Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġeħova Pproteġiehom fid-Dellijiet tal-Muntanji

Ġeħova Pproteġiehom fid-Dellijiet tal-Muntanji

HEKK kif il-mara toħroġ mill-bieb mas-sebħ filgħodu, tinnota pakkett fuq l-għatba tal-bieb. Tiġbru u tħares madwarha, imma m’hemm ħadd fit-triq. Xi ħadd mhux magħruf ħallieh hemm matul il-lejl. Tiftaħ ftit il-pakkett u minnufih tidħol ġewwa u tagħlaq il-bieb. Mhux taʼ b’xejn! Il-pakkett fih letteratura Biblika pprojbita! Waqt li tgħannaq il-pakkett, hi tgħid talba f’qalbha ħalli tirringrazzja lil Ġeħova għall-ikel prezzjuż spiritwali.

Xeni bħal dawn seħħew fil-Ġermanja matul is-snin 30. Wara li fl-1933 telgħu n-Nazi fil-gvern, ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova ġie pprojbit f’ħafna partijiet tal-pajjiż. “Konna konvinti li x-xandir dwar Ġeħova u ismu ma setax jiġi mwaqqaf minn xi liġi tal-bniedem,” jgħid Richard Rudolph, li issa għandu iktar minn 100 sena. * “Il-letteratura Biblika kienet importanti għall-istudju u l-ministeru tagħna. Madankollu, minħabba li l-letteratura kienet ipprojbita, ma baqgħetx aktar faċli biex tinkiseb. Bdejna nitħassbu kif se jitkompla x-xogħol.” Richard ma damx ma tgħallem li setaʼ jgħin biex jagħmel dan ix-xogħol b’mod mhux tas-soltu. Kien se jsir fid-dellijiet tal-muntanji.—Mħ. 9:36.

FIL-MOGĦDIJIET TAL-KUNTRABANDISTI

Imxi lejn in-Nofsinhar mill-Baħar tat-Tramuntana u segwi x-Xmara Elbe (jew, Labe). Eventwalment tispiċċa fuq il-Muntanji Giant (Krkonoše), li fil-preżent huma fuq il-fruntiera taʼ bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja. Għalkemm il-muntanji huma għoljin biss xi 1,600 metru, xorta waħda ssejħu gżira artika f’nofs l-Ewropa. Sa 3 metri borra jiksu l-qċaċet tal-muntanji għal xi sitt xhur. Dawk li ma jiħdux bis-serjetà t-temp imprevedibbli jistgħu jinqabdu fi ċpar oħxon li f’ħakka t’għajn jiksi l-qċaċet.

Matul is-sekli, dan il-grupp taʼ muntanji fforma fruntiera naturali bejn il-provinċji, is-saltniet, u l-istati. L-art perikoluża kienet diffiċli biex tiġi mgħassa, u allura fil-passat, ħafna nies f’dawn l-akkwati daħħlu affarijiet b’kuntrabandu minn  fuq dawn il-muntanji. Fis-snin 30, meta l-Muntanji Giant kienu jisseparaw iċ-Ċekoslovakkja u l-Ġermanja, ix-Xhieda determinati bdew jużaw il-mogħdijiet abbandunati mill-kuntrabandisti. Għal liema raġuni? Sabiex jittrasportaw letteratura prezzjuża Biblika minn fejn kienet iktar faċli biex tinkiseb. Iż-żagħżugħ Richard kien wieħed minn dawn ix-Xhieda.

Aħwa rġiel u nisa lebsin taʼ ħajkers ġarrew letteratura minn fuq il-Muntanji Giant għal ġol-Ġermanja

“ĦAJKS” PERIKOLUŻI

“Kull tmiem il-ġimgħa, fi gruppi taʼ xi sebaʼ aħwa rġiel żgħażagħ lebsin taʼ ħajkers, irħejnielha għal fuq il-muntanji,” jiftakar Richard. “Min-naħa tal-Ġermanja, kien jiħdilna xi tliet sigħat biex naqsmu l-muntanji u naslu Špindlerův Mlýn”—post turistiku xi 17-il kilometru ’l bogħod, fuq in-naħa taċ-Ċekoslovakkja. Dak iż-żmien kien hemm ħafna Ġermaniżi jgħixu f’dawk l-inħawi. Wieħed minnhom kien bidwi li kien jaqbel li jikkoopera maʼ ħutna. Dan uża vagun, li jinġibed miż-żwiemel u li normalment kien jintuża biex jittrasporta t-turisti, biex jiġbor kaxex tal-letteratura minn raħal fil-viċin, li kienu jintbagħtu bit-trejn minn Praga. Hu kien jieħu l-kaxex fir-razzett tiegħu u jaħbihom fejn jinżamm it-tiben biex jistennew lil min kellu jieħu l-letteratura għan-naħa tal-Ġermanja.

Richard ikompli jgħid: “Wara li konna naslu r-razzett, konna nimlew il-barżakki li kienu disinjati b’mod partikulari għal ħafna toqol. Kull wieħed minna kien iġorr xi 50 kilogramm.” Biex ma jinqabdux, kienu jimxu fid-dawl tal-qamar, jibdew minn inżul ix-xemx u jaslu d-dar qabel tlugħ ix-xemx. Ernst Wiesner, li f’dak iż-żmien kien indokratur tas-circuit, iddeskriva xi affarijiet oħra li kienu jagħmlu biex ma jinqabdux: “Żewġ aħwa rġiel kienu jitilqu qabel l-oħrajn, u kull meta kienu jiltaqgħu maʼ xi ħadd minnufih kienu jagħmlu sinjal bit-torċijiet tagħhom. Dan kien sinjal għall-aħwa li kellhom barżakki tqal u li kienu qed isegwuhom xi 100 metru warajhom sabiex jinħbew fis-siġar tul it-triq. Dan kellhom jagħmluh sakemm iż-żewġ aħwa rġiel li kienu quddiemhom kienu jiġu lura u jagħtuhom ċerta password, li kienet tinbidel kull ġimgħa.” Però, il-pulizija Ġermaniżi bl-uniformi blu ma kinux l-uniku periklu.

“Lejla minnhom kelli naħdem iktar mis-soltu,” jiftakar Richard, “allura tlaqt lejn iċ-Ċekoslovakkja  iktar tard minn ħuti. Kien id-dlam u ċ-ċpar, u kont qed nitriegħed hekk kif imxejt fix-xita inġazzata. Intlift fis-siġar żgħar, u ma stajtx insib triqti lura għal diversi sigħat. Ħafna ħajkers hekk mietu. Kien biss meta ħuti kienu ġejjin lura kmieni filgħodu li ltqajt magħhom.”

Għal xi tliet snin, il-grupp żgħir t’aħwa kuraġġużi kienu jmorru kull ġimgħa lejn il-muntanji. Fix-xitwa, ittrasferew it-tagħbijiet prezzjużi tagħhom bl-iskis jew bl-islitti. Kultant, grupp taʼ mhux iktar minn 20 ħu kienu jaqsmu l-fruntiera matul il-jum, minn mogħdijiet li jintużaw minn min ikun qed jiħħajkja. Biex żgur jagħtu l-impressjoni li qegħdin hemm sempliċement għal ħajk, marru magħhom xi aħwa nisa. Xi wħud min-nisa mxew quddiem u waddbu l-kpiepel fl-arja meta ssuspettaw li kien hemm xi periklu.

Qċaċet miksijin bil-borra għamluha diffiċli biex l-aħwa jaqsmu l-Muntanji Giant

X’kien jiġri wara li dawn l-aħwa kienu jaslu lura mill-vjaġġi taʼ billejl? Kien hemm arranġamenti biex jagħmlu ċert li l-letteratura tkun imqassma mill-ewwel. Kif? Il-pubblikazzjonijiet kienu jiġu ppakkjati biex jidhru bħas-sapun u jittieħdu lejn l-istazzjon tat-trejn f’Hirschberg. Il-pakketti kienu jintbagħtu f’diversi postijiet fil-Ġermanja, fejn l-aħwa kienu jħalluhom, b’mod li ma jagħtix fil-għajn, lil sħabhom fit-twemmin bħalma hu deskritt fil-bidu. Kien hemm ħafna aħwa involuti f’dan ix-xogħol, u għalhekk anki jekk jinqabad wieħed minnhom kienu se jinqabdu oħrajn ukoll u setaʼ jkun hemm konsegwenzi serji ħafna. Fil-fatt, darba minnhom b’mod mhux mistenni hekk ġara!

Fl-1936, inkixef maħżen tal-letteratura f’Berlin. Fost l-affarijiet li nstabu hemmhekk kien hemm tliet pakketti li ntbagħtu minn xi ħadd mhux magħruf f’Hirschberg. Il-pulizija analizzaw il-kitba biex jidentifikaw lil membru importanti tal-grupp kuntrabandist u arrestawh. Ftit wara, ġew arrestati żewġ suspettati oħrajn, inkluż Richard Rudolph. Minħabba li l-aħwa aċċettaw ir-responsabbiltà kollha, għal xi żmien, oħrajn setgħu jkomplu bil-vjaġġi li baqgħu jsiru iktar perikolużi.

LEZZJONI GĦALINA

Il-pubblikazzjonijiet li waslu f’barżakki minn fuq il-Muntanji Giant irrappreżentaw ammont importanti taʼ letteratura Biblika għax-Xhieda Ġermaniżi. Iżda l-Muntanji Giant ma kinux l-uniċi rotot li ntużaw. Sal-1939, meta l-armata Ġermaniża okkupat iċ-Ċekoslovakkja, rotot simili eżistew tul il-fruntiera taʼ dan il-pajjiż. F’pajjiżi oħra li għandhom il-fruntiera mal-Ġermanja, bħal Franza, l-Olanda, u l-Iżvizzera, Xhieda fuq iż-żewġ bnadi rriskjaw ħajjithom biex jagħtu ikel spiritwali lil sħabhom fit-twemmin li kienu qed jiġu ppersegwitati.

Il-maġġorparti minna llum għandna letteratura Biblika fi kwantità meħtieġa u f’diversi forom. Kemm jekk tikseb pubblikazzjoni ġdida mis-Sala tas-Saltna u kemm jekk tniżżilha mill-Websajt jw.org/mt, għax ma taħsibx x’kien involut sakemm waslet għandek? Probabbilment ma kienx daqshekk drammatiku bħal li taqsam il-qċaċet tal-muntanji miksijin bil-borra f’nofsillejl, imma żgur li jirrikjedi xogħol iebes minn ħafna minn sħabek fit-twemmin li qed jaqduk b’mod mhux egoist.

^ Par. 3 Hu qeda fil-Kongregazzjoni taʼ Hirschberg f’Silesja. Il-belt taʼ Hirschberg issa jisimha Jelenia Góra fin-naħa tal-Lbiċ tal-Polonja.