“Ikollna nqajmu kontrih sebaʼ rgħajja, iva, tmien duki minn fost il-bnedmin.”—MIK. 5:5.

1. Il-pjan tas-slaten tas-Sirja u t’Iżrael għala ma setax jirnexxi?

XI ŻMIEN bejn is-sena 762 Q.E.K. u s-sena 759 Q.E.K., is-sultan t’Iżrael u s-sultan tas-Sirja bdew gwerra kontra s-saltna taʼ Ġuda. X’kienet il-mira tagħhom? Li jinvadu lil Ġerusalemm, ineħħu lis-Sultan Aħaż minn fuq it-tron, u minfloku jpoġġu raġel ieħor, forsi raġel li ma kienx mil-linja tas-Sultan David. (Is. 7:5, 6) Is-sultan t’Iżrael missu kien jaf aħjar. Ġeħova kien wiegħed li dejjem kien se jsaltan wieħed mid-dixxendenti taʼ David, u l-kelma t’Alla dejjem titwettaq.—Ġoż. 23:14; 2 Sam. 7:16.

2-4. Spjega kif Isaija 7:14, 16 twettaq (a) fit-tmien seklu Q.E.K. (b) fl-ewwel seklu E.K.

2 Għall-ewwel, l-alleanza bejn is-Sirjani u l-Iżraelin dehret li kienet se tirbaħ. Biss biss, f’battalja minnhom, Aħaż tilef 120,000 suldat qalbieni! Magħseja, “bin is-sultan,” inqatel. (2 Kron. 28:6, 7) Imma Ġeħova kien qed jara kollox. Ftakar fil-wegħda li għamel lil David; b’hekk bagħat lill-profeta Isaija b’messaġġ inkuraġġanti ħafna.

3 Isaija qal: “Ara! It-tfajla toħroġ tqila, u tiled iben, u hi ssemmih Emmanuwel. . . . Qabel it-tifel ikun jaf kif iwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb, l-art taż-żewġ slaten [Is-Sirja u Iżrael] li minħabba fihom qed tħossok imkexkex ferm se tkun ġiet mitluqa għalkollox.” (Is. 7:14, 16) Huwa minnu li l-ewwel parti taʼ din il-profezija tapplika għat-twelid tal-Messija. (Mt. 1:23) Però, peress li “ż-żewġ slaten,” is-sultan tas-Sirja u s-sultan t’Iżrael, ma kinux għadhom taʼ theddida għal Ġuda fl-ewwel seklu E.K., il-profezija dwar Emmanuwel bilfors li kellha l-ewwel twettiq tagħha fi żmien Isaija.

4 Ftit wara li Isaija għamel din id-dikjarazzjoni rimarkevoli, martu nqabdet tqila u wilditlu tifel li  ġie msemmi Maħer-salal-ħas-baż. Jistaʼ jkun li dan it-tifel kien “Emmanuwel” li semma Isaija. * Fi żminijiet Bibliċi, tarbija setgħet tingħata isem fit-twelid, forsi biex tiġi mfakkra xi ġrajja speċjali, imma mbagħad tiġi msejħa b’isem ieħor mill-ġenituri u mill-qraba. (2 Sam. 12:24, 25) M’hemm l-ebda evidenza li Ġesù xi darba ġie msejjaħ bl-isem Emmanuwel.—Aqra Isaija 7:14; 8:3, 4.

5. Liema deċiżjoni banali ħa s-Sultan Aħaż?

5 Waqt li Iżrael u s-Sirja kienu ffokati fuq Ġuda, il-ġens tal-Assirja wkoll kien qed jippjana biex jirbaħ ir-reġjun. L-Assirja kienet ġens aggressiv li kien qed jikseb iktar u iktar poter. Skont Isaija 8:3, 4, l-Assirja kienet se tkaxkar “ir-riżorsi taʼ Damasku” u “l-priża tas-Samarija” qabel ma tattakka lis-saltna taʼ Ġuda fin-Nofsinhar. Minflok ma fada fil-kelma t’Alla permezz t’Isaija, Aħaż, li ma kellux fidi, daħal f’patt diżastruż mal-Assirjani, u dan eventwalment wassal biex is-saltna taʼ Ġuda tiġi mgħakksa minnhom. (2 Slat. 16:7-10) Kemm falla bl-ikrah Aħaż bħala ragħaj taʼ Ġuda! Għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna, ‘Meta jkolli nieħu xi deċiżjonijiet importanti, f’min nafda—f’Alla jew fil-bnedmin?’—Prov. 3:5, 6.

RAGĦAJ ĠDID JAĠIXXI B’MOD DIFFERENTI

6. Ħeżekija kif kien differenti minn Aħaż?

6 Aħaż miet fis-sena 746 Q.E.K., u ibnu Ħeżekija wiret is-saltna taʼ Ġuda li kienet fqira u li ma baqgħetx taqdi lil Ġeħova. Hekk kif is-sultan żagħżugħ telaʼ fuq it-tron, x’kienet se tkun il-prijorità tiegħu? Li jerġaʼ jagħmel il-ġens wieħed għani materjalment? Le. Ħeżekija kien raġel spiritwali u kien ragħaj tajjeb għall-ġens. L-ewwel ħaġa li għamel kienet li ġedded il-qima pura u għen lill-ġens stinat jerġaʼ jibni relazzjoni maʼ Ġeħova. Meta fehem x’kienet ir-rieda t’Alla għalih, Ħeżekija obda minnufih. X’eżempju mill-aħjar għalina!—2 Kron. 29:1-19.

7. Għala kien importanti li s-sultan ġdid iserraħ moħħ il-Leviti li kien se jappoġġahom?

7 Il-Leviti kellhom ir-responsabbiltà serja li jgħinu lin-nies jerġgħu jqimu lil Ġeħova. Għalhekk, Ħeżekija ltaqaʼ magħhom biex iserrħilhom moħħhom li kien se jappoġġahom. Ġib quddiem għajnejk il-Leviti leali li kienu preżenti fil-laqgħa, jibku bil-ferħ hekk kif semgħu lis-sultan tagħhom jiddikjara: “Lilkom għażel Ġeħova biex tieqfu quddiemu u taqduh.” (2 Kron. 29:11) Iva, il-Leviti kellhom kmand ċar daqs il-kristall biex jippromwovu l-qima pura!

8. X’għamel iktar Ħeżekija biex jgħin lin-nies ħalli jerġgħu jqimu lil Ġeħova, u b’liema riżultat?

8 Ħeżekija stieden lill-ġens kollu taʼ Ġuda u Iżrael għal ċelebrazzjoni kbira tal-Qbiż. Wara l-Qbiż, il-poplu ċċelebra l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira li damet sejra sebat ijiem. In-nies tant ħadu pjaċir bil-festa li ċċelebrawha għal sebat ijiem oħra. Il-Bibbja tgħidilna: “Kien hemm hena kbir f’Ġerusalemm, għax minn żmien Salamun, bin David, is-sultan taʼ Israel, ma kien hemm xejn bħal dan f’Ġerusalemm.” (2 Kron. 30:25, 26) Din il-festa żgur li kienet inkuraġġanti ferm għall-poplu! Mit-2 Kronaki 31:1 nitgħallmu: “Malli temmew dan kollu, . . . kissru l-pilastri sagri u qaċċtu l-arbli sagri u ġarrfu l-postijiet għall-qima u l-artali.” Jidher ċar li n-nies taʼ Ġuda kienu bdew jirritornaw lejn Ġeħova. Dan it-tindif  kien se jkun importanti ħafna meta tqis dak li kien ġej.

IS-SULTAN ILESTI RUĦU GĦALL-INKWIET

9. (a) Il-pjanijiet t’Iżrael kif sfaxxaw fix-xejn? (b) Għall-ewwel, Sennakerib liema suċċess kellu f’Ġuda?

9 Eżatt kif kien qal Isaija, l-Assirjani għelbu is-saltna taʼ Iżrael fit-Tramuntana u ħadu fl-eżilju lin-nies bħala priġunieri. Dan ġab fi tmiem il-pjan t’Iżrael biex jagħżel sultan għal Ġuda li ma kienx mill-familja taʼ David. Imma xi ngħidu għall-pjanijiet li fasslet l-Assirja? L-Assirjani issa tefgħu għajnejhom fuq Ġuda. “Fis-sena erbatax tas-Sultan Ħeżekija, Sennakerib is-sultan taʼ l-Assirja telaʼ kontra l-bliet fortifikati kollha taʼ Ġuda u ħadhom f’idejh.” B’kollox, Sennakerib għeleb 46 belt taʼ Ġuda. Immaġina kif kont tħossok li kieku kont tgħix f’Ġerusalemm dak iż-żmien—il-bliet taʼ Ġuda kienu qed jaqgħu waħda wara l-oħra hekk kif l-armati Assirjani resqu eqreb lejn darek!—2 Slat. 18:13.

10. Mikea 5:5, 6 għala setaʼ inkuraġġixxa lil Ħeżekija?

10 Naturalment, Ħeżekija kien jaf bil-periklu li kien riesaq, imma ma tahx ferħ taʼ ġenn u ma talabx l-għajnuna taʼ ġens pagan, kif kien għamel missieru Aħaż li kien apostata. Ħeżekija fada f’Ġeħova. (2 Kron. 28:20, 21) Abbli kien jaf bil-kliem tal-profeta Mikea, li bassar hekk dwar l-Assirja: “Inkwantu għall-Assirjan, . . . ikollna nqajmu kontrih sebaʼ rgħajja, iva, tmien duki minn fost il-bnedmin. U huma jirgħu l-art taʼ l-Assirja bis-sejf.” (Mik. 5:5, 6) Min jaf kemm dan il-kliem imnebbaħ inkuraġġixxa lil Ħeżekija għax wera li Ġeħova kien se jqajjem armata mhix tas-soltu kontra l-Assirjani, u din kienet se tirbħilhom.

11. Il-profezija dwar sebaʼ rgħajja u tmien duki meta kien se jkollha t-twettiq primarju tagħha?

11 Il-profezija dwar sebaʼ rgħajja u tmien duki (“prinċpijiet,” Mikea 5:4; Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija) kellha t-twettiq primarju, jew l-iktar importanti, ħafna wara t-twelid taʼ Ġesù, il-“ħakkiem f’Israel, li l-oriġini tiegħu hi mill-qedem.” (Aqra Mikea 5:1, 2.) Dan kien se jiġri fi żmien meta l-eżistenza nfisha tal-qaddejja taʼ Ġeħova kienet se tiġi mhedda minn “Assirjan” taʼ żmienna. Liema armata, immexxija minn  Ibnu, se juża Ġeħova biex jeqred lill-għadu? Se nwieġbu dan iktar ’il quddiem fl-artiklu. Imma l-ewwel, ejja nikkunsidraw x’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamel Ħeżekija meta sab ruħu wiċċ imb wiċċ mat-theddida Assirjana.

ĦEŻEKIJA JIEĦU PASSI PRATTIĊI

12. Ħeżekija u dawk li kienu miegħu liema passi ħadu biex jipproteġu lin-nies t’Alla?

12 Meta nħossu li m’aħniex kapaċi nsolvu xi problema, Ġeħova dejjem ikun lest biex jagħtina daqqa t’id. Imma jistenna li ma noqogħdux b’idejna fuq żaqqna imma li nagħmlu kulma nistgħu biex insolvu l-problema. Ħeżekija kkonsulta “mal-prinċpijiet tiegħu u maʼ l-irġiel setgħanin tiegħu,” u flimkien iddeċidew ‘li jwaqqfu l-ilmijiet taʼ l-għejun li kien hemm barra l-belt. Barra minn hekk, Ħeżekija għamel il-kuraġġ u bena s-sur imġarraf u tellaʼ torrijiet fuqu, u fuq barra tellaʼ sur ieħor, u għamel vleġeġ bl-abbundanza u tarki.’ (2 Kron. 32:3-5) Sabiex jipproteġi u jirgħa lin-nies Tiegħu dak iż-żmien, Ġeħova uża numru taʼ rġiel qalbenin—Ħeżekija, il-prinċpijiet tiegħu, u l-profeti li kienu b’saħħithom spiritwalment.

13. X’kien l-iktar pass importanti li ħa Ħeżekija biex iħejji lill-poplu għall-attakk li kien ġej? Spjega.

13 Imbagħad Ħeżekija għamel xi ħaġa li kienet saħansitra iktar importanti milli jwaqqaf l-ilma jew jiffortifika s-swar tal-belt. Peress li kien ragħaj tajjeb, Ħeżekija ġabar lin-nies u ħeġġiġhom spiritwalment bil-kliem: “Tibżgħux u titwerwrux minħabba s-sultan taʼ l-Assirja . . . għax magħna hemm iktar milli hemm miegħu. Miegħu hemm driegħ tal-laħam, imma magħna hemm Ġeħova Alla tagħna biex jgħinna u jiġġieled il-battalji tagħna.” Xi tfakkira li ssaħħaħ il-fidi—Ġeħova kien se jiġġieled għall-poplu tiegħu! Malli semgħu dan, il-Lhud “bdew iqawwu qalbhom malli semgħu kliem Ħeżekija, is-sultan taʼ Ġuda.” Innota li kien “kliem Ħeżekija” li ġiegħel lin-nies jagħmlu l-qalb. Ħeżekija, il-prinċpijiet u l-irġiel setgħanin tiegħu, kif ukoll il-profeti Mikea u Isaija, urew li kienu rgħajja effettivi, sewwa sew kif kien bassar Ġeħova permezz tal-profeta tiegħu.—2 Kron. 32:7, 8; aqra Mikea 5:5, 6.

Kliem Ħeżekija ġiegħel lin-nies jagħmlu l-qalb (Ara paragrafi 12, 13)

14. Rabsake x’qal, u n-nies kif irreaġixxew?

14 Is-sultan tal-Assirja kkampja f’Lakis, lejn il-Lbiċ taʼ Ġerusalemm. Minn hemmhekk, bagħat tliet messaġġieri Ġerusalemm biex jgħidu lin-nies iċedu. Il-kelliemi tiegħu, li kellu t-titlu uffiċjali Rabsake, uża diversi tattiki. Hu tkellem bl-Ebrajk u ħeġġeġ lill-poplu biex jittradixxu lis-sultan u jissottomettu ruħhom lejn l-Assirjani. Ukoll, b’mod falz wegħedhom li jiħodhom f’art oħra li fiha setgħu jgawdu ħajja komda. (Aqra t-2 Slaten 18:31, 32.) Imbagħad Rabsake saħaq li sewwa sew bħalma l-allat tal-ġnus ma kellhomx il-ħila jipproteġu lill-aduraturi tagħhom, hekk ukoll Ġeħova ma kienx se jkun kapaċi jeħles lil-Lhud minn taħt idejn l-Assirjani. In-nies b’mod għaqli ma pprovawx iwieġbu l-gideb u l-akkużi foloz. Illum, il-qaddejja taʼ Ġeħova spiss isegwu l-eżempju tagħhom.—Aqra t-2 Slaten 18:35, 36.

15. X’kien mitlub mill-abitanti taʼ Ġerusalemm, u Ġeħova kif salva lill-belt?

15 Naturalment, Ħeżekija kien inkwetat. Imma minflok ma dar lejn xi ġens ieħor għall-għajnuna, bagħat għall-profeta Isaija. Isaija qal lil Ħeżekija: “[Sennakerib] ma jidħolx f’din il-belt u ebda vleġġa ma jispara hemmhekk.” (2 Slat. 19:32) Kulma kien mitlub mill-abitanti taʼ Ġerusalemm kien li jkunu kuraġġużi u ma jaqtgħux qalbhom. Ġeħova qal li kien se jiġġieled għal Ġuda. U hekk għamel!  “Ġara dak il-lejl li l-anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel mija u ħamsa u tmenin elf ruħ fil-kamp taʼ l-Assirjani.” (2 Slat. 19:35) Is-salvazzjoni taʼ Ġuda ma ġietx billi Ħeżekija waqqaf l-ilmijiet tal-għejun tal-belt jew billi bena s-swar tagħha, imma bil-qawwa taʼ Ġeħova.

LEZZJONIJIET GĦAL-LUM

16. Illum min hu rappreżentat (a) miċ-ċittadini taʼ Ġerusalemm (b) mill-“Assirjan” (ċ) mis-sebaʼ rgħajja u tmien duki?

16 Il-profezija dwar is-sebaʼ rgħajja u tmien duki għandha t-twettiq primarju tagħha fi żmienna. Iċ-ċittadini taʼ Ġerusalemm tal-qedem ġew attakkati mill-Assirjani. Fil-futur qarib, in-nies taʼ Ġeħova, li se jkunu jidhru vulnerabbli, se jiġu attakkati mill-“Assirjan” taʼ żmienna, li l-iskop tiegħu hu li jeqridhom għalkollox. L-Iskrittura tirreferi għal dan l-attakk kif ukoll għall-attakk taʼ ‘Gog taʼ Magog,’ l-attakk tas-“sultan tat-tramuntana,” u l-attakk tas-“slaten taʼ l-art.” (Eżek. 38:2, 10-13; Dan. 11:40, 44, 45; Riv. 17:14; 19:19) Jirrappreżentaw dawn attakki differenti? Mhux bilfors. Jistaʼ jkun li l-Bibbja qed tuża ismijiet differenti biex tirreferi għall-istess attakk. Ġeħova x’armata se juża kontra dan l-għadu kattiv li hu msejjaħ “l-Assirjan”? Waħda mhix tas-soltu—“sebaʼ rgħajja, iva, tmien duki”! (Mik. 5:5) Ir-rgħajja u d-duki (jew “prinċpijiet,” GħBM) f’din l-armata huma l-anzjani tal-kongregazzjoni. (1 Pt. 5:2) Illum, Ġeħova żgur li pprovda abbundanza taʼ rġiel spiritwali biex jirgħu lin-nagħaġ prezzjużi tiegħu u jqawwu qalb il-poplu tiegħu għall-attakk li ġej mill-“Assirjan” taʼ żmienna. * Il-profezija taʼ Mikea tistqarr li se “jirgħu l-art taʼ l-Assirja bis-sejf.” (Mik. 5:6) Iva, fost ‘l-armi li jiggwerraw bihom’ hemm “is-sejf taʼ l-ispirtu,” il-Kelma t’Alla.—2 Kor. 10:4; Efes. 6:17.

17. Liema erbaʼ lezzjonijiet jistgħu jisiltu l-anzjani mir-rakkont li kkunsidrajna?

17 L-anzjani li qed jaqraw dan l-artiklu jistgħu jitgħallmu xi lezzjonijiet utli mir-rakkont li għadna kif ikkunsidrajna: (1) L-iktar pass prattiku li nistgħu nieħdu biex inħejju ruħna għall-attakk li ġej mill-“Assirjan” hu li nsaħħu l-fidi tagħna f’Alla u ngħinu lil ħutna biex jagħmlu l-istess ħaġa. (2) Meta jattakka “l-Assirjan,” l-anzjani għandhom ikunu konvinti għalkollox li Ġeħova se jeħlisna. (3) F’dak iż-żmien, jistaʼ jkun li d-direzzjoni li ssalva l-ħajjiet li nirċievu mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ma tidhirx prattika minn ħarsa umana. Kull wieħed u waħda minna għandu jkun lest li jobdi kwalunkwe istruzzjoni li nirċievu, kemm jekk jaqbel magħha u kemm jekk le. (4) Issa hu l-waqt li dawk li qed jafdaw fl-edukazzjoni sekulari, l-affarijiet materjali, jew l-organizzazzjonijiet tal-bniedem jaġġustaw il-ħsib tagħhom. L-anzjani jridu jkunu lesti biex jgħinu lil dawk li bħalissa l-fidi tagħhom qed tiddgħajjef.

18. Il-fatt li nimmeditaw fuq dan ir-rakkont kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina fil-futur?

18 Se jasal iż-żmien meta l-qaddejja t’Alla fi żmienna se jidhru vulnerabbli bħal-Lhud maqbudin f’Ġerusalemm fi żmien Ħeżekija. F’dak iż-żmien, jalla l-kliem taʼ Ħeżekija jgħinna nżommu l-fidi b’saħħitha. Ejja niftakru li mal-għedewwa tagħna “hemm driegħ tal-laħam, imma magħna hemm Ġeħova Alla tagħna biex jgħinna u jiġġieled il-battalji tagħna”!—2 Kron. 32:8.

^ Par. 4 Il-kelma Ebrajka tradotta “tfajla” f’Isaija 7:14 tistaʼ tfisser jew mara miżżewġa jew verġni. Għaldaqstant, l-istess kelma tistaʼ tapplika kemm għall-mara t’Isaija kif ukoll għall-verġni Lhudija Marija.

^ Par. 16 In-numru sebgħa jintuża spiss fl-Iskrittura biex jissimbolizza xi ħaġa kompluta. In-numru tmienja (wieħed iktar minn sebgħa) kultant jirrappreżenta abbundanza.