOBŻ U L-INBID

5. Ġesù x’qalilhom jagħmlu lill-appostli ħalli jippreparaw għall-Qbiż?

5 Meta Ġesù qal lill-appostli biex ilestu kamra għall-ikla tal-Qbiż, ma semmiex xi dekorazzjonijiet elaborati; minflok, x’aktarx li kulma ried kien kamra xierqa u nadifa b’biżżejjed spazju għalih u għall-appostli tiegħu. (Aqra Marku 14:12-16.) Kienu se jlestu ċerti affarijiet għall-ikla, inkluż xi ħobż bla ħmira u nbid aħmar. Wara li kielu l-ikla tal-Qbiż, Ġesù ffoka fuq dawk iż-żewġ affarijiet.

6. (a) Wara l-ikla tal-Qbiż, Ġesù x’qal dwar il-ħobż? (b) Liema tip taʼ ħobż jintuża fit-Tifkira?

6 L-appostlu Mattew kien preżenti u iktar tard kiteb: “Ġesù ħa ħobża u, wara li qal talba, qasamha, ta lid-dixxipli, u qal: ‘Ħudu, kulu.’” (Mt. 26:26) Il-“ħobża” kienet bla ħmira, kif kienet tintuża għall-Qbiż. (Eżo. 12:8; Dt. 16:3) Il-ħobż kien isir mid-dqiq tal-qamħ u ilma, mingħajr ma jżidu kwalunkwe ħmira jew ħwawar, bħal pereżempju l-melħ. Peress li l-ħobż ma kellux il-ħmira, ma kienx jogħla. Kien ikun niexef u qisu galletta, faċli biex taqsmu f’biċċiet. Illum, qabel it-Tifkira, l-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom mnejn isaqsu lil xi ħadd biex jagħmel ħobż bħal dan mid-dqiq tal-qamħ u ilma billi jsajru f’taġen bi ftit żejt. Jekk ma jistax jinkiseb dqiq tal-qamħ, jistaʼ jintuża dqiq tar-ross, xgħir, qamħirrum, jew xi ħaġa simili.

7. Ġesù dwar liema tip taʼ nbid tkellem, u liema tip taʼ nbid jistaʼ jintuża llum il-ġurnata fit-Tifkira?

7 Mattew kompla: “[Ġesù] qabad kies u, wara li radd ħajr, tahulhom, u qal: ‘Ixorbu minnu, intom ilkoll.’” (Mt. 26:27, 28) Dak li Ġesù qabad b’idejh kien kies bl-inbid aħmar. Dan ma kienx il-meraq tal-għeneb frisk, għax kien ilu li għadda l-ħsad tal-għeneb. L-inbid ma kienx parti mill-ewwel ikla fl-Eġittu, imma Ġesù ma qalx li kien ħażin li jixorbu l-inbid matul il-Qbiż. Saħansitra uża ftit minnu matul l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. B’hekk, il-Kristjani jużaw l-inbid fit-Tifkira. L-inbid li jintuża fit-Tifkira m’għandu jkollu xejn miżjud miegħu,  bħal pereżempju brandi jew ħwawar. Id-demm taʼ Ġesù ma kellu bżonn iżżidlu xejn biex ikun iktar taʼ valur. Għandu jintuża nbid aħmar homemade jew inbid li ssib fil-ħwienet, bħal Beaujolais, Burgundy, jew Chianti.

X’JIRRAPPREŻENTAW IL-ĦOBŻ U L-INBID

8. Il-Kristjani għala huma interessati f’dak li jirrappreżentaw il-ħobż u l-inbid?

8 L-appostlu Pawlu għamilha ċara li l-Kristjani kollha, u mhux l-appostli biss, kellhom josservaw l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Lil sħabu fit-twemmin f’Korintu kitbilhom: “Jien irċivejt mingħand il-Mulej dak li wkoll għaddejtilkom: li . . . l-Mulej Ġesù ħa ħobża u wara li radd ħajr qasamha u qal: ‘Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’” (1 Kor. 11:23, 24) Peress li l-Kristjani tal-lum huma kmandati li josservaw it-Tifkira darba kull sena, huma interessati f’dak li jirrappreżentaw l-emblemi, jew il-ħobż u l-inbid.

9. Xi wħud iħaddnu liema twemmin żbaljat dwar il-ħobż li uża Ġesù?

9 Xi nies reliġjużi jgħidu li Ġesù fir-realtà qal: ‘Dan hu ġismi,’ u għalhekk huma jemmnu li l-ħobż b’miraklu sar il-ġisem tiegħu. Imma mhux hekk ġara. * Il-ġisem taʼ Ġesù kien hemmhekk quddiem l-appostli leali, l-istess bħalma kien il-ħobż bla ħmira li kienu se jieħdu minnu. Jidher ċar daqs il-kristall li Ġesù kien qed jitkellem b’mod simboliku, bħalma għamel bosta drabi oħra.—Ġw. 2:19-21; 4:13, 14; 10:7; 15:1.

10. X’jirrappreżenta l-ħobż li jintuża fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

10 Il-ħobż li l-appostli setgħu jaraw u li dalwaqt kienu se jieħdu minnu jirrappreżenta l-ġisem taʼ Ġesù. Liema ġisem? Għal xi żmien, il-qaddejja t’Alla emmnu  li l-ħobż irrappreżenta l-kongregazzjoni taʼ wħud midlukin, li fil-Bibbja tissejjaħ ukoll “il-ġisem tal-Kristu.” Dan emmnuh għax Ġesù qasam il-ħobż imma l-ebda waħda mill-għadam tiegħu ma tkissret. (Efes. 4:12; Rum. 12:4, 5; 1 Kor. 10:16, 17; 12:27) Madanakollu, meta għamlu iktar riċerka ntebħu li l-ħobż jirrappreżenta l-ġisem uman taʼ Ġesù, li kien ġie mħejji għalih. Ġesù “sofra fil-laħam,” saħansitra ġie mdendel maʼ zokk. Għalhekk, fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, il-ħobż jirrappreżenta dak il-ġisem fiżiku li Ġesù ssagrifika għal dnubietna.—1 Pt. 2:21-24; 4:1; Ġw. 19:33-36; Ebr. 10:5-7.

11, 12. (a) Ġesù x’qal dwar l-inbid? (b) X’jirrappreżenta l-inbid li jintuża fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

11 Dan jgħinna nifhmu dak li mbagħad qal Ġesù dwar l-inbid. Naqraw: “Għamel l-istess bil-kies ukoll u, wara l-ikla taʼ fil-għaxija, qal: ‘Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi.’” (1 Kor. 11:25) Ħafna Bibbji jgħidu xi ħaġa simili għal dak li tgħid Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi.” (Korsiv tagħna.) Kien il-kies fih innifsu l-patt il-ġdid? Le. Il-kelma “kies,” jew kalċi, irreferiet għal dak li kien hemm ġo fih—l-inbid. Ġesù x’qal li kien jirrappreżenta l-inbid? Irrappreżenta demmu li kien se jissagrifika.

12 Fl-Evanġelju taʼ Marku nsibu kliem Ġesù: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi tal-patt,’ li se jixxerred għal ħafna.” (Mk. 14:24) Iva, id-demm taʼ Ġesù kien se “jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.” (Mt. 26:28) Għaldaqstant, l-inbid aħmar bix-xieraq jirrappreżenta d-demm letterali taʼ Ġesù. Dan id-demm jipprovdi fidwa biex b’hekk ikollna “l-maħfra tan-nuqqasijiet tagħna.”—Aqra Efesin 1:7.

L-appostli ħadu mill-inbid li jirrappreżenta d-demm tal-patt taʼ Ġesù (Ara paragrafi 11, 12)

KIF ISSIR IT-TIFKIRA TAL-MEWT TAʼ KRISTU?

13. Iddeskrivi x’tistaʼ tistenna mit-Tifkira annwali tal-mewt taʼ Kristu.

13 Jekk qed tattendi t-Tifkira max-Xhieda taʼ Ġeħova għall-ewwel darba, x’tistaʼ tistenna? Il-laqgħa x’aktarx li se tkun f’post sabiħ u nadif fejn kulħadd jistaʼ jgawdi l-okkażjoni bil-kumdità. Abbli jkun hemm xi fjuri, imma m’intix se tara koċċ dekorazzjonijiet, u mhux se jkun bħal xi party. Anzjan kwalifikat se jikkunsidra b’mod ċar u dinjituż dak li tgħid il-Bibbja dwar l-okkażjoni. Se jgħin lil kulħadd japprezza dak li għamel għalina Kristu. Hu miet bħala fidwa biex aħna ngħixu.—Aqra Rumani 5:8-10.

14. Matul it-Tifkira, il-kelliemi se jitkellem dwar liema żewġ tamiet?

14 Il-kelliemi se jispjega żewġ tamiet differenti li jissemmew fil-Bibbja għall-Kristjani. Waħda minnhom hi t-tama li numru żgħir taʼ Kristjani, bħal pereżempju l-appostli leali, se jaħkmu maʼ Kristu fis-sema. (Lq. 12:32; 22:19, 20; Riv. 14:1) It-tama l-oħra hi għall-biċċa l-kbira mill-Kristjani li qed jaqdu lil Alla b’lealtà fi żmienna. Dawn għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art. Imbagħad ir-rieda t’Alla se sseħħ fuq l-art bħalma hemm fis-sema, xi ħaġa li l-Kristjani ilhom jitolbu għaliha. (Mt. 6:10) L-Iskrittura tiddeskrivi l-ħajja mill-isbaħ li se jgawdu għal dejjem taʼ dejjem.—Is. 11:6-9; 35:5, 6; 65:21-23.

15, 16. Xi jsir mill-ħobż matul l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej?

15 Lejn l-aħħar taʼ din it-taħdita, il-kelliemi se jgħid li wasal il-waqt ħalli jsir dak li Ġesù qal lill-appostli tiegħu biex jagħmlu. Se jkun hemm ħobż bla ħmira u nbid aħmar fuq mejda ħdejh. Il-kelliemi se jaqra rakkont Bibliku li jiddeskrivi dak li Ġesù qal u għamel meta  stabbilixxa din l-osservanza. Pereżempju, fir-rakkont taʼ Mattew naqraw: “Ġesù ħa ħobża u, wara li qal talba, qasamha, ta lid-dixxipli, u qal: ‘Ħudu, kulu. Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi.’” (Mt. 26:26) Ġesù qasam il-ħobż bla ħmira ħalli jkun jistaʼ jgħaddi ftit minnu lill-appostli fuq iż-żewġ naħat tiegħu. Fil-laqgħa li se ssir fl-14 t’April, se tara xi ħobż bla ħmira diġà maqsum fi ftit biċċiet fuq xi plattini.

16 Se jintużaw biżżejjed plattini sabiex f’ammont taʼ ħin raġunevoli, dawn jiġu mgħoddijin minn dawk kollha preżenti. Dan mhux se jsir b’xi ritwal elaborat. Se tiġi offruta talba qasira, u wara l-plattini se jiġu mgħoddijin b’ordni, skont xi jkun prattiku lokalment. Ftit huma l-uħud li se jieħdu mill-ħobż, jew forsi ħadd, kif kien il-każ f’ħafna mill-kongregazzjonijiet meta l-ħobż ġie mgħoddi fit-Tifkira tal-2013.

17. Fit-Tifkira, id-direzzjoni taʼ Ġesù dwar l-inbid kif tiġi obduta?

17 Imbagħad il-kelliemi se jaqra x’għamel Ġesù bl-inbid: “Qabad kies u, wara li radd ħajr, tahulhom, u qal: ‘Ixorbu minnu, intom ilkoll; għax dan jirrappreżenta d-“demm tiegħi tal-patt,” li se jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.’” (Mt. 26:27, 28) B’ubbidjenza għad-direzzjoni taʼ Ġesù, se jkun hemm talba oħra u mbagħad l-inbid aħmar se jingħadda minn dawk kollha preżenti.

18. Jekk ftit jew saħansitra ħadd ma jieħu mill-ħobż u l-inbid, għala xorta hu importanti li nattendu t-Tifkira?

18 Il-maġġuranza minn dawk li jattendu, b’rispett se jżommu lura milli jieħdu mill-ħobż u l-inbid hekk kif dawn jiġi mgħoddijin għax Ġesù wera li dawk biss li se jaħkmu fis-Saltna tas-smewwiet għandhom jieħdu minnhom. (Aqra Luqa 22:28-30; 2 Tim. 4:18) In-nies l-oħra kollha li jkunu preżenti se josservaw b’rispett. Xorta waħda, hu importanti li jattendu l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej għax il-fatt li jkunu preżenti juri kemm tassew iqisu taʼ valur is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Matul it-Tifkira, jistgħu jimmeditaw fuq il-barkiet li jistaʼ jkollhom grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Għandhom it-tama li jkunu fost il-“folla kbira” li toħroġ ħajja “mit-tribulazzjoni l-kbira” li ġejja. Dawn huma aduraturi li se jkunu “ħaslu l-ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.”—Riv. 7:9, 14-17.

19. X’tistaʼ tagħmel biex tipprepara għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej u biex tibbenefika minnha?

19 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jippreparaw għal din il-laqgħa speċjali. Ġimgħat minn qabel, se nipparteċipaw f’li nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jattendu. Iktar minn hekk, fil-ġranet taʼ qabel it-Tifkira, il-maġġoranza minna se naqraw ir-rakkonti tal-Bibbja dwar dak li għamel Ġesù u x’ġara fil-ġranet qabel l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej fis-sena 33 E.K. Nippjanaw minn qabel biex inkunu ċerti li nattendu l-laqgħa. Ikun tajjeb jekk naslu sew qabel l-għanja u t-talba tal-ftuħ ħalli nkunu nistgħu nilqgħu lill-viżitaturi u mbagħad nibbenefikaw mill-programm kollu. Ilkoll kemm aħna, il-membri tal-kongregazzjoni kif ukoll il-viżitaturi, se nibbenefikaw billi nsegwu mill-Bibbja tagħna meta l-kelliemi jaqra u jispjega l-Iskrittura. Iktar importanti minn hekk, il-fatt li nkunu preżenti għat-Tifkira se juri apprezzament mill-qalb għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù u se juri li qed nobdu l-kmand tiegħu: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”—1 Kor. 11:24.

^ Par. 9 Studjuż Ġermaniż jismu Heinrich Meyer qal li lanqas kienet tgħaddi minn moħħ l-appostli li attwalment kienu qed jieklu l-ġisem taʼ Ġesù u jixorbu demmu, għax “il-ġisem taʼ Ġesù kien għadu sħiħ (għadu ħaj).” Ukoll, qal li Ġesù uża “kliem sempliċi” biex jispjega dak li kienu jfissru l-ħobż u l-inbid u li Ġesù żgur li ma riedx li l-appostli tiegħu jifhmuh ħażin.”

^ Par. 52 Ikollna żewġ ekwinozji matul is-sena, wieħed f’Marzu u l-ieħor f’Settembru. Dan ikun meta l-jum u l-lejl ikollhom bejn wieħed u l-ieħor l-istess ammont taʼ sigħat, jiġifieri, ikun hemm 12-il siegħa dawl u 12-il siegħa dlam.