“Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 KOR. 9:7.

1. Ħafna individwi liema xorta taʼ sagrifiċċji jagħmlu, u għala?

IN-NIES ikunu lesti li jagħmlu xi sagrifiċċji għall-affarijiet li huma importanti għalihom. Il-ġenituri jagħtu mill-ħin, mill-flus, u mill-enerġija tagħhom biex jagħmlu l-ġid lil uliedhom. Waqt li dawk tamparhom jilagħbu u jiddevertu, l-atleti żgħażagħ li jixtiequ jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-Logħob Olimpiku jqattgħu diversi sigħat kuljum jipprattikaw u jitħarrġu ħafna. Ġesù wkoll għamel sagrifiċċji għall-affarijiet li kienu importanti għalih. Ma fittixx affarijiet lussużi, u ma kellux tfal. Minflok, ried juża l-enerġija kollha tiegħu biex jappoġġa s-Saltna t’Alla. (Mt. 4:17; Lq. 9:58) Bl-istess mod, is-segwaċi tiegħu għamlu ħafna sagrifiċċji biex jappoġġaw is-Saltna t’Alla. Din is-Saltna kienet l-iktar ħaġa importanti f’ħajjithom, u għalhekk għamlu sagrifiċċji għaliha. (Mt. 4:18-22; 19:27) Għalhekk, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘X’inhu importanti f’ħajti?’

2. (a) Liema sagrifiċċji huma fundamentali għall-Kristjani veri kollha? (b) Xi wħud liema sagrifiċċji oħrajn jistgħu jagħmlu?

2 Ċerti sagrifiċċji huma fundamentali għall-Kristjani veri kollha u huma essenzjali biex nikkultivaw u nżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Dawn is-sagrifiċċji jinkludu li niddedikaw il-ħin u l-enerġija persunali għat-talb, għall-qari tal-Bibbja, għall-qima tal-familja, għall-attendenza għal-laqgħat, u għall-ministeru tal-għalqa. * (Ġoż. 1:8; Mt. 28:19, 20; Ebr. 10:24, 25) Minħabba l-isforzi tagħna u l-barka taʼ Ġeħova, ix-xogħol tal-ippritkar dejjem qed jiżdied, u ħafna jkomplu jiġru lejn “il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova.” (Is. 2:2) Biex jappoġġaw l-attivitajiet tas-Saltna, ħafna jagħmlu sagrifiċċji oħrajn billi jaqdu f’Betel, jgħinu  fil-bini taʼ Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat, jorganizzaw il-konvenzjonijiet, jew jgħinu meta jkun hemm xi diżastru naturali. Dan ix-xogħol mhux meħtieġ biex niksbu l-ħajja, imma hu vitali biex nappoġġaw is-Saltna t’Alla.

3. (a) Kif nibbenefikaw meta nagħmlu s-sagrifiċċji għas-Saltna? (b) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

3 Illum iktar minn qatt qabel hu importanti li nagħmlu kemm nifilħu għas-Saltna. Huwa taʼ ferħ li ħafna aħwa minn qalbhom qed jagħmlu sagrifiċċji għal Ġeħova. (Aqra Salm 54:6.) Spirtu ġeneruż bħal dan iġibilna ħafna ferħ hekk kif nistennew il-miġja tas-Saltna t’Alla. (Dt. 16:15; Atti 20:35) Iżda, ilkoll kemm aħna għandna neżaminaw mill-qrib lilna nfusna. Hemm xi modi kif nistgħu nagħmlu iktar sagrifiċċji għas-Saltna? Kif qed nużaw il-ħin, il-flus, l-enerġija, u l-abbiltajiet tagħna? X’m’għandniex nittraskuraw meta nagħmlu s-sagrifiċċji? Ejja niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu minn xi eżempji taʼ sagrifiċċji volontarji. Dan se jgħinna biex ikollna iktar ferħ.

SAGRIFIĊĊJI F’IŻRAEL TAL-QEDEM

4. L-Iżraelin kif ibbenefikaw milli jagħmlu s-sagrifiċċji?

4 F’Iżrael tal-qedem, il-bażi biex jinħafru d-dnubiet kienet li jiġu offruti s-sagrifiċċji. Is-sagrifiċċji kienu meħtiġin biex in-nies igawdu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Xi ftit minn dawn kienu meħtiġin; oħrajn kienu volontarji. (Lev. 23:37, 38) Offerti sħaħ tal-ħruq setgħu jsiru bħala offerti volontarji, jew għotjiet, lil Ġeħova. Eżempju li jispikka tal-offerti kien jidher f’konnessjoni mal-inawgurazzjoni tat-tempju fi żmien Salamun.—2 Kron. 7:4-6.

5. Ġeħova liema provvediment għamel għal dawk taʼ ftit mezzi?

5 Ġeħova bi mħabba fehem li mhux kulħadd setaʼ jagħti l-istess ammont, u ma stenna xejn iktar minn dak li kull wieħed setaʼ jagħti. Il-liġi taʼ Ġeħova kkmandat li d-demm tal-annimal jissawwab, u dan kellu jkun “dell taʼ l-affarijiet tajbin li għandhom jiġu” permezz taʼ Ibnu, Ġesù. (Ebr. 10:1-4) Madankollu, Ġeħova ma kienx riġidu fl-applikar taʼ din il-liġi. Pereżempju, Alla kien jaċċetta offerta tal-gamiem jekk l-individwu ma setax jaffordja offerta mill-merħla. B’hekk, anki l-foqra setgħu jagħmlu sagrifiċċji bil-ferħ għal Ġeħova. (Lev. 1:3, 10, 14; 5:7) Għalkemm l-annimali sagrifikati forsi kienu differenti, kien hemm żewġ affarijiet li kienu meħtiġin minn  kull individwu li kien jagħmel sagrifiċċji volontarji.

6. X’kien meħtieġ minn kull individwu meta jagħmel sagrifiċċji, u kemm kien importanti li wieħed isegwi dawn il-ħtiġijiet?

6 L-ewwel, l-individwu kellu jagħti l-aqwa tiegħu. Ġeħova qal lill-ġens li kwalunkwe offerta kellha tkun bla difett sabiex ‘tinkiseb l-approvazzjoni.’ (Lev. 22:18-20) Jekk l-annimal kien ikun fih xi difett ma kienx jitqies bħala sagrifiċċju aċċettabbli għal Ġeħova. It-tieni, l-individwu li joffri s-sagrifiċċju kellu jkun nadif u mhux imniġġes. Jekk individwu ma kienx ikun nadif kellu jagħmel offerta għad-dnub jew offerta għall-ħtija biex jerġaʼ jikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova qabel ma jagħmel offerta volontarja. (Lev. 5:5, 6, 15) Din kienet kwistjoni serja. Ġeħova kkmanda li jekk xi ħadd li ma jkunx nadif jieħu mis-sagrifiċċju taʼ sħubija, li kien jinkludi offerti volontarji, dan kien jiġi maqtugħ minn mal-poplu t’Alla. (Lev. 7:20, 21) Mill-banda l-oħra, meta l-individwu li jagħmel is-sagrifiċċju kien ikollu waqfa tajba quddiem Ġeħova u l-offerta kienet tkun bla difett, dak li joffri s-sagrifiċċju setaʼ jithenna bis-sodisfazzjon.—Aqra l-1 Kronaki 29:9.

NAGĦMLU SAGRIFIĊĊJI LLUM

7, 8. (a) Ħafna liema ferħ iħossu meta jagħmlu sagrifiċċji għas-Saltna? (b) Liema riżorsi għandna għad-dispożizzjoni tagħna?

7 Illum, bl-istess mod, ħafna huma lesti li jaħdmu iebes fis-servizz taʼ Ġeħova, u Ġeħova jieħu pjaċir b’dan. Li naħdmu għan-nom taʼ ħutna hu premjanti. Ħu li jieħu sehem fil-bini taʼ Swali tas-Saltna u li jgħin lil dawk li jiġu effettwati mid-diżastri naturali jgħid li jsibha diffiċli biex jiddeskrivi s-sodisfazzjon li jħoss meta jaqdi b’dawn il-modi. Hu jgħid, “Meta tara l-kuntentizza u l-apprezzament tal-aħwa lokali wara li jidħlu fis-Sala tas-Saltna ġdida tagħhom jew meta jirċievu l-assistenza wara xi diżastru naturali, ix-xogħol u l-isforz kollu li tagħmel ikunu vallapena.”

Ħafna offerti kienu volontarji, bħas-sagrifiċċji li noffru llum (Ara paragrafi 7-13)

8 L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fi żmienna dejjem fittxet opportunitajiet biex tappoġġa x-xogħol taʼ Ġeħova. Fl-1904, Ħuna C. T. Russell kiteb: “Kull wieħed għandu jqis lilu nnifsu bħala maħtur mill-Mulej biex ikun il-prokuratur tal-ħin, l-influwenza, il-flus, eċċetra, tiegħu stess, u kull wieħed irid ifittex li juża dawn it-talenti bl-aqwa abbiltà tiegħu, għall-glorja tas-Sid.” Għalkemm naħsdu ħafna  barkiet, li nagħmlu sagrifiċċji lil Ġeħova jiswielna xi ħaġa. (2 Sam. 24:21-24) Nistgħu nużaw aħjar ir-riżorsi li għandna?

Membri ta’ Betel fl-Awstralja

9. Meta niġu biex nużaw il-ħin tagħna, liema prinċipju mill-istruzzjonijiet taʼ Ġesù li nsibu f’Luqa 10:2-4 nistgħu napplikaw?

9 Il-ħin tagħna. Jirrikjedi ħafna ħin u sforz biex tittraduċi u tistampa l-letteratura tagħna, tibni l-postijiet taʼ qima, torganizza l-konvenzjonijiet, tgħin meta jkun hemm xi diżastru, u tieħu sehem f’ħafna attivitajiet neċessarji oħrajn. Għandna biss 24 siegħa kuljum, imma Ġesù pprovda prinċipju li jistaʼ jgħinna. Meta bagħat lid-dixxipli tiegħu fis-servizz tal-għalqa, Ġesù qalilhom: “Fit-triq tieqfu tħaddnu lil ħadd biex issellmulu.” (Lq. 10:2-4) Ġesù għala ta istruzzjonijiet bħal dawn? Studjuż tal-Bibbja jgħid: “Tislimiet fost in-nies tal-Orjent ma kinux jikkonsistu, bħalma nagħmlu aħna, f’li jsellmu b’rashom, jew f’li jieħdu b’id xulxin, imma kienu jsiru b’ħafna tgħanniq, u jmilu, u saħansitra jinxteħtu mal-art. Dan kollu kien jirrikjedi ħafna ħin.” Ġesù ma kienx qed jinkuraġġixxi lis-segwaċi tiegħu biex ikunu maledukati. Minflok, kien qed jgħinhom jaraw li kellhom ammont taʼ ħin limitat u kellhom bżonn jieħdu vantaġġ sħiħ minnu biex jieħdu sehem fl-affarijiet iktar importanti. (Efes. 5:16) Nistgħu aħna napplikaw dan il-prinċipju sabiex ikollna iktar ħin ħalli nappoġġaw ix-xogħol tas-Saltna?

Pubblikaturi tas-Saltna f’Sala tas-Saltna fil-Kenja, l-Afrika

10, 11. (a) X’inhuma xi modi kif qed jintużaw id-donazzjonijiet tagħna għax-xogħol taʼ madwar id-dinja? (b) Liema prinċipju miktub fl-1 Korintin 16:1, 2 jistaʼ jgħinna?

10 Il-flus tagħna. Kemxa flus ġmielha hi meħtieġa biex tappoġġa x-xogħol taʼ madwar id-dinja. Kull sena jintefqu għaxriet taʼ miljuni t’ewro biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-indokraturi li jivvjaġġaw, tal-pijunieri speċjali, u tal-missjunarji. Mill-1999 ’l hawn, iktar minn 24,500 Sala tas-Saltna nbnew f’pajjiżi li għandhom riżorsi limitati. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa taʼ kważi 6,400 Sala tas-Saltna oħra. Kull xahar jiġu stampati xi 100 miljun kopja tat-Torri tal-Għassa u taʼ Stenbaħ! Dan kollu hu appoġġat mid-donazzjonijiet volontarji tagħkom.

11 L-appostlu Pawlu pprovda prinċipju li għandu jiġi segwit meta jingħataw id-donazzjonijiet. (Aqra l-1 Korintin 16:1, 2.) B’ispirazzjoni, hu inkuraġġixxa lil ħutu f’Korintu biex ma joqogħdux jistennew l-aħħar tal-ġimgħa ħalli jaraw x’kien baqgħalhom, imma minflok, biex iwarrbu xi ħaġa tal-flus fil-bidu tal-ġimgħa, li għalihom kien il-Ħadd, skont kemm setgħu. Bħal fl-ewwel seklu, ħutna fi żmienna jippjanaw minn qabel biex jikkontribwixxu b’mod ġeneruż skont iċ-ċirkustanzi tagħhom. (Lq. 21:1-4; Atti 4:32-35) Ġeħova jgħożż spirtu ġeneruż bħal dan.

Volontier tal-Kumitat Reġjonali tal-Bini f’Tuxedo, New York, l-Istati Uniti tal-Amerika

12, 13. X’jistaʼ jġiegħel lil xi wħud iżommu lura milli jagħtu mill-enerġija u l-abbiltajiet tagħhom, imma Ġeħova kif se jgħinhom?

12 L-enerġija u l-abbiltajiet tagħna. Ġeħova jappoġġana fl-isforzi tagħna biex nużaw l-enerġija u l-abbiltajiet tagħna għas-Saltna. Hu jwiegħed li jgħinna meta negħjew. (Is. 40:29-31) Inħossu aħna li m’aħniex kwalifikati biżżejjed biex ngħinu fix-xogħol tas-Saltna? Nirraġunaw li hemm oħrajn li huma iktar kwalifikati? Ftakar li Ġeħova jistaʼ jtejjeb l-abbiltajiet naturali taʼ kulħadd, sewwasew bħalma għamel għal Besalel u Oħolijab.—Eżo. 31:1-6; ara l-ewwel stampa.

13 Ġeħova jinkuraġġina biex nagħtu l-aqwa tagħna u ma nżommux lura. (Prov. 3:27) Waqt il-bini mill-ġdid tat-tempju, Ġeħova qal lil-Lhud f’Ġerusalemm biex jimmeditaw fuq dak li kienu qed jagħmlu ħalli jappoġġaw ix-xogħol. (Ħag. 1:2-5) Kienu ġew aljenati u ma kinux qed ipoġġu x-xogħol taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjiethom. Nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw jekk il-prijoritajiet tagħna humiex fi qbil  mal-prijoritajiet taʼ Ġeħova. Nistgħu aħna naħsbu bis-serjetà dwar ħajjitna u nippjanaw kif nistgħu nagħmlu iktar biex nappoġġaw is-Saltna t’Alla f’dawn l-aħħar jiem?

SAGRIFIĊĊJI SKONT DAK LI GĦANDNA

14, 15. (a) Kif niġu inkuraġġiti bl-eżempju taʼ ħutna li għandhom mezzi limitati? (b) X’għandha tkun ix-xewqa tagħna?

14 Ħafna jgħixu fi nħawi fejn it-tbatija jew il-faqar hu komuni. L-organizzazzjoni tagħna tagħmel ħilitha kollha biex ‘tagħmel tajjeb’ għan-nieqes taʼ ħutna li jgħixu f’dawn il-pajjiżi. (2 Kor. 8:14) Madankollu, anki aħwa li għandhom riżorsi limitati jgħożżu l-privileġġ taʼ li jagħtu. Ġeħova jieħu pjaċir meta l-foqra materjalment jitqanqlu biex jagħtu bil-ferħ.—2 Kor. 9:7.

15 F’pajjiż fqir ħafna fl-Afrika, xi aħwa jwarrbu sezzjoni żgħira mill-ġnien tagħhom u jużaw il-flus mill-bejgħ tal-prodott minn din is-sezzjoni biex jappoġġaw ix-xogħol tas-Saltna. F’dan l-istess pajjiż, l-aħwa lokali riedu jgħinu fi proġett taʼ bini taʼ Sala tas-Saltna. Madankollu, il-proġett kellu jsir fi żmien l-istaġun taż-żrigħ tagħhom. Peress li xorta kienu determinati li jkollhom sehem, huma ħadmu fuq il-proġett tas-Sala tas-Saltna matul il-jum u mbagħad marru jaħdmu fl-għelieqi filgħaxija. Xi spirtu taʼ sagrifiċċju dak! Dan ifakkarna fl-aħwa fil-Maċedonja tal-ewwel seklu. Kellhom “faqar bla qjies,” u madankollu talbu bi ħrara kbira biex ikollhom il-privileġġ li jgħinu fil-proġett li kien qed isir. (2 Kor. 8:1-4) Jalla kull wieħed minna bl-istess mod ‘jagħti skond il-barka li jkun tah Ġeħova.’—Aqra Dewteronomju 16:17.

16. Kif nistgħu nkunu ċerti li s-sagrifiċċji tagħna huma aċċettabbli għal Ġeħova?

16 Madankollu, kelma taʼ twissija hi meħtieġa. Bħalma għamlu l-Iżraelin tal-qedem, irridu nkunu ċerti li s-sagrifiċċji volontarji tagħna huma aċċettabbli għal Alla. Irridu nżommu l-bilanċ sabiex nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet primarji tagħna f’konnessjoni mal-familja tagħna u mal-qima taʼ Ġeħova. Forsi jkollna l-opportunità li ngħinu lil ħaddieħor billi nagħtu mill-ħin u r-riżorsi tagħna. Madankollu, dan m’għandux iġegħelna nittraskuraw ir-relazzjoni tal-familja tagħna maʼ Ġeħova jew il-bżonnijiet materjali tagħhom. Inkella nkunu bħallikieku qed nagħtu skont dak li ma jkollniex. (Aqra t-2 Korintin 8:12.) Iżjed minn hekk, irridu nżommu l-ispiritwalità tagħna. (1 Kor. 9:26, 27) Iżda, nistgħu nkunu ċerti li meta ngħixu skont il-livelli tal-Bibbja, is-sagrifiċċji tagħna jagħtuna ħafna ferħ u sodisfazzjon, u jkunu “speċjalment aċċettabbli” għal Ġeħova.

IS-SAGRIFIĊĊJI TAGĦNA HUMA TAʼ VALUR KBIR

17, 18. Kif inħossuna dwar dawk kollha li qed jagħmlu sagrifiċċji għas-Saltna, u lkoll kemm aħna x’għandna nikkunsidraw?

17 Ħafna minn ħutna ‘jferrgħu lilhom infushom bħal offerta tax-xorb’ permezz taʼ xogħolhom biex jappoġġaw l-attivitajiet neċessarji tas-Saltna. (Flp. 2:17) Aħna napprezzaw sinċerament lil dawk li wrew spirtu ġeneruż bħal dan. In-nisa u t-tfal tal-aħwa li jieħdu t-tmexxija fl-attività tas-Saltna wkoll jiġu mfaħħrin għall-ispirtu tagħhom taʼ ġenerożità u sagrifiċċju.

18 Ħafna xogħol iebes hu meħtieġ sabiex nappoġġaw ix-xogħol tas-Saltna. Jalla lkoll kemm aħna nitolbu u naħsbu bis-serjetà dwar kif jistaʼ jkollna sehem kbir kemm jistaʼ jkun. Int tistaʼ tkun fiduċjuż li l-barkiet huma kbar issa u se jkunu saħansitra akbar “fis-sistema li ġejja.”—Mk. 10:28-30.

^ Par. 2 Ara l-artiklu “Noffru Sagrifiċċji b’Ruħna Kollha lil Ġeħova” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Jannar, 2012, paġni 21-25.